Għadna kemmxejn lura milli nibdew niġbdu l-konklużjonijiet. Madankollu nistgħu nitkellmu liberament fuq dak qed qed naraw b’għajnejna. Minn nhar is-Sibt ‘l hawn, Bernard Grech kellu numru żgħir ta’ impenji pubbliċi.
Nhar il-Ħadd li għadda ħareġ bi pjan ta’ inizjattivi u ta’ tibdiliet. Nhar it-Tnejn, xandar lista ta’ talbiet u wera’ x-xewqa li jiddiskutihom mal-Prim Ministru. Il-bieraħ iltaqa’ mal-Prim Ministru u, b’kalma liema bħalha, wera’ li ma kienx lest joqgħod għall-impożizzjonijiet ta’ Robert Abela.
Illum ħa l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Attenda għaċ-ċerimonja fil-ħin miftiehem u wieġeb b’mod ċar u konċiż għall- mistoqsijiet iebsin li għamlulu l-ġurnalisti mingħajr ma għamel xi sforz żejjed.
Bernard Grech m’għamilx xi affarijiet ta’ barra minn hawn iżda l-imġieba tiegħu kienet ferm ‘il bogħod minn dik li issa drajna naraw. Adrian Delia kien (u għadu) bħal dak iz-ziju xurban li jattendi għall-ikla tal-Milied u li kulħadd ikun qed jittama li ma jitkellmix dwar ħwejjeġ imbarazzanti sakemm ikun hu stess li jispiċċa jsemmihom. Minn naħa l-oħra, Robert Abela qiesu vavu u fl-istess ħin juri ruħu bħala bniedem vanituż u superfiċjali.
Kawżi jaqbdek id-daħk meta tisimgħu jistqarr b’mod sempliċistiku li Malta hi “full up“. Illum il-Prim Ministru “ċċaralna” li Malta mhix daqshekk “full up” biex iddaħħal fostna l-ħaddiema barranin. Iżda hi “full up” għal dawk l-immigranti li qed jitħallew jegħrqu fl-ibħra tagħna. Li kieku stqarrija bħal din m’hix waħda razzista għall-aħħar, kienet tiġi kunsidrata bħala waħda totalment nieqsa mil-loġika. Din l-istqarrija hi wkoll attentat biex jinfeda’ wara li Bernard Grech ġabu dahru mal-ħajt meta laqa’ l-“isfida” u qabel li Malta hi “full up“.
Bernard Grech għadu kemm daħal f’arena politika li mill-2013 ‘l hawn kienet okkupata minn tliet politiċi falluti: Joseph Muscat, Adrian Delia and Robert Abela. L-eċċezzjoni kien biss Simon Busuttil.
Muscat, Delia u Abela kienu l-għażla ta’ Malta għall-kariga ta’ Prim Ministru (jew Prim Ministru aspiranti). Nistagħġeb kif bħala pajjiż ma kellniex il-ħila nsibu persuna aktar adatta għal dan ir-rwol.
Ma tridx wisq biex tkun aħjar minn dawn it-tlieta. Tant għaddejna minn gwaj li jeħtieġ li jgħaddi xi ftit taż-żmien qabel inkun nista’ nibda’ nfaħħar kif ġieb u laħaq. Iżda tgħidx kemm ħadt pjaċir ninnota l-espressjoni isterika li kellu l-Prim Ministru fuq wiċċu hekk kif sab ruħu wiċċ imb’wiċċ ma’ politiku ġdid li ma ddejjaq xejn jgħidlu dak li kellu jgħidlu mingħajr tlaqlieq.
Ma rridx inħassrilkom festi. Iżda dan ir-ritratt tiftakruh?