Il-ħaddiema li jaħdmu fil-ministeri għandhom ċerta saħħa għaliex jaħdmu qrib ħafna tal-ministru u l-fatt biss li dawn igawdu l-fiduċja tiegħu m’għandux ikun biżżejjed. Il-ministri ma jistgħux ikunu jafu kollox dwar il-ħaddiema tal-ministeri tagħhom u l-gvern għandu jagħmel użu mir-riżorsi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jgħarbel lil dawk li jagħżel biex jokkupaw pożizzjonijiet bħal dawn. Din ma tkun xejn ħlief miżura biex ixejjen il-korruzzjoni qabel din isseħħ. Jew, m’għandniex xi ngħidu, biex jiġu evitati ċerti riskji bħal ma huma l-perikli għas-sigurtà nazzjonali.
Bejn l-1994 u l-1996 u bejn l-1999 u l-2013, jien kont wieħed minn dawk li kienu jaħdmu fis-segretarjat privat tal-ministeri. Matul ċertu żmien ħdimt madwar tlitt ikmamar ‘il bogħod mill-iskrivanija tal-prim ministru. Qabel intagħżilt biex naħdem, kienu għaddewni minn għarbiel. Il-ministri li kienu għażluni kellhom jitolbu l-permess tal-prim ministru, liema permess kien jasal wara l-pulizija (u aktar tard, is-servizzi sigrieti) jkunu għaddewni mill- għarbiel tagħhom. Ma nafx eżatt x’kienu l-kriterji, iżda naf li l-pulizija kien jeħtieġ li jserrħu rashom li jien qatt ma kont ħbatt difri mal-liġijiet kriminali jew jekk kienx hemm xi suspett li kont ksirt il-liġijiet kriminali.
Il-kondotta nadifa ma kienitx biżżejjed għaliex l-impjieg f’ministeru m’huwiex xi mpjieg tas-soltu. Dan għaliex ir-reputazzjoni tal-gvern u s-sigurtà tal-pajjiż jeħtieġu livelli għoljin ta’ fiduċja. Mhux biżżejjed il-fatt li ma kinux jeżistu provi li mpjegat potenzjali qatt ma kien kiser il-liġijiet kriminali u kien jeħtieġ li ma jkun hemm ebda suspett fondat li dawn il-liġijiet setgħu nkisru.
Mill-2013 ‘l hawn, ma nafx x’kienu l-proċeduri li mexa’ fuqhom il-gvern Laburista. Iżda kienu x’kienu dawn il-proċeduri, jidher li dawn ippermettew lil applikant sabiex jippreżenta provi foloz lil bord maħtur mill-gvern biex b’hekk ikun jista’ jakkwista pensjoni dwar diżabilità li ma kienx intitolat għaliha u biex ukoll jingħata mpjieg f’ministeru.
Il-bieraħ it-Times of Malta rrappurtat li fl-2016, lill-membri tal-bord mediku, dan il-bniedem kien qalilhom li kien ibati bil-marda tal-epilessija regolarment tant li ma setgħax ikompli jaħdem ta’ xufier. Madankollu fl-2022, wara li Robert Abela ħatar lil Andy Ellul bħala segretarju parlamentari fl-uffiċċju tal-prim ministru, dan ir-raġel ngħata mpjieg bħala xufier ma’ Ellul.
Dan ir-raġel illum m’għadux ix-xufier tas-segretarju parlamentari u qed jiġi nvestigat mill-pulizija. It-Times of Malta rrappurtat li l-Pulizija qed jissuspettaw li dan il-bniedem ma kienx gawda biss mill-qerq minn fuq il-benefiċċji soċjali. Milli jidher kien ukoll aġent fil-konġura kbira li seħħet biex jinsteraq il-poplu Malti u fl-istess waqt il-qerq jissarraf f’voti mixħutin favur il-Partit Laburista.
Għaldaqstant jista’ jingħad li seħħet waħda minn tliet alternattivi.
Jekk il-gvern Laburista kien warrab il-proċedura li bis-saħħa tagħha dawk magħżula biex jaħdmu fis-segretarjati tal-ministeri kienu jiġu mgħarbla, dan ifisser li espona lill-istat għal periklu ġdid bit-tqassim ta’ mpjiegi bħal dawn lill-kriminali. Ftakru li qed nitkellmu dwar impjieg ta’ bniedem wieħed biss u li, mill-2013 ‘l hawn, mal-gvern iddaħħlu mijiet ta’ persuni. Jekk dawn ma kienux ġew mgħarbla, diffiċli li wieħed jobsor il-ħsara li setgħu għamlu li kieku kellhom intenzjonijiet li jiksru l-liġijiet kriminali.
Jista’ wkoll jagħti l-każ li s-servizzi tas-sigurtà xorta għadhom jgħarblu lil dawk li jkunu ntagħżlu biex jokkupaw “position of trust”, iżda li kien ħarbilhom il-fatt li persuna li tqabbad biex jagħmlilha ta’ xufier ta’ ministru kien stqarr mal-membri ta’ bord mediku li ma kienx f’pożizzjoni li jaħdem ta’ xufier minħabba l-marda tal-epilessija li kellu. Ta’ min ifakkar li dan il-bniedem kien qed jirċievi l-benefiċċju tad-diżabilità minħabba l-marda tal-epilessija. Anki li kieku dan il-qerq kollu kien ħarbilhom, dawn ma kienx messhom wissew li s-sigurtà tal-ministru kienet fil-periklu ġaladarba li dan kien qed jinsaq minn persuna li ħin bla waqt kien jagħtih tal-qamar?
It-tielet alternattiva hi li s-servizzi tas-sigurtà jkunu għarblu lix-xufier, sabu li kien hemm problema u wissew lill-ministri u l-ministri mpjegawh xorta waħda.
It-tliet xenarji lkoll huma tal-mistħija. Il-gvern ma jista’ jinfeda’ minn ebda waħda minnhom u Andy Ellul ma kienx messu ħareġ bl-istqarrija prepotenti li ħareġ biha l-bieraħ li permezz tagħha ammetta li l-ministru konċernat kien hu u li kien deċiż li jiddefendi lilu nnifsu minn attakk immaġinarju fuq l-integrità immaġinarja tiegħu.
Jidher li hemm aktar ħmieġ x’jinkixef.
Silvio Grixti, d-deputat Laburista li kien warrab lejlet l-elezzjoni ġenerali tal-2022 wara li l-Pulizija kienet bgħatet għalih għall-ewwel darba dwar il-qerq fil-benefiċċji tal-mard, kien xorta waħda nżamm bħala konsulent minn Robert Abela. U jeżisti suspett li x-xufier li ħadem għal Andy Ellul fl-elezzjoni ġenerali tal-2022 kien ukoll ta daqqa t’id lil Silvio Grixti biex imexxi l-iskema qarrieqa.
Andy Ellul kemm kien jafu sewwa lil dan il-bniedem qabel għażlu biex ikun ix-xufier tiegħu? Il-bieraħ Andy Ellul stqarr li ma kien jaf xejn dwar l-allegati abbużi mwettqa mix-xufier qabel għażlu. Iżda ma qalx jekk lix-xufier kienx jafu.
Jista’ jagħti l-każ li Andy Ellul ma kienx jafu. Jista’ jagħti l-każ ukoll li x-xufier ta’ Andy Ellul kien ġie magħżul mill-prim ministru nnifsu. Jista’ jkun li bl-istess mod li Robert Abela żamm miegħu lil Silvio Grixti, Robert Abela sab impjieg bħala xufier tas-segretarju parlamentari għal wieħed minn dawk li kienu qed imexxu l-iskema qarrieqa ta’ Silvio Grixti. Jista’ jkun li din m’hi xejn ħlief prova oħra li tindika li l-moħħ wara l-iskema qarrieqa tal-benefiċċji tal-mard li serqet lill-gvern (u li wkoll serqet il-voti) ma kien ħadd ħlief il-kap ta’ dak il-gvern.
Jekk Andy Ellul irid jitwemmen li ma kellux x’jaqsam mal-qerq, jeħtieġ li jitkellem ċar u jgħid kollox.