Il-ġurnal Malta Today illum xandar id-dettalji ta’ kawża li tal-Pilatus Bank kienu ppreżentaw waqt il-kampanja elettorali tal-2017 kontra Daphne Caruana Galizia, liema kawża imbagħad kienet ġiet irtirata ftit siegħat biss wara l-assassinju tagħha. Fil-verżjoni online tal-istess ġurnal tistgħu ssibu kopja sħiħa tal-kontenut tal-kawża.
Ittantajt nakkwista kopja tad-dokument iżda jidher li tal-Malta Today irnexxielhom jakkwistawh qabli. Possibilment setgħu akkwistaw id-dokument minn tliet sorsi differenti iżda nistgħu noqgħodu ċerti li żgur mhux minn tnejn minnhom:
- Il-membri tal-familja Caruana Galizia – dawn ikkonfermaw miegħi li l-ewwel darba li kienu semgħu bl-eżistenza ta’ din il-kawża kien mingħandi.
- Il-Qorti – tkellimt ma’ rappreżentant tar-reġistru tal-Qorti ta’ Arizona u dawn qaluli li l-kawża kienet ġiet arkivjata u li l-proċess tal-kawża ma kienx jinsab fil-bini tal-Qorti. Jien ordnajt kopja mingħandhom u għandi nifhem li l-karti għadhom ma waslux għandhom.
- Pilatus Bank u Ali Sadr.
Kien min kien li għaddielhom id-dokumenti, dak li xandret il-Malta Today huwa interessanti.
Int u taqra’ r-raġunijiet li nġiebu biex saret il-kawża fil-Qorti ta’ Arizona, għandek mill-ewwel tħoss – jekk int bħali xogħolok huwa li tikxef l-aħbarijiet – l-hekk imsejjaħ “effett kexkiexi” (“chiling effect”) . Tal-Pilatus Bank irraġunaw li ġaladarba l-website ta’ Daphne Caruana Galizia huwa .com u reġistrat fl-Istati Uniti, għandhom japplikaw il-liġijiet ta’ hemmhekk meta tinstema’ l-kawża.
Li kien għalihom, dan għandu japplika wkoll għal kull .com website, inkluż din il-website.
M’hemmx dubju li hemm ħafna x’wieħed igħid kontra dan it-tip ta’ raġunar li ħarġu biħ tal-Pilatus Bank f’Arizona. Iżda biex iġġib ‘il quddiem ir-reazzjonijiet u r-risposti tiegħek jeħtieġ li tkun preżenti f’Arizona. U m’hemmx dubju li jkun ukoll meħtieġ li tqabbad avukati liċenzjati f’dak l-istat Amerikan. U jekk istituzzjoni bħalma hi t-Times of Malta m’għandhiex il-mezzi finanzjarji biex tiddefendi kawża f’Arizona, kemm jidhrilkom li għandi dawn il-mezzi jien?
Lanqas hemm paragun bejn l-ammont ta’ danni għal malafama li jagħtu l-Qrati Amerikani ma’ dawk li jagħtu l-Qrati Maltin. Hawn Malta l-ammont ta’ danni jirrifletti r-realtajiet ekonomiċi u legali tal-pajjiż. Mill-banda l-oħra, fl-Amerika dawn l-ammonti jirriflettu r-realtajiet ta’ hemmhekk u d-danni huma imposti skont dawn ir-realtajiet. Fi ftit kliem, jekk ma tkunx f’pożizzjoni finanzjarja li tiddefendi kawża, affarik.
U d-deċiżjoni li tittieħed fl-Amerika mbagħad tkun tista’ tiġi esegwita’ f’Malta. U possibilment mill-Istati Uniti tista’ wkoll tintalab l-estradizzjoni.
Hija sitwazzjoni verament tal-biki fejn il-bankiera ta’ Ilhan Aliyev u tar-reġim korrott u kriminali tiegħu qed iqiegħdu lill-ġurnalisti Maltin f’pożizzjoni li, eżatt bħall-barunijiet tad-droga Latino Amerikani, jistgħu jiffaċċjaw l-estradizzjoni biex jiġu proċessati minn sistema legali Amerikana mingħajr l-opportunita’ li tiddefendi ruħek kif suppost.
Jekk ikun hemm talba għall-estradizzjoni tistgħu toqgħodu ċerti li Joseph Muscat u l-gvern tiegħu m’humiex ser joqomsu biex jiddefenduna. Diġa’ qed naraw b’għajnejna l-oppożizzjoni tagħhom għall-abozz ta’ liġi kontra l-kawżi SLAPP. Milli jidher il-gvern qed iwassal il-messaġġ li jekk dan l-abbozz isir parti mil-liġijiet tal-pajjiż, id-drittijiet ta’ Pilatus Bank u ta’ Ali Sadr jiġu effettwati ħażin.
Possibbli li fuq dan qed jinkwietaw? Allura skont il-gvern, il-Qrati Maltin m’humiex armati biżżejjed biex jagħtu protezzjoni? Allura biex id-drittijet tal-Maltin u ta’ kumpanniji Maltin jiġu rispettati issa jeħtieġ immorru quddiem il-Qrati ta’ Arizona?
M’hemmx dubju li, wara li l-ġimgħa li għaddiet jien stess kont xandart l-istorja dwar il-kawża li kienet saret f’Arizona, min illum għadda d-dokumenti lil tal-Malta Today inqeda’ b’dan il-ġurnal biex iwassal twissija serja lill-mexxejja tal-istampa f’Malta.
Dan l-aġir m’huwa xejn ħlief konsistenti ħafna mal-manuvri diretti u indiretti ta’ Joseph Muscat u ta’ dawk ta’ madwaru kontra l-liberta’ tal-kelma fl-ambitu tas-saltna tad-dritt. Il-bieraħ fil-Parlament Joseph Muscat fakkarna li kull minn jikxef infomazzjoni li l-FIAU ippruvat taħbi jista’ jispiċċa l-ħabs. Niftakru wkoll li kien hu stess awtorizza lil Henley & Partners biex jibdew kawża kontra Daphne Caruana Galizia bl-istess metodu li eventwalment spiċċaw użaw tal-Pilatus Bank.
Għalhekk ma nistgħux ma nissuspettawx li, fl-aħjar ipotesi, Joseph Muscat qed jagħlaq għajnejħ it-tnejn fil-konfront ta’ dawk li qed jagħmlu minn kollox biex, bis-saħħa tal-Qrati Amerikani, jagħmlu sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti u l-politiċi Maltin. Dan qed jingħad mhux għax għandi xi preġudizzju kontra s-sistemi ġudizzjarji Amerikani. Iżda għaliex huwa skorrett li wieħed jassumi li, għax issir kawża f’Qorti Amerikana, allura l-ġustizzja hija garantita.
Biex issir ġustizzja, kemm min jippreżenta kawża kif ukoll min jiddefendiha għandu jkollu aċċess ugwali għar-riżorsi u l-istat huwa fid-dmir li jiggarantixxi dan l-aċċess għaċ-ċittadini tiegħu. Blog jew website Malti ma jistax ikollu aċċess għal dawn ir-riżorsi quddiem il-Qrati Amerikani bl-istess mod li tal-Pilatus Bank għandhom dan l-aċċess. U allura mhux possibbli li ssir il-ġustizzja hemmhekk. Aħna m’aħniex ċittadini tal-Istati Uniti u l-Istati Uniti m’għandhom ebda obbligu li jipproteġu d-drittijiet tagħna. Aħna ċittadini Maltin u nħossu li l-istat Malti qed juri aktar ħeġġa li jiddefendi lil dawk li jevadu t-taxxa u lill-membri tal-oligarkija Russa milli li jiddefendi lill-ġurnalisti.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, nistgħu nifhmu aħjar x’ridna nfissru meta konna stqarrejna li Daphne Caruana Galizia ddefendietna waħedha u x’riedet tfisser meta kitbet li ninsabu mdawwrin bil-ħallelin. Issa ninsabu waħedna u esposti bil-periklu li niġu mgħaffġa taħt il-qilla tal-flus maħmuġin u tas-setgħa korrotta tal-istat.
Jeħtieġ nifhmu darba għal dejjem li t-theddidiet li qed niffaċċjaw mhumiex xi ħaġa normali għall-ġurnalisti li jgħixu f’demokraziji Ewropej. Ġurnalist jrid joqgħod dejjem attent li ma jirriskjax il-possibilita’ li dawk li tinkiteb xi storja dwarhom jispiċċaw jużaw il-mezzi legali kollha biex isikktuhom. Iżda l-abbużi sfaċċati li qed niffaċċjaw bħalissa f’Malta, mgħejjuna u mħeġġa mill-istat, huma tabilħaqq straordinarji.
Il-frażi “effett kexkiexi” hija deskrizzjoni tas-silenzju li huwa r-riżultat ta’ azzjonijiet legali li suppost huma bażati fuq id-dritt li wieħed iħares ir-reputazzjoni tiegħu iżda li fil-fatt jintużaw biex ibeżżgħu anke f’każ li ma jkun hemm ebda reputazzjoni x’tiġi mħarsa.
Meta wieħed jippreżenta kawża ta’ libell f’Malta, anke għal raġuni frivola, għax ikun iħoss li ġie malafamat ħafna drabi jittama li l-istorja li dwarha jkun daħal il-Qorti tiżvinta mal-medda taż-żmien, kemm f’każ li jirbaħ il-kawża kif ukoll jekk jitlifha.
Iżda meta ssir kawża ta’ malafama f’Qorti Amerikana, anke għal raġunijiet frivoli, din isservi biex min suppost ġie malafamat jew li dwaru tkun ixxandret informazzjoni jqiegħed sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti.
Għandna dritt li nkunu nafu l-verita’ u għandna d-dmir li nfittxuha.