L-iskandlu dwar il-ħlasijiet tal-benefiċċji tad-diżabilità ma kienx l-akbar każ ta’ serq ta’ flus il-poplu. Ħdejn l-400 miljun tal-isptarijiet li spiċċaw għebu f’bir tas-skieken, 8 miljun f’pensjonijiet misruqa m’huma xejn.

Jekk wieħed jipprova jipparagunaha ma’ dak li kien inkixef bis-saħħa tal-Panama Papers, din il-konġura m’hix xi waħda li ġġib l-għajnejn wara l-widnejn: f’dan il-każ ma kienx hemm kumpanniji sigrieti ta’ ministri. U meta wieħed jipparagunah mal-labirint tal-konġura Electrogas, l-iskandlu tal-pensjonijiet tad-diżabilità m’huwiex wieħed diffiċli li jinstab tarfu: kull m’għandek tagħmel hu li tara min huma dawk li rċievew il-flus u mbagħad iġġiegħelhom iħallsu kollox lura.

Iżda dan huwa skandlu li m’hu xejn ħlief stupru tal-ġustizzja soċjali. Dawk li  jifilħu jaħdmu huma mġiegħla jħallsu sehem mill-qliegħ tagħhom biex ikunu jistgħu jiġu mgħejjuna dawk li ma jifilħux jaħdmu bħal, f’dan il-każ, persuni li l-kundizzjoni gravi tas-saħħa tagħhom ma tippermettilhomx li jżommu fil-wiċċ mingħajr l-għajnuna tagħna. Klikka fil-qalba tal-gvern serqet dawn il-flejjes u wżathom biex jinxtraw il-voti u dan bil-għan li tinżamm is-setgħa f’idejha. Jidher ukoll li wħud mill-membri ta’ din il-klikka ħaxxnu bwiethom b’dawn il-flejjes.

Issa qed nisimgħu li dan l-iskandlu hu ħafna aktar serju milli jidher mal-ewwel daqqa t’għajn. Skond wieħed mill-għejjun fil-qalba ta’ din il-konġura, l-ogħla uffiċjali tal-gvern kienu jafu b’kollox u, hekk kif intebħu li kienu ser jinkixfu, għamlu minn kollox biex igħattu x-xtur kollha.

Roger Agius m’huwiex xi eroj. Dan kien jaħdem bħala xufier tas-segretarju parlamentari Andy Ellul u kienu ukoll fil-qalba ta’ xibka korrotta ta’ favuri u ta’ klijenteliżmu li qed teqred lil pajjiżna. Huwa kien wieħed minn fost klikka ta’ persuni li, biex takkwista xi ħaġa mingħand il-gvern li m’għandhiex dritt għaliha, n-nies kellha tirrikorri għandhom.

Bħal, ngħidu aħna, ħlasijet kull xahar f’kontijiet bankarji ta’ ammonti ta’ flus għal xejn b’xejn. Kien jitolbok tmur tkellem lil Silvio Grixti, deputat Laburista li hu wkoll tabib. Kien igħaddilek dokumenti li jiċċertifikawk bħala persuna li tbati minn mard serju. Tant serju li ma jippermettilekx taħdem. U jibgħatuk, bid-dokumenti b’kollox, biex tidher quddiem bord magħmul minn tobba sabiex tkun tista’ turihom is-serjetà tal-mard tiegħek.

Fl-aħħar jibgħatuk id-dar u toqgħod tistenna sakemm tibda’ tirċievi ċ-ċekkijiet mingħand il-gvern għal xejn b’xejn. Insomma, mhux eżattament għal xejn b’xejn għaliex ikun hemm min jitolbok tħallsu xi ħaġa mill-ewwel ċekk li tirċievi. Mhix ħaġa ġusta din, jewwilla? U jkun hemm ukoll min joqgħod ifakkrek biex fl-elezzjoni li jmiss tivvota Labour għaliex tal-Labour iħobbuk, iroxxu fuqek il-flus għal xejn b’xejn u jagħmluk sinjur żgħir. U li, jekk dawk il-ħodor Nazzjonalisti jitilgħu fil-gvern, il-flus li tal-Labour ikunu raxxew fuqek jispiċċaw jieħduhom lura.

Għaldaqstant hawn għandna deputat parlamentari u tabib li, hu u jarmi l-baħar l-etika professjonali li obbligat jimxi magħha, jisraq lill-gvern li jimpjegah billi jagħmel użu minn flus ħaddieħor biex jixtri l-voti u dan biex ikun jista’ jibqa’ fil-gvern. Biex wettaq dan kollu, ma setax kien waħdu. Biex igħinuh kellu numru ta’ messaġġiera bħal Roger Agius li kienu jikkoordinaw ix-xogħol. Bħala membri ta’ dak il-bord kien hemm tobba li kienu jdawwru wiċċhom in-naħa l-oħra u jiffirmaw dak kollu li jinġieb quddiemhom. Kien hemm ukoll uffiċjali tal-gvern. Roger Agius semma’ lil Mark Calleja li jmexxi l-Ministeru ta’ Michael Falzon u allega li dan mela bwietu.

Dan Agius stqarr li ħadd ma kien ħabbel rasu li għad jinkixef kollox u jidħol f’baħar ta’ nkwiet għaliex il-Ministru kien jaf kollox b’dak li kien għaddej u għaldaqstant kien ikun lest li jgħattilhom xturhom. Jidher li l-istorja tmur lil hinn sewwa mill-Ministru Michael Falzon.

Silvio Grixti kien warrab mill-Parlament fl-2021 ftit wara li l-Pulizija kienet bgħatet għalih u nterrogatu b’rabta ma’ din l-investigazzjoni. Madankollu lil Grixti, Robert Abela żammu bħala konsulent f’Kastilja. Dan ma jistax ħlief ifisser li l-kap tal-grupp parlamentari tal-Labour Robert Abela kien jaf li Grixti kien warrab għax il-Pulizija kienet qed tinvestigah. Iżda żammu miegħu xorta waħda.

Dan l-iskandlu nkixef bil-ħidma nvestigattiva tal-ġurnalisti, ewlenin fosthom dawk tat-Times of Malta. Inkixef kollox ukoll għaliex il-Pulizija bdiet tħarrek lil dawk li gawdew mill-pensjonijiet tad-diżabilità minkejja li ma kellhomx dritt għalihom. Li kieku dan kien każ iżolat wieħed, kien jitqies bħala żball u li kieku seħħ għal għaxar darbiet, tibda’ tissuspetta ħażin. Iżda meta każijiet bħal dawn jibdew jgħoddu l-mijiet, m’hemmx dubju li teżisti xibka korrotta li tkun ħakmet lill-infrastruttura tal-istat.

Mal-medda taż-żmien, il-Pulizija ħarrket lill-messaġġiera tax-xibka bħal Roger Agius kif ukoll lil Silvio Grixti.

U issa Roger Agius qed jikxef l-għawwar. Qed isostni li l-Pulizija m’hix tippermettilu jikkopera magħhom billi jikxef aktar dettalji dwar l-iskandlu. Ħalliel bil-manetti li jikxef l-għawwar għall-bidu nissuspettaw li qed jipprova jgħaddiha lixxa. Madankollu jeħtieġ li noqgħodu attenti. Agius qed jikkonferma li huwa wettaq għemil li jinsab mixli bih mill-pulizija. M’huwiex qed jipprova jgħaddiha lixxa. Madankollu qed igħid li mhux sewwa li jeħel hu biss u sħabu l-messaġġiera jgħadduha lixxa.

Ġie intervistat ukoll fuq ir-radju minn Andrew Azzopardi u qal ħafna affarijiet oħra.

Stqarr li ilu xhur sħaħ jitlob li jingħata l-protezzjoni ta’ whistleblower u li baqgħu jinjorawh sal-lum. Stqarrija bħal din hi waħda kredibbli. Il-liġi tal-whistleblower ilha fis-seħħ 10 snin iżda din għoġobhom użawha darba biss biex jippersegwitaw lir-raġel ta’ Giovanna Debono. Minn dakinhar ‘l hawn, sabbtu l-bibien f’wiċċ dawk kollha li kienu lesti jikxfu l-korruzzjoni: Maria Efimova, Jonathan Ferris, u issa Roger Agius.

Semma’ b’ismu lil uffiċjal għoli fil-Ministeru ta’ Michael Falzon li akkużah li xxaħħam. U baqa’ kollox bħallikieku ma ġara’ xejn. Huwa stqarr ukoll li l-informazzjoni li huwa għadda lill-Pulizija biex igħinhom fl-investigazzjoni tagħhom kien għaddiha dakinhar stess li huwa kien kellem lill-Pulizija b’mod kunfidenzjali dwar il-ministri li qed jixli li kellhom sehem fl-iskandlu.

Huwa stqarr  ukoll li uffiċjal fl-uffiċċju tal-Prim Ministru qallu li, kemm il-darba jkeċċi lill-avukat tiegħu, kienu lesti li jinsew kollox. U dan għar-raġuni li l-avukat tiegħu inzerta li hu Jason Azzopardi u l-gvern ma jiddejjaq xejn li juża s-setgħa tiegħu fuq il-korp tal-pulizija biex jagħżillek l-avukat li jkun jixtieq hu.

Il-korruzzjoni hi fatt tal-ħajja. Jeżistu uffiċjali li huma ħallelin. Jeżistu konġuri li jsiru minn persuni li jaħsbu li l-liġijiet ma jgħoddux għalihom. Dan jista’ jseħħ taħt kull gvern. Dawn l-affarijiet ma ġewx ivvintati mill-Partit Laburista. Iżda mġieba korrotta – b’mod speċjali ma’ dik li għandha x’taqsam mal-għajnuna għad-diżabilità – hi waħda tal-waħx nieqsa minn kull kuxjenza.

M’hemmx dubju li l-korruzzjoni fil-ħruġ tal-liċenzji tad-dgħajjes hi ħaġa ħażina. Iżda l-falsifikazzjoni tal-firem tat-tobba, l-pressjoni li saret fuq tobba biex jiċċertifikaw mard ineżistenti u s-serq ta’ flejjes miġburin biex jgħinu lil dawk li qed ibatu minn diżabilitajiet gravi hi mġieba kiefra li qatt ma rajna bħalha. Madankollu, ebda gvern ma jista’ jitqies ħati direttament għall-gideb tal-impjegati tiegħu u tas-serq li jwettqu.

It-test ta’ kull gvern jasal dakinhar li jintebaħ bil-gideb u bis-serq. Ġaladarba l-gvern ma kellux il-ħila jwaqqaf il-frodi milli jseħħ, x’azzjoni ħa hekk kif intebaħ bil-frodi u s-serq?

Huwa proprju hawn li l-iskandlu jieħu xejra differenti. Is-serq li seħħ huwa wieħed ta’ serjetà kbira. Iżda l-għata ta’ xtur il-ħallelin huwa ħafna agħar mis-serq innifsu.

M’għandna qatt naqtgħu sentenzi u niġbdu konklużjonijiet li jkunu msejsa fuq allegazzjonijiet li qed jagħmel wieħed mill-mixlija, kredibbli kemm jistgħu jitqiesu kredibbli. Minflok għandna nagħmlu sensiela ta’ mistoqsijiet:

Meta kien li Michael Falzon sar jaf li kienu qed jinsterqu flejjes pubbliċi li huma ntiżi għall-għajnuna għal min għandu diżabilità? Meta kien li Robert Abela sar jaf?

Huwa minnu li l-Pulizija ddiskutew il-każ ma’ ministri? Għala? Huwa minnu li l-Pulizija ngħatat struzzjonijiet dwar lil min għandha tħarrek u dwar lil min għandha tħallihom igħadduha lixxa?

Huwa minnu li l-Pulizija wasslet informazzjoni mill-investigazzjoni lil uħud minn dawk li ssemmew li kellhom sehem fl-iskandlu?

Huwa minnu li uffiċjali tal-gvern heddew persuna mixlija u offrietlu li tfarfar kollox taħt it-tapit kemm il-darba jaċċetta li jkeċċi lill-avukat tiegħu?

Għal dawn il-mistoqsijiet hemm it-tweġibiet. Dawn huma mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba għaliex jeffettwaw l-għeruq tal-ħajja demokratika tagħna. Għandna gvern li jrid jipperswadina li qed jintaxxana biex ikun jista’ jgħin lil min għandu diżabilità iżda li qed jisraqna u juża flusna biex jixtri l-voti u s-setgħa? Għandna uffiċjali tal-pulizija li qed igħinu lil ministri mdaħħlin fis-serq biex ikunu jistgħu jgħadduha lixxa?

U – agħar minn hekk – għandna gvern li huwa lest li jaħbi l-kriminalità u jigdeb biex jgħatti xtur il-ħallelin?

Ċertament ma jistgħux ikunu l-Pulizija u l-ministri li jinvestigaw huma stess dan l-iskandlu  għaliex wisq nissuspettaw li jafu x’inhuma t-tweġibiet u li dawn it-tweġibiet diġà qed jaħbuhom. Jeħtieġ li jkun hemm inkjesta pubblika indipendenti għaliex issa li nafu li serquna, għandna kull dritt li nsiru nafu l-verità kollha.