Din l-“istorja” li xandru tal-One TV tistgħu faċilment tikkunsidrawha bħala opportunità oħra biex tal-Labour jaqbdu ma’ Jason Azzopardi, bniedem li n-nies tagħhom ma jaħmluħx pinġut. Iżda tal-Labour ta’ sikwit jinsew li, bħala partit politiku, għandhom ukoll ir-responsabbiltajiet tagħhom lejn id-demokrazija. Meta partit politiku jattakka d-drittijiet bażiċi bil-mod li jattakkahom il-Partit Laburista, ikollna għalxiex ninkwietaw.
Dan l-hekk imsejjaħ rapport ittratta dwar il-fatt li, aktar kmieni din il-ġimgħa, Jason Azzopardi deher għal Repubblika f’seduta tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu. U dawn tgħidx kemm tkażaw għaliex, skont huma, l-avukat ta’ Repubblika “tkellem kontra s-sistema tal-ħatriet għall-ġudikatura li għandna f’Malta”.
“Din ma kienitx l-ewwel darba li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u Repubblika żammew kontra Malta”.
Dawn iridu jbellgħuha bħallikieku saret xi ħaġa ħażina. Fid-dittatorjati biss li l-gvern ma jistax jitħarrek fil-qorti. Il-qrati jeżistu għal tliet raġunijiet bażiċi: 1. sabiex l-istat iqabbad ġudikatur imparzjali biex dan igħaddi ġudizzju u jikkastiga l-kriminali; 2. sabiex in-nies tkun tista’ ssib tarf ta’ kwistjonijiet li jinqalgħu bejniethom b’mod non-vjolenti; u 3. sabiex in-nies ikollha l-protezzjoni ta’ ġudikatur indipendenti li jipproteġiha minn imġieba abbużiva tal-gvern.
Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja hi qorti li tfasslet b’liġi u li tirregola t-tħaddim korrett tal-liġijiet li japplikaw għal Malta. Wara kollox, dan huwa l-iskop aħħari wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea: li l-liġijiet Ewropej isiru parti mil-liġijiet Maltin li jiġu applikati f’Malta u li ċittadini Maltin jkunu jistgħu jfittxu rimedju fil-Qorti Ewropea.
Din m’hix kwistjoni li dwarha wieħed ikun qed “iżomm kontra Malta”. Iżda hi dwar talba sabiex il-liġijiet Maltin jiġu nfurzati bis-serjetà f’Malta u sabiex il-gvern jiġi mġiegħel jaħdem fil-parametri tal-liġi. Imġieba llegali u mhux ċivilizzata tfisser li wieħed jirrikorri għat-terroriżmu. L-affarijiet ma kienux jaslu għal din l-estremità li kieku l-qrati jitħallew jaħdmu u aħna, l-poplu, ma jkollniex xkiel biex nieħdu dak li jkun ħaqqna permezz tal-qrati.
Tal-Labour iridu jilgħabuha tal-bulijiet sabiex inaffru lin-nies milli tfittex rimedju permezz tal-qrati. M’huwiex daqstant rilevanti dwar jekk Repubblika għandhiex raġun jew le dwar jekk it-trattat tal-UE japplikax għall-metodu li ntuża f’April 2019 dwar l-għażla tal-ġudikanti f’Malta. Il-punt rilevanti hu li tal-Labour qed jattakkaw id-dritt bażiku u universali ta’ kull ċittadin li jfittex rimedju bil-qorti u li jqabbad avukat tal-għażla tiegħu.
Din l-intimidazzjoni hi mġieba anti-demokratika għall-aħħar. Mhux bi ħsiebna nnaqqsu l-gravità tagħha għaliex “hekk jagħmlu s-soltu tas- Super One”.
Araw ftit kif irnexxielhom jimminaw lid-demokrazija tagħna.
U din hi r-raġuni ewlenija l-għala jeħtieġ li nirreżistuhom bil-qawwa kollha.