L-isforzi li qed nagħmlu biex nibqgħu mqajmin qed ibażwruna. Ix-xokkijiet elettriċi huma meqjusin bħala metodu ta’ tortura. Iżda issa wasalna fi stat li jibda’ jinħass l-uġiegħ f’ġisimna hekk kif jieqfu dawn ix-xokkijiet. Dan li ġej huwa biss kampjun tal-ġrajjiet li jbellħuk li seħħew matul din il-ġimgħa – ġimgħa li, bħall-erbat ijiem tal-Milied, s-soltu ma jseħħ xejn speċjali matulha.
L-Awtorità tax-Xandir iddeċidiet li l-ġurnalisti jkunu qed joħolqu żbilanċ meta jagħmlu ċerti mistoqsijiet fil-konferenzi tal-aħbarijiet. Għaldaqstant, minn issa ‘l quddiem dak li l-ġurnalisti jistaqsu dwaru u t-tweġibiet li jirċievu mhux ser jibqgħu jixxandru fuq it-televiżjoni nazzjonali meta dan ixandar live. Din id-deċiżjoni, li tixbaħ il-famuża deċiżjoni biblika li kien ħa Salamun, saret wara li l-Oppożizzjoni lmentat li l-gvern kien qed jagħmel użu mill-konferenzi stampa dwar is-saħħa għall-finijiet ta’ tixrid ta’ propaganda. L-Awtorità tax-Xandir kellha bosta triqat minn fejn setgħet tgħaddi biex tassigura li jkun hemm rappurtaġġ bilanċjat fuq l-istazzjon nazzjonali. Iżda b’liema “soluzzjoni” ħarġet biha? Qasmet it-“tarbija” tat-tixrid ħieles tal-informazzjoni fi tnejn: waħda mill-“ommijiet” kienet kuntenta b’din is-soluzzjoni u tal-Labour huma indifferenti.
Din l-istorja seħħet tassew.
Bi għan li jiġi kontrollat it-tixrid tal-imxijja Covid-19, ser jingħalqu l-ħwienet tax-xorb. Wara kollox, dawn il-ħwienet m’humiex bħar-ristoranti għaliex fihom in-nies ikunu mrassin ma’ xulxin, jersqu viċin xulxin biex jitħaddtu, jistennew ix-xorb li jordnaw mal-bar u ġeneralment ikunu fiżikament aktar qrib xulxin minn dawk li jmorru fir-ristoranti. Iżda dawn il-ħwienet xorta waħda jkunu jistgħu jiftħu jekk tal-ħanut mal-birra lill-klijenti jservihom ukoll b’borża ċips. Chris Fearne kiteb ir-riċetta iżda kienet Julia Farrugia Portelli li remiet il-mediċina l-baħar.
Din l-istorja seħħet tassew.
It-tabib ta’ Yorgen Fenech xehed bil-ġurament li Keith Schembri kien gideb lill-qorti meta dan ċaħad li kien għaddielu ittra biex imbagħad din tiġi mgħoddija lil Yorgen Fenech meta dan tal-aħħar kien ġie arrestat. Meta l-pulizija ssekwestraw l-ittra sabu li fiha kien inkitbu struzzjonijiet lil Yorgen Fenech dwar kif dan jista’ jwaħħal ir-responsabbiltà għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fuq Chris Cardona. Dak li xehed kienet diġà storja tal-waħx. Iżda kien aktar tal-biża’ dak li seħħ – jew li ma seħħx – ftit wara.
Lil Keith Schembri l-pulizija baqgħet sal-lum ma mexxietx kriminalment kontrih talli ħalef falz.
Dawn l-aħħar ġimgħat Robert Abela għaddihom ġej u sejjer bejn Malta u Sqallija. Żmien li fih Malta sabet ruħha taħt id-dell tat-tieni mewġa tal-imxijja Covid-19. F’Marzu li għadda meta l-firxa tal-epidemija kienet wisq inqas milli hi llum, il-gvern kien ħabbar emerġenza medika u Robert Abela ħareġ bl-unuri. Iżda din id-darba mar jaqdef bir-rota fil-beraħ f’Marina di Ragusa. Ma nafx kemm il-darba xtara biljetti biex jaqsam lejn Sqallija bil-baħar biex imbagħad ikun jista’ jirkeb u jgawdi l-lanċa lussuża li għandu marbuta f’Marina di Ragusa.
Din l-istorja seħħet tassew.
Warrab Peter Grech. Ħaġa li kien messu għamel snin ilu. L-ittra tar-riżenja tiegħu xxandret – ħaġa li mhux soltu li ssir f’pajjiż li jehda fis-sigrieti. Fiha Peter Grech ta r-raġunijiet tiegħu l-għala warrab: kien inkwetat dwar saħħtu li marret lura minħabba l-kritika nġusta li saret fil-konfront tiegħu. Fi kliem ieħor, lill-Avukat Ġenerali – uffiċjal tal-istat li tant għandu saħħa li jista’ jiġi mġiegħel iwarrab biss b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament – ħadd ma jista’ jiddettalu dwar kif għandu jagħmel xogħolu u dan iddeċieda li jwarrab għaliex ħassu offiż b’dak li ntqal dwaru.
Din l-istorja seħħet tassew.
