Ftit ilu ktibt dwar diskors li d-deputat Laburista Randolph Debattista għamel f’Sofja. Diskors li matulu huwa faħħar il-gwerra li għandha ssir kontra t-tixrid tal-informazzjoni falza. U mbagħad, tliet ġimgħat ilu, Edward Zammit Lewis għamel priedka fil-Lussemburgu dwar il-ħtieġa tal-indipendenza tal-ġudikatura biex b’hekk tiġi mħarsa s-saltna tad-dritt. Ta’ min isemmi li dan id-diskors għamlu waqt li l-mexxej tiegħu kien qed jagħmel attakk feroċi fuq maġistrata talli din ażżardat tikkonkludi nkjesta dwar it-taħwid li ħawwad ta’ qablu.
Dan mhux kollox. Ian Borg, li bħalissa qed imexxi l-OSCE, din il-ġimgħa fi Vjenna tkellem dwar il-ħtieġa li jitkattar il-litteriżmu fix-xandir. Huwa stqarr li “f’perijodu li matulu żdied it-tixrid bla rażan tal-informazzjoni, l-litteriżmu fil-qasam tax-xandir mhux biss huwa ta’ ġid iżda wkoll essenzjali. B’mod partikolari f’din is-sena karatterizzata minn tant elezzjonijiet u li matulha jeħtieġ li jkun hemm elettorat li jkun infurmat sewwa u li jkollu l-ħila li jgħarbel l-informazzjoni li jiġi wiċċ imb’wiċċ magħha u dan sabiex tissaħħaħ il-qagħda tad-demokrazija u tiżdied il-fiduċja fil-proċessi elettorali tagħna.”
Tgħid rahom Ian Borg lil dawk li jumejn ilu kienu qed jipprotestaw quddiem il-bini tal-Qorti? Tgħid semagħhom igħidu li kien Alla li ħaraq lil Daphne, li bi ħsiebhom jibqgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil “Joseph” anki jekk jiġi misjub ħati tal-akkużi li għandu ma’ wiċċu u li l-qrati Maltin qed iġibu ruħhom bħar-Rumani u l-Lhud fi żmien Kristu?
Tgħid induna bil-mod kif il-partit tiegħu sfrutta l-illitteriżmu fix-xandir bil-għan li jxewwex lin-nies kontra l-ġurnalisti hu u jpinġihom bħala l-“establishment” li huma għandhom jistmerru?
Il-viltà wara dawn id-diskorsi ta’ Debattista, Zammit Lewis u Borg tinsab fil-fatt huma wrew li jafu x’għandha tfisser id-demokrazija.
Iżda bil-għan li jħarsu s-setgħa li għandhom, qed juru li lesti li jeqirduha.