Ħmistax il-Imħallef tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja llum semgħu is-sottomissjonijiet ta’ Repubblika fil-kawża li għamlet li fiha qed issostni li l-ħatriet għall-ġudikatura li kienu saru f’April 2019 ma kienux konformi mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea li taħtu jeħtieġ li jkun hemm ġudikatura indipendenti.

Il-gvern ta’ Joseph Muscat kien ħatar tliet Imħallfin u tliet Maġistrati minkejja t-twissija li kienet saritlu f’Diċembru ta’ qabel mill-Kummissjoni ta’ Venezja fis-sens li l-metodu wżat minn Malta fejn jidħlu ħatriet għall-ġudikatura ma kienx konformi mal-livelli kontemporanji tad-demokrazija.

Repubblika kienet fetħet kawża fil-qrati Maltin u l-każ aktar tard ġie riferut lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex din tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjoni.

Repubblika llum kienet rappreżentata fil-qorti ta’ Lussemburgu mill-avukat Jason Azzopardi li għamel is-sottomissjonijiet tiegħu bl-ilsien Malti. Il-gvern Malti, min naħa tiegħu, ħatar avukati Spanjoli biex jitkellmu għalih u dawn għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom bl-Ingliż.

Il-qorti għamlet xi mistoqsijiet lill-avukati tal-gvern Malti dwar il-kostituzzjoni ta’ Malta u dawn ma kellhomx il-ħila jwieġbu.

Il-qorti semgħet ukoll is-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ numru ta’ stati membri.

Il-Qorti Ewropea għamlet tweet bl-ilsien Malti fis-sens li l-Avukat Ġenerali Ewropew mistenni li jxandar il-fehma tiegħu dwar il-każ fis-17 ta’ Diċembru u sentenza mistennija li tingħata aktar tard fl-2021.