Xi suldati tal-Forzi Armati – l-eroj tar-reżistenza kontra l-invażjoni ta’ immigranti Afrikani, l-vittmi ta’ dawk l-imxajtnin ta’ NGO’s u tiri ta’ dawk li għamlu l-protesti f’Jum ir-Repubblika – kienu mdaħħlin f’dak li ġie deskritt bħala “festin tal-kokajina”. Dan sirna nafuh għaliex eks-suldat, li kien tkeċċa mill-armata għaliex kiteb b’mod ċajtier dwar kanċell li tqiegħed mill-armata f’nofs għalqa, kiteb dwaru fil-Facebook. Għaliex, għal ġieħna, jekk tiċċajta dwar kanċell, ikeċċuk dak il-ħin stess. Iżda teżisti kumplikazzjoni akbar għal min jieħu sehem f'”festin tal-kokajina”. U Jeffrey Curmi – l-eroj tar-reżistenza li ngħata erba’ promozzjonijiet fuq xulxin f’temp ta’ ftit ġranet – għadu f’postu bħala kmandant tal-armata.
Din l-istorja seħħet tassew.
Ħu l-Kap tas-Servizz Ċivili – li hu wkoll impjegat mal-gvern – ġie arrestat u ġie mixli b’ħasil ta’ flus maħmuġin. Sa ftit taż-żmien ilu, Aldo Cutajar kien il-Konslu ta’ Malta f’Shanghai li kien qed ibiegħ il-passaporti Maltin lil min jaf lil min. Kien intbagħat f’Shanghai wara li l-hekk imsejjħa “servizzi tas-sigurtà” suppost għaddewh mill-għarbiel biex jingħata kariga diplomatika u dan minkejja li kien instab ħati ta’ serq ta’ flus pubbliċi. Fl-2018 kien intbagħat f’Shanghai (u kien Beijing fl-2016) iżda minn investigazzjoni li għamel il-gvern irriżulta li għal dan kollu kien jaħti Lawrence Gonzi. Fl-2013 Lawrence Gonzi kien spiċċa mill-gvern, iżda jekk Mario Cutajar – il-kap “Tagħna Lkoll” tas-servizz ċivili – ma jaħtix, jeħtieġ li jwaħħlu f’xi ħadd. U meta tkun fid-dubju, għaliex m’għandekx twaħħal f’Gonzi?
Din l-istorja seħħet tassew.
Adrian Delia jinsab midjun sa xfar għajnejh. Tat-Times of Malta fakkruna dwar is-sitwazzjoni finanzjarja mwiegħra li l-kap tal-oppożizzjoni sal-lum għadu fiha. Sitwazzjoni li diġà hi mbarazzanti minnha nnifisha. U minkejja dan, qed jagħmel kampanja biex jipprova jibqa’ f’postu. F’Malta biss iseħħu affarijiet bħal dawn: l-iskuża li jekk jitlef ser ikun f’sitwazzjoni agħar, tiġġustifika l-imġieba tiegħu. Is-salarju li għandu bħala kap tal-oppożizzjoni m’huwiex biżżejjed biex iħallas dejnu. Tistgħu timmaġinaw kemm is-sitwazzjoni tiegħu tieħu xejra għall-agħar li kieku kellu jitlef dan is-salarju. Jista’ jagħti l-każ li, din id-darba, Adrian Delia m’hu jiddejjaq xejn bid-dettalji li qed ixandru tat-Times of Malta tad-dejn li għandu. Forsi qed jittama li jkun hemm min jitħassru u jivvutalu.
Din l-istorja seħħet tassew.
Filwaqt li wieħed ftit jista’ jifhem l-għaks li għandu Adrian Delia, minn naħa l-oħra wieħed ma jista’ qatt jifhem il-barka t’Alla li qed igħix fiha Joseph Muscat. Uffiċjalment meta spiċċa minn prim ministru, Muscat kellu €70,000 fil-kont bankarju tiegħu. Martu ilha ma taħdem snin twal u dħul tiegħu jidher li jesa’ bir mingħajr qiegħ. L-ilbies lussuż li jilbes jiswa’ ħafna aktar minn dak li jista’ jlaħħqu miegħu bosta nies. Il-vaganzi li jieħu ilaħħqu magħhom biss ir-rejiet u l-irġejjen. U t-tbissima falza ta’ fuq fommu, hu u jippoża għall-Instagram account ta’ martu, ma tagħmilx għajb lill-kirurġi plastiċi ewlenin ta’ New York.
U minkejja dan, iġib ruħu bħallikieku m’għandux għalxiex juri l-iċken indiema. M’huwiex l-uniku wieħed li jaħseb b’dan il-mod. Kumitat magħmul minn membri parlamentari għadu kemm iddeċieda li ittra ambigwa li huwa bgħat dwar il-fliexken ta’ nbid fin li kien irċieva mingħand l-allegat qattiel ta’ Daphne Caruana Galizia – minkejja li Muscat kien diġà jaf li l-pulizija kienet qed tissuspetta fih – serviet ta’ kastig li kien biżżejjed.
Din l-istorja seħħet tassew ukoll.
Dawn l-istejjer huma biss kampjun. Ibqgħu ċerti li fadal ħafna aktar.
Kien jingħad li f’Malta qatt ma jseħħ xejn f’Awwissu.
Intix tara!