Meta ġie mistoqsi mit-Times of Malta biex jikkummenta dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Appell li ordnatlu jħallas parti mill-ispejjeż tal-kawża li kien għamel Adrian Delia, Joseph Muscat stqarr li l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet kienet falliet minħabba atti malizzjużi ta’ “interessi moħbija”. Muscat ma qalx dawn l-interessi ta’ min kienu. Għalih kien biżżejjed li jgħid li dawn l-interessi jeżistu biex ikun jista’ jfarfar ir-responsabbiltà għal dan il-falliment.
Il-ġurnalisti mbagħad avviċinaw lil Robert Abela u qalulu li ta’ qablu stqarr li l-falliment tal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet kien kaġun ta’ “interessi moħbija”. Bħala prim ministru, staqsewh x’kien bi ħsiebu jagħmel dwar dan.
Tgħid dan ifisser li lil Joseph Muscat, Robert Abela għadu ndenjax ruħu biex igħidlu dawn min huma?
Ħafna drabi naf li, jien u nikkwota lil dawn in-nies, nidher bħala bniedem ta’ subgħajja f’ħalqi. Meta lill-ġurnalisti Robert Abela tahom parir biex jistaqsu lil ta’ qablu, dan il-parir ma seta’ qatt jittieħed b’mod litterali għaliex tiegħu kienet rimarka li fissret dak li s-semmiegħ deherlu li għandha tfisser.
Meta lissen il-kliem “staqsu lilu“, Robert Abela wera’ li dak li stqarr Joseph Muscat m’huwiex aċċettabbli u li fil-fatt kien jaħti Muscat għall-falliment tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Robert Abela hu tal-fehma li jaħti Joseph Muscat għaliex minkejja l-fatt li Abela bosta drabi iġib ruħu u jitkellem ta’ mbeċilli, fil-fatt m’huwiex ċuċ sa barra. Ċertament ma jridx li jkun hemm min jikkwotah iwaħħal f’Joseph Muscat għall-falliment tal-proġett tal-isptarijiet u dan minħabba l-baraxx ta’ kritika li mbagħad jistenna li jirċievi mill-partit. Iżda dan ma jfissirx li huwa lest li jaqbeż għal Joseph Muscat.
Madankollu diffiċli tgħid fejn tinsab il-linja li Robert Abela m’huwiex lest li jaqbeż. Ma jridx jara lil Joseph Muscat imħarrek quddiem il-qorti u kien għalhekk li ħareġ b’attakk fuq il-qrati bħala twissija. Ma kellux għalfejn jattakka lil Anġlu Gafà jew lil Victoria Buttigieg. Mhux ċar jekk lil dawn kellimhomx privatamant dwar ix-xewqat tiegħu jew jekk fehmux weħidhom x’kellhom jagħmlu jew jonqsu li jagħmlu. Iżda jidher li Abela jinsab moħħu mistrieħa li lil Joseph Muscat dawn mhux ser ikaxkruh lejn il-qorti.
Madankollu teżisti “imma” kbira.
Robert Abela jinsab inkwetat li l-poplu issa beda’ jifhem kemm tinten il-kwistjoni dwar l-isptarijiet u li jista’ jkun hemm xi spettur tal-pulizija li jista’ jkollu l-kuraġġ li jegħleb in-nuqqas ta’ ħeġġa u l-omertà u jmexxi b’xi taħrika quddiem il-qorti. Abela qed jipprova jilqa’ għall-kontiġenzi kollha. F’każ li xi maġistrat inkwirenti toħroġ xi ordni biex jiġi mħarrek Muscat, qed jagħmel ħiltu biex jiskredita l-ġudikatura. U qed jipprova wkoll ibeżża’ lill-ġudikatura sabiex ebda ġudikant ma jażżarda jieħu dan il-pass.
Robert Abela ċertament jinsab fuq in-naħa ta’ Joseph Muscat.
Madankollu Robert Abela m’huwiex lest għal kollox li saħansitra joqgħod b’rasu l-isfel u b’saqajh il-fuq għal ta’ qablu. Il-bieraħ ma rrepetiex dak li stqarr Muscat dwar l-“interessi moħbija” u ma qgħadx jispekula dwar x’seta’ kellu f’moħħu Muscat meta lissen dawn il-kliem. Lanqas ma kkonferma li fil-fatt kienu jeżistu dawn l-“interessi”.
Chris Fearne kompla ħawwad il-borma u l-bieraħ stqarr li hu ma kellux x’jaqsam u li kien ħaddieħor (jiġifieri l-prim ministru tiegħu Joseph Muscat u l-qaddej fidil Konrad Mizzi) li kienu nnegozjaw il-kuntratt tal-isptarijiet minn wara dahru. U li – issa – m’hu qed isseħħ xejn minn wara dahru.
Għall-mument ejjew ninsew li Fearne ma jista’ qatt ikun daqshekk ċert li bħalissa m’hu qed iseħħ xejn minn wara dahru. Ma kienx jaf li l-prim ministru tiegħu kien qed jinnegozja minn wara dahru fiż-żmien li Joseph Muscat kien prim ministru. Allura, ngħid jien, kif jista’ jkun ċert li Robert Abela m’huwiex ukoll iġib ruħu eżatt bħal ta’ qablu? X’garanzija għandu li gvern li wasal biex igħatti x-xtur tal-mexxej ta’ qabel se jġib ruħu b’mod differenti?
L-istqarrija fis-sens li l-kuntratt kien ġie negozjat minn wara dahar Fearne fiha x’tomgħod. Permezz ta’ kliemu Chris Fearne irid jitpinġa bħala politiku onest li jżomm ruħu ‘l bogħod minn manuvri diżonesti li seħħew minn wara dahru – bħal donnu ried jimplika li, kieku n-negozjati ma sarux minn wara dahru, hu kien ikun lest li jwaqqaf kollox.
Fearne implika wkoll li, ġaladarba huwa jemmen fis-sewwa u li n-negozjati kienu seħħew minn wara dahru, dan ma jistax ħlief ifisser li n-negozjati li saru minn wara dahru ma kellhom xejn minn dak li hu sewwa. Fil-fatt ma kienu sewwa xejn.
Sabiex iħares is-setgħa politika li għandu, Chris Fearne huwa lest jiddikjara li hu ma kienx jaħti għaliex kollox sar minn wara dahru. Iżda dan ma jfissirx li lest li jerfa’ r-responsabbiltà għall-imġieba ta’ Joseph Muscat. U f’għajnejn Chris Fearne, jidher li l-“interessi moħbija” li semma’ Joseph Muscat fil-fatt m’humiex ħlief l-interessi ta’ Joseph Muscat. Jidher ukoll li Chris Fearne m’huwiex jiddejjaq li jinftiehem b’dan il-mod.
Robert Abela u Chris Fearne qed jippruvaw jaqdu lil Alla u lix-xitan. Jekk jitmejlu lejn naħa waħda, jistgħu jitlifu posthom bħala mexxej u deputat mexxej. U jekk jitmejlu lejn in-naħa l-oħra jistgħu jitqiesu bħala kompliċi mal-għemil ta’ Joseph Muscat.
It-tnejn jinsabu f’sitwazzjoni prekarja.
Jekk dak li qed issostni l-Malta Today huwa minnu, huma ċ-ċaħdiet kategoriċi tagħhom li qed iżommu lil Abela u lil Fearne politikament fil-wiċċ. Minkejja li jafu li qed jinħarqu, tarahom bi tbissima serena fuq wiċċhom għax jafu li tul dawn l-10 snin kemm il-darba għaddewha lixxa u li x’aktarx ser jibqgħu jgħadduha lixxa.
Iżda jibqa’ l-fatt li meta Robert Abela talab lill-ġurnalisti biex jistaqsu lil Joseph Muscat dwar dak li kien stqarr dan tal-aħħar, inkixef bħala persuna li m’għadux kunfidenti minnu nnifsu.