Chris Fearne għamel is-snin riekeb it-tigra jara hix se tieħdu fuq il-quċċata. Issa qed jiskanta li daret għalih, gidmitu u kilitlu riġlejh. Il-korruzzjoni hi bħal kull kriminalità organizzata: għandha żewġ tipi ta’ vittmi. Hemm min jipprova jindihes mal-mafja, jipprova jingħoġob u jilgħabha tal-bully, u jipprova jgawdi u japprofitta ruħu magħha. Imbagħad ma jlaħħaqx ma’ xi dejn jew ikollu xi jgħid u jispiċċa jikolha għax patt max-xitan ma jispiċċax tajjeb. Imbagħad għandek il-vittmi innoċenti tal-mafja: dawk li jweġġgħu għax jiġġildulha jew għax jinzertaw bejn il-basla u qoxritha. Chris Fearne mhux vittma innoċenti tal-korruzzjoni.
Saret investigazzjoni tal-ġurnalisti. Qrajniha fuq it-Times of Malta. Ħadem fuqha Jacob Borg, dak li kien jiġri wara Konrad Mizzi u Keith Schembri wara li nkixef il-ħaxi tagħhom. Ħadmu fuqha l-Organised Crime and Corruption Reporting Project, dawk li fl-2019 inkurunaw lil Joseph Muscat, il-Korrott tas-Sena. Ħadmu fuqha d-Daphne Caruana Galizia Foundation, l-organizazzjoni li twaqqfet mill-qraba tal-ġurnalista li ddokkumentat il-korruzzjoni tal-gvern ta’ Muscat sa dak inhar li qatluha.
U x’għamel Chris Fearne bis-sejbiet ta’ dawn il-ġurnalisti? Mar bihom għand il-pulizija u qallhom jinvestigaw. U lmenta pubblikament li kien ilu li rrapporta lill-pulizija fuq il-gideb li ntqal fuqu imma ma kinux kapaċi (jew ma riedux) isibu min kien qed joħloq dawn il-qlajjiet.
U issa? Issa rriżulta li ġurnalisti bħas-soltu kixfu dak li l-pulizija ħallew mgħotti. Li intużaw miljuni mit-taxxi tan-nies biex l-għedewwa tal-korrotti jiġu eliminati. Biex jinqatlu – literallment jew figurattivament – dawk li ma jikkoperawx mal-korruzzjoni. Li l-pulizija għalqet għajnejha għal din il-korjuzzjoni ħalliela, viljakka, kodarda, u kattiva.
Chris Fearne għamel kif tagħmel Repubblika. Fakkar lill-pulizija li m’għamlitx xogħolha. Ċappas ma’ wiċċ l-awtoritajiet il-provi li sabu l-ġurnalisti. Ma qagħdx jgħid “imma dawn allegazzjonijiet”. Ma qagħdx jinki “imma fejn huma l-provi?” Ma tqażżiżx għax it-Times nazzjonalisti, għax it-tfal ta’ Daphne jogħbodu l-Lejber, għax il-ġurnalisti barranin jagħmlu li jgħidilhom David Casa.
Għax m’għamilx hekk? Mhux hekk għamel meta kien fil-gvern? Mhux hekk jgħidu l-ministri Laburisti?: li l-ġurnalisti giddibin; li Daphne kienet tivvinta; li l-korruzzjoni n-Nazzjonalisti jwettquha jew jivvintawha; li m’hemmx provi u għalhekk il-pulizija ma jagħmlu xejn?
Għalfejn issa Chris Fearne qed imur għand il-pulizija biex jinvestigaw lil Steward għax serqu fondi pubbliċi biex jeħilsu minnu? Għax issa jaqbel lilu. Għax wara li qatlet lil Daphne il-korruzzjoni ma waqfitx hemm. Għax il-mostru wikkiel tal-korruzzjoni ma jixbax u jibqa’ jaħtaf sakemm jiekol ‘l ommu u ‘l missieru. Għax gidem lil Chris Fearne ukoll. Chris Fearne tkellem kontra l-korruzzjoni għax Chris Fearne ingidem minnha.
Tkellem issa għax qabillu. U ma qalx kelma aktar milli kien qabillu jgħid.
Anzi, ara l-ardir li jipprova juża dawn ir-rivelazzjonijiet biex jiġġustifika għemilu u biex iwaħħad l-istejjer foloz li għamlu fuqu Steward mal-akkużi li qed jiffaċċja fil-qorti. M’għandhom x’jaqsmu xejn. L-istejjer foloz kien li għamel il-flus ibiegħ il-passaporti. Ħadd m’akkużah il-qorti li għamel il-flus ibiegħ il-passaporti. Akkużawh li għamel il-flus ibiegħ l-isptarijiet.
Ara l-ardir tiegħu issa jipproklama l-innoċenza tiegħu. Ara ‘l Michael Falzon (li għandu akkużi oħra li qed jipprova jiskarta) jibki l-miskin sieħbu Chris Fearne. Ara ‘l Robert Abela jitkellem qisu Chris Fearne kien xi vittma. Qed jerġgħu jgħidu li jridu jibgħatuh kummissarju tal-Unjoni Ewropea.
Fl-istess nifs li jibku għax vittmi ta’ gidba jigbdu lil pajjiż sħiħ. Korrotti sa ruħ ommhom.
Chris Fearne jilgħabha tal-vittma tal-korruzzjoni meta mhux talli m’għamel xejn biex jiġġielidha, talli għenha u dakkarha. Fetħilha l-bibien beraħ u qabeż għaliha. Kien spalla ma’ spalla ma’ Ram Tumuluri, dak il-brigant li seraqna l-miljuni. Spalla ma’ spalla ma’ Armin Ernst, dak il-qaħba li mar mal-Vitals u mar ma’ Steward jaqbeż minn riġlejn iċ-ċenturjun għal riġlejn il-barbaru u jerdgħa mingħand it-tnejn. Qalilna li ma’ dawn kellu r-real deal.
Taf x’seta’ jagħmel Chris Fearne li jien u int ma stajniex nagħmlu? Seta’ jwaqqaf il-kuntratt tal-Vitals u ta’ Steward. Seta’ jikxef dak li kien qed jiġri. Seta’ jikxef il-korruzzjoni li kienet għaddejja. Seta’ jinforma lill-pubbliku li vvutalu u li jħallsu bir-raġunijiet għalfejn kien qed jiġġieled ma’ Steward minn wara l-kwinti. Kien ministru tal-gvern. Kien viċi-prim ministru. Kien u għadu Deputy Leader tal-Partit Laburista.
U x’għamel? Siket.
U l-viljakkerija, il-kodardja, il-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel ta’ Chris Fearne ma tiqafx hemm. Għadu sal-lum jogħmod diskorsu. Ħareġ jikkritika lill-pulizija għax ma investigawx dak li wara kollox sabu l-ġurnalisti. Imma ma qal xejn li dawk li serqu l-flus pubbliċi biex iħammġulu ismu kienu l-klienti ta’ Joseph Muscat. Li dan l-attentat li jassassinawlu l-karattru u jeliminawh politikament sar biex jaħbi l-korruzzjoni li approfittaw irwieħhom minnha Joseph Muscat, Keith Schembri, u Konrad Mizzi.
Għalfejn nofs diskors? Għax apparti li hu kodard u korrott, Chris Fearne m’għandux ħajta fibra morali fis-sistema tiegħu. Għax f’moħħu l-partit jiġi qabel kollox. Għax għalih li tkun Laburist jiġi qabel anke d-dinjitàpersonali tiegħu. Għax għalih ħa jfotti u jisraq Joseph Muscat, ħa jħalli lil min jixtrih jisraq flus in-nies biex jigdeb anke fuqu: imma qatt mhu se jħalli Laburist jaħseb li hu anqas mill-akbar Laburist.
Chris Fearne jippreżenta ruħu bħala intelletwali, kariżmatiku, u intelliġenti. Imma hu l-akbar fanatiku, irrazzjonali, u moqżież: l-aktar Laburist sal-mewt li kuntent jissawwat hu imma jibqa’ jxejjer il-bandiera tal-partit. Noqgħodu nitkażaw għal dawk il-ftit mijiet pensjonanti li jġerruh għal Manwel Cuschieri u jmorru jgħidu li għalihom Joseph Muscat qaddis anke jekk veru seraq.
Chris Fearne agħar minnhom. Xi ħadd nefaq il-miljuni ta’ flus pubbliċi biex iġib fuq gazzetta l-Pakistan aħbar falza li Chris Fearna nxatara għal passapport lil xi ologarka Russu. Issa nafu li dak ix-xi ħadd kien Steward, il-kuntratturi li xtraw lil Muscat u lil oħrajn biex ħadu tlett sptarijiet pubbliċi u ġabuhom maqjel. U Chris Fearne jilgħab bid-diskors biex miegħu joħroġ ifuh ukoll il-Partit Laburista li hu l-partit li ġab din is-seħta fuq il-kura tas-saħħa f’Malta.
Ara kemm trid tkun iffissat.
Minn wara l-kwinti jidher li meta Muscat kellu jirreżenja minn prim ministru ipprova jiftihem ma’ Fearne biex Fearne jassigurah li ħadd ma jmiss lil Steward jew lil Muscat. Milli jidher Fearne qallu ‘le’ lil Muscat. Ma wiegħdu xejn. U Muscat pattihielu billi kkampanja biex jitla’ Robert Abela.
Fearne issa jrid jgħidilna li dak juri kemm hu bniedem ta’ integrità, li ma daħalx f’pattijiet imxajtna ma’ Muscat biex isir prim ministru hu. Li ara x’sagrifiċċju għamel tant li ma sarx prim ministru hu.
Chris Fearne ma wera ebda integrità billi siket quddiem il-korruzzjoni fl-isptarijiet. L-integrità kien juriha kieku kellu l-kuraġġ jiftaħ ħalqu u jiddenunzja l-korruzzjoni, jikxef is-serqa, u jakkuża lil Joseph Muscat.
Minflok x’għamel Chris Fearne? Minflok għamel diskors ripetut fil-kampanja tiegħu biex isir Leader li ser jassigura li sakemm idum ħaj in-Nazzjonalisti ma jkunux fil-gvern. Labour għal dejjem, ħej. Anke jekk jinxtara biex iħalli tlett sptarijiet pubbliċi jinsterqu. Anke jekk iħalli min juża flus il-gvern biex jibdeb fuq deputat prim ministru fil-gazzetti tal-Pakistan. Anke jekk il-gideb ikun fuqu.
Chris Fearne iridna nibku miegħu għall-ħsara li saritlu intortament. Intortament xejn. Chris Fearne mhux vittma innoċenti. Għandu jibda billi jxidd demgħa għall-ħsara li għamel hu lill-morda li suppost ħa ħsieb meta kien it-tabib-ministru tagħhom.
Meta ħalliel ifotti giddieb, il-biki nħallih għalihom.