Il-bieraħ Karol Aquilina qajjem kwistjoni fil-Parlament li, għall-ewwel, setgħet instemgħet bħala tfittxija għax-xagħra fl-għaġina.

F’April 2020, il-gvern ħabbar li kien ħatar għal 3 snin il-membri tal-bord tal-aġenzija dwar il-financial intelligence. Dawn il-ħatriet saru skont il-proċedura mitluba mil-liġi li tirregola l-ħasil tal-flus. Sa hawn kien kollox sew.

Iżda skont il-liġi li tirregola lill-amministrazzjoni pubblika, l-gvern jinsab obbligat li jissottometti l-ismijiet tal-persuni nominati għall-ħatriet ewlenin fis-servizz pubbliku għall-iskrutinju parlamentari u dan qabel igħaddi biex jaħtarhom. Din hi liġi pjuttost ġdida li tfasslet mill-Parlament attwali u li bis-saħħa tagħha kumitat parlamentari maħtur apposta huwa fid-dmir li jgħarbel lill-persuni nominati permezz ta’ mistoqsijiet li jsirulhom fil-pubbliku. Din il-liġi tgħodd ukoll għal kull minn jiġi nominat biex jinħatar bħala ambaxxatur, impjegat għoli mal-gvern u anki ċ-chairman tal-bord tal-FIAU.

Meta f’April li għadda nħatar iċ-chairman il-ġdid tal-FIAU, dan ma ġiex mgħoddi mill-għarbiel tal-kumitat parlamentari skont kif titlob il-liġi. Għaldaqstant il-ħatra ta’ dan il-bniedem għall-bord li jwettaq xogħol ta’ superviżjoni fuq il-ġlieda ta’ pajjiżna kontra l-ħasil tal-flus hi waħda illegali.

Dan huwa ħażin għal tliet raġunijiet:

1.

Il-gvern wera’ li m’għandux il-ħila li jsegwi l-liġijiet li fassal u għadda huwa stess mill-Parlament. Din kienet liġi li l-ministri tal-gvern li wettqu din il-kawlata, huma stess ivvutaw favuriha ftit xhur ilu biss. Il-gvern ħareġ ta’ mażetta għax wera’ li lanqas għandu l-ħila li jsegwi l-liġijiet li jagħmel hu stess u forsi issa ser ikollu l-ħtieġa li jqabbad xi avukati Spanjoli biex jipprova joħroġ mit-toqba li waqa’ fiha.

2.

Ibqgħu ċerti li kull min b’xi mod ġie effettwat ħażin minn xi deċiżjoni tal-FIAU minn April ‘l hawn x’aktarx ser igħaddi biex jikkontesta dawn id-deċiżjonijiet fil-qorti u dan minħabba l-fatt li l-FIAU, meta ttieħdu dawn l-istess deċiżjonijiet, kienet presjeