Chris Fearne talab il-protezzjoni tal-Parlament. U l-Parlament tahielu. Ejja nippruvaw nifhmu x’kien ifisser dan ir-ritwal. L-ewwel il-fatti.
F’Ġunju tas-sena l-oħra irreżenjat Carmen Ciantar mit-tmexxija tal-aġenzija li tmexxi l-proġetti tal-gvern fil-qasam tas-saħħa. Carmen Ciantar kienet kollaburatur politiku qrib ħafna ta’ Chris Fearne u l-pożizzjoni li kellha fil-gvern tahielha hu. Kellha pożizzjonijiet oħra qabel – fuq il-bord ta’ Transport Malta, fl-aġenzija li tiġbor il-kontijiet tad-dawl – u l-aħħar fil-Foundation for Medical Services.
Imma gazzetta fil-Pakistan sena ilu qalet li Ciantar daħħlet kważi nofs miljun ewro fil-but u tawhomlha l-Vitals, l-ewwel kuntratturi li kienu rebħu l-isptarijiet pubbliċi. Kienet storja redikola għax Carmen Ciantar ma kellhiex x’taqsam mad-deċiżjoni li l-isptarijiet jingħataw lil Vitals. Uħud mis-sidien ta’ Vitals kellhom Memorandum of Understanding mal-gvern iffirmat f’Ottubru tal-2014. Il-gvern iddeċieda li jagħti tlett sptarijiet lill-Vitals f’Ġunju tal-2015. Dak iż-żmien Carmen Ciantar kienet toħroġ il-kontijiet tad-dawl. Ma kinit imkien qrib is-settur tas-saħħa.
Mela, malli dehret l-istorja f’gazzetta fil-Pakistan dehret assurda mill-ewwel. Jekk xi ħadd inxtara fuq il-bejgħ tal-isptarijiet, kien jinxtara xi ħadd li għandu x’jaqsam mad-deċiżjoni li jbigħhom.
Imbagħad ftit wara ħarġet storja oħra fuq website Belġjana. Qalet li t-tifla ta’ Carmen Ciantar irċeviet tlieta punt żewġ miljun ewro minn Russu li ried jixtri passaport Malti u li dawn il-flus kienu maħsuba għal but Chris Fearne. Ftit wera li dehret l-istorja, tneħħiet minn fuq il-website. Mill-ewwel dehret redikola wkoll. Chris Fearne m’għandux x’jaqsam mal-passaporti. Aħseb u ara t-tifla ta’ Carmen Ciantar.
Din kienet diżinformazzjoni. Xi ħaġa li ħafna nies semgħu biha l-ewwel darba issa għax Chris Fearne qed jagħmel għaġeb. Id-diżinformazzjoni hi viljakka, kattiva, u għax id-dinja mimlija nies li ma jaħsbux ftit meta jisimgħu xi ħaġa u jmorru jirrepetuha, effettiva.
Chris Fearne missu jaf xi ħaġa fuq id-diżinformazzjoni. Hu Deputy Leader tal-Partit Laburista, propjetarju tas-Super 1. Id-diżinformazzjoni hi l-missjoni tagħhom. Ħa nitkellem biss fuq każ deċiż mill-qorti li missejtu jien: meta s-Super 1 qal li nies minn Repubblika li kienu qed jipprotestaw il-Belt infexxew jgħajjru u jheddu tfal b’diżabilità li inzertaw kienu l-Belt biex il-President itihom midalja. U ġabu ritratt tiegħi. Għax taf int Manuel Delia tant hu żibel li meta jara t-tfal b’diżabilità fit-triq imur jgħajjarhom u jheddidhom.
Id-diżinformazzjoni għandha ħabta tkun magħmula mill-esaġerazzjoni grassa. U trid tixxokkja mela m’hux se jgħidu li Manuel Delia għajjar lil xi ħadd li kien għaddej. Għajjar tifla żgħira b’diżabilità. Mhux se jgħidu Chris Fearne inxtara. Jgħidu li ħa aktar minn tlett miljuni.
Mela das-suppost Russu li ried jixtri passaport li kellu jiswielu miljun, ħallas it-tripplu f’commission lil ministru li m’għandux x’jaqsam. Jagħmluhom daqshekk esaġerati biex jekk xi darba jinqabdu lanqas tista’ tfittxhom il-qorti għax fil-qorti jgħidu li tant kienet esaġerata li kienet qisha ċajta.
Imma l-ħsara tkun saret. Għax mhux kulħadd jifhem x’inhu possibbli u x’inhu evidentement esaġerat. Per eżempju meta xi ħadd li għadni ma nafx min hu irreplika l-email tiegħi u beda jikteb lil kulħadd li qed immur minn moħħi u li qed ngħid li qed ngħid fuq Yorgen Fenech għax mhux nieħu l-mediċina, kien hemm min emmen li dak kont jien. U għaddewni b’miġnun.
Taħsibx li dawn affarijiet li ġraw lili biss. Qed insemmi l-eżempji tiegħi biex ma ndaħħalax vittmi fl-argumenti tiegħi.
Bix-xogħol tal-ġurnalisti (għax il-pulizija baqgħet tħares) sirna nafu min kellu għal Chris Fearne u Carmen Ciantar. Rajna email ta’ Armin Ernst, li kien imexxi l-isptarijiet Maltin l-ewwel għall-Vitals u mbagħad għal Steward, jitkellem fuq xniegħat li Chris Fearne u Carmen Ciantar kienu aktar minn kollegi. Mela ejja naraw kif se nużaw din il-vunnerabilità tagħhom ħa nħammġuhom.
Dan issa qrajnieh. Chris Fearne kien ilu li ssuspetta min kien qed ifottih. Milli jgħid hu fuq naħa tal-gvern kien hemm Keith Schembri u Konrad Mizzi jħawwdu u jfottu u jaħdmu minn taħt; u fuq in-naħa l-oħra kien hemm hu subgħajh dritt ikanġi fil-purità tiegħu. Il-maħmuġ jidher iħmeġ biswit in-nadif. Allura l-maħmuġ iħammeġ lin-nadif għax ħdejn maħmuġ ieħor ma jagħtix fl-għajn.
Issa li rajna kif kienu qed jipprovaw iħammġuh b’korruzzjoni esaġerata u impossibbli u mingħajr skop jew benefiċċju għal min suppost qed iħallas dawn il-miljuni, Chris Fearne niżel fil-pjazza jixher u jibki u jitlob il-protezzjoni tal-Parlament.
Fuq din ridt nitkellem. Fuq it-talba għall-protezzjoni. Fuq kif qam fil-Parlament jgħid li min gideb fuqu jista’ jagħmillu agħar u li hemm bżonn il-Parlament jipproteġih. Imbagħad Anġlu Farrugia qallu iva għax hekk jiġri fil-House of Commons Ingliża.
Il-vittma tad-diżinformazzjoni hu stess jagħmel id-diżinformazzjoni.
Mela membri tal-Parlament Ingliż veru kienu vittmi tad-diżinformazzjoni. Aktarx il-provenjenza tal-attakki fuqhom kienet ir-Russja. Dawn kienu Deputati li jsaqsu mistoqsijiet inkrepattivi, li jgħassu fuq il-gvern tagħhom, li qegħdin fuq kumitati li jissorveljaw kif iġib ruħu l-gvern. Biex jintimidawhom u jsikktuhom għamlu fuqhom kampanji ta’ gideb.
Dawk id-deputati m’humiex il-gvern: anzi huma għassiesa fuq il-gvern. Hu għalhekk li l-Parlament jidħol biex jaqbeż għalihom ħa jkunu jistgħu jaqdu l-funzjoni tagħhom.
Id-diżinformazzjoni li saret lil Chris Fearne ma saritlux għax hu Membru Parlamentari. Saritlu għax kien ministru tal-gvern. Kien deputat prim ministru. Il-gvern għandu l-mezzi kollha biex jipproteġi lill-ministri tiegħu. Il-pulizija taqa’ taħtu. Jekk irid jikkomunika mal-ambaxxata Amerikana biex l-Amerikani jinvestigaw lil Steward jista’ jaqbad it-telefon u jgħidilhom.
Għandu jitlob il-protezzjoni tal-Parlament xi backbencher li qed jissogra għax qed jissindika fuq il-gvern; mhux dak li kien deputat prim ministru meta ġara li ġara.
L-ewwel nett ir-redikolaġni taċ-ċerimonja kollha. Mela Anġlu Farrugia kollu pompa jgħidlu, ‘mela, onorevoli Chris Fearne, ħa ntuk il-protezzjoni’. Id-deputati tal-gvern iċapċpu għal din id-dikjarazzjoni solenni. U x’forma tieħu l-protezzjoni? Anġlu Farrugia jibgħat email lill-Kummissarju tal-Pulizija u jgħidlu ‘ħu ħsiebu please’. U ajma! Din x’serjetà hi?
It-tieni nett għalfejn Chris Fearne ma ħabbattx il-bieb li kellu jħabbat? Jekk irid il-protezzjoni għax ma talabhiex lill-gvern? Ma kienx uffiċjal tal-gvern meta ċappsuh bid-diżinformazzjoni? Mhux għax kien uffiċjal tal-gvern li għamlulu hekk?
Jew ma jafux id-differenza bejn gvern u Parlament, jew talba lill-gvern mhix drammatika biż-żejjed għar-reċti li jridu jagħmlu.
U isma’, m’inhix ngħid li xi ħadd li għamel ħażin għandna nħalluh għat-theddid tal-eks-kompliċi tiegħu. Imma ejja npoġġu ftit l-affarijiet f’perspettiva, ta! Kemm-il darba qam fl-istess Parlament Chris Fearne jgħajjar u jitnejjek b’dak is-sarkażmu jqażżek tiegħu lil kull min ikkritika l-kuntratt tal-isptarijiet? Kemm għajjar hu u kemm siket meta sħabu għajjru lil Simon Busuttil u l-kaxxi vojta? Kemm ħalla s-Super 1 iżeblaħ lill-oppożizzjoni għall-kawżi li għamlet biex nieħdu lura l-isptarijiet? Kemm ħallihom iżebilħu lill-attivisti ta’ Repubblika għal kemm domna nissaraw biex issir inkjesta dwar il-korruzzjoni fl-isptarijiet?
U meta kien qed jagħmel dan kollu, Chris Fearne kien qed jirrakkomandalna ‘l Ram Tumuluri u lil Armin Ernst, u jivvota l-fiduċja tiegħu lil Konrad Mizzi u Joseph Muscat. Chris Fearne kien qed jitma’ l-mostru li issa qed jgħid li qed jibża minnu. Chris Fearne kien qed jisqi lil dawk li issa qed jgħidilna li huma kapaċi jagħmlu ħafna agħar milli jigdbu fuqu f’gazzetta fil-Pakistan. Lil dawn il-vjolenti kont qed tipproteġi u ttihom l-akbar kuntratt pubbliku li qatt ta pajjiżna? Lil dawn li kapaċi jagħmlu agħar? Kont kuntent meta kienu qed jagħmlu agħar lil ħaddieħor. Meta missew lilek qmost.
U jekk ma jimpurtax insaqsi, agħar kif? Għax jekk għandek xi informazzjoni li dawn qed iħejju att ta’ vjolenza, aħjar tgħidilna x’taf. Nifhem li tinkwieta għal ġildtek. Ma nagħti tort lil ħadd. Imma din materja ta’ interess nazzjonali. Jekk int fil-periklu għal saħħtek int li kont id-deputat prim ministru li ftaħtilhom il-biex biex jisolħu kemm jifilħu, kemm aktar għandhom bżonn protezzjoni dawk li lil Steward waqfulhom mill-bidu? X’periklu qegħdin fih id-deputati tal-oppożizzjoni li oġġezzjonaw u ġġieldu fil-qorti kontra l-bejgħ tal-isptarijiet? X’periklu għall-ġurnalisti li kixfu l-korruzzjoni? Għall-attivisti, għall-maġistrati?
U minn min veru qed tibża’, Chris Fearne? Mill-Amerikani ta’ Steward jew mill-Maltin li xtraw? Għidilna, għax jekk int fil-periklu, aħseb u ara aħna.
U l-aħħar kelma għal Anġlu Farrugia. Dak li meta l-mostru tal-korruzzjoni qatel lil Daphne Caruana Galizia lanqas ried isemmi kamra fil-Parlament għaliha. Dak li rikeb fuq deċenji ta’ diżinformazzjoni fuqha anke meta kien ukoll Deputy Leader tal-partit tas-Super 1. Dak li hu responsabbli daqs sħabu kollha għad-diżinformazzjoni li baqgħet sejra sal-omiċidju b’karozza bomba.
Għal Chris Fearne ħriġt ta’ hero, għax niżlu għalih mir-raba’ sular u gidmuh. Miskin.
U miskin int.