Qabel nhar l-Erbgħa, ma nafx jekk il-membri tal-familja ta’ Jean Paul Sofia qattx xirfu fuq l-għatba tal-iStrangers Gallery tal-Parlament. Dakinhar filgħaxija huma sabu ruħhom fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Bħala regola, l-għajjat tan-nies dirett lejn il-Parlamentari xejn ma jinżilli għasel għax ifakkarni f’ċerti episodji tal-waħx li kienu seħħew waqt ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Idealment, lill-membri parlamentari ntellgħuhom biex jirrappreżentawna u, fejn tidħol l-imġieba tagħhom, nistennew li jimxu skont il-kuxjenza tagħhom u mhux fl-interess tal-individwu.
Nhar l-Erbgħa, d-deputati tan-naħa tal-gvern urew li mġiebithom m’hix imnebbħa mill-kuxjenza tagħhom. Kuxjenzthom irmewha l-baħar u wħud minnhom jidher li wrew ċerta mistħija għall-mod kif ivvutaw. Uħud minnhom xtaqu li kellhom il-libertà li jitkellmu u li jesprimu ruħhom kif iridu, kif għandhom id-deputati tal-oppożizzjoni li unanimament talbu t-tnedija ta’ inkjesta pubblika bil-għan li jiġu stabiliti l-fatti wara li dan il-ġuvnott fl-aħjar ta’ ħajtu spiċċa mirdum u maqtul qasir il-għomor.
Id-deputati tal-oppożizzjoni tkellmu b’leħen wieħed u kienu ċari fl-argumenti tagħhom. Fl-istess waqt imxew b’ċerta prudenza u wrew rispett sħiħ lejn il-familja ta’ Jean Paul Sofia. L-Oppożizzjoni qdiet dmirha sewwa u għamlet dak kollu li l-poplu jistenna’ mingħandha fil-konfront tar-ras iebsa li wera’ l-gvern.
Din id-darba d-deputati tal-oppożizzjoni ħarġu bl-unuri bir-riżultat li n-Nazzjonalisti deheru li kienu fuq in-naħa tas-sewwa fil-waqt li l-Laburisti dehru ggranfati man-naħa opposta. Din kienet għażla li tal-Labour għamlu huma stess.
Dawn jafu ben tajjeb li t-talba għal inkjesta pubblika hi waħda ġustifikata. Nafu kemm tbaqbqu bejniethom bejn erba’ ħitan. Uħud minnhom saħansitra ażżardaw ifesfsu fil-widnejn biex jippruvaw ireġġgħu lura d-deċiżjoni li ttieħdet li jivvutaw kontra l-mozzjoni tal-oppożizzjoni biex tinħatar inkjesta pubblika.
Madankollu, qalu x’qalu bejniethom bejn erba’ ħitan, il-fatt jibqa’ li dawn urew nuqqas ta’ diċenza għax ilkoll spiċċaw biex ivvutaw kontra t-tnedija ta’ inkjesta pubblika. Min għandu farka diċenza ma jġibx ruħu b’dan il-mod. Anki li kieku kienu konvinti li l-gvern ma kien għamel xejn ħażin, gvern li jiċħad talbiet bil-għan li tiġi mgħarbla l-imġieba tiegħu b’mod indipendenti jqajjem sensiela ta’ suspetti.
Nieħdu eżempju ta’ laqgħa ġenerali ta’ każin tal-banda. Laqgħa li matulha wħud mill-membri jitolbu li l-accounts tal-kumitat għandhom jiġu awditjati minn xi ħadd indipendenti li ma jkollux irbit mal-każin. Tistgħu timmaġinaw kemm suspetti ħżiena jqumu kemm il-darba l-membri tal-kumitat kellhom jopponu għal talba bħal din?
Appuntu dan kien li għamlu Robert Abela u d-deputati tiegħu. Dawn irrifjutaw li jippermettu li imġiebithom tiġi mgħarbla fil-beraħ minn xi ħadd li m’għandux irbit magħhom.
Dwar dan kollu bi ħsiebni nikteb aktar fl-artiklu tiegħi ta’ nhar il-Ħadd li ġej fis-Sunday Times of Malta.
Is-sentiment li jeżisti fost il-poplu huwa wieħed ġustifikat li ma jeħtieġx il-kitba ta’ aktar kliem. Kienet biżżejjed id-dehra ta’ familja mnikkta tipprotesta fil-Parlament b’ħarsitha fissa lejn il-gvern. Il-membri tal-familja ta’ Jean Paul Sofia, mnikktin kif inhuma, qed jagħmlu dak li bosta minna kienu beżgħana li jagħmlu. Qed juru li m’humiex beżgħanin mill-konsegwenzi u li, huma x’inhuma l-lejaltajiet politiċi tagħhom, għażlu li jagħmlu dak li hu sewwa mhux biss f’ġieħ l-għażiż tagħhom iżda biex ħadd aktar ma jgħaddi mill-kalvarju li qed igħaddu minnu huma. Dawn qed jissieltu għalina lkoll.
Il-pajjiż qed josserva dan kollu u r-rabja fost il-poplu qed tinħass sewwa. Bosta huma dawk li qed jistaqsu l-għala l-gvern tagħhom qed jippretendi li għandhom jinjoraw il-fatti u li jibqgħu jappoġġjawh xorta waħda minkejja l-periklu li ħolqu fostna ċerti kriminali tal-qalba li qegħdin itellgħu bini perikoluż li jista’ jordomna f’kemm trodd salib.
Il-familja ta’ Jean Paul qed issejħilna biex ningħaqdu magħha waqt protesta li ser issir nhar it-Tnejn filgħaxija. Nhar il-Ħadd li ġej ser niltaqgħu wkoll fil-5pm fil-Belt Valletta għall-velja ta’ Daphne. U mbagħad l-għada ser nimxu wara familja oħra li traġikament tilfu lill-għażiż tagħhom. Traġedja personali għalihom u traġedja għalina lkoll. Dawk l-40 deputat għandhom jifhmu li dakinhar li huma vvutaw kontra t-tnedija ta’ inkjesta pubblika, rrappreżentaw biss lill-mexxej tagħhom. Ma ġabux ruħhom ta’ rappreżentati tal-poplu iżda ta’ kompliċi fl-oppressjoni tal-poplu.
Dawn l-40 deputat jeħtieġ jifhmu li, filwaqt li l-Oppożizzjoni qdiet dmirha sewwa billi ppruvat tgħarbilhom u tistedinhom biex jivvutaw magħha favur it-tnedija ta’ inkjesta pubblika bil-għan li tiġi mgħarbla l-imġieba tal-gvern, nhar l-Erbgħa fil-Parlament l-poplu kellu wkoll lill-membri tal-familja tal-vittma biex jirrappreżentaw is-sentiment tiegħu.
Aħna ninsabu rrabjati daqs il-familja ta ‘ Jean Paul u nhar it-Tnejn ser nuruhom x’issarraf ir-rabja tagħna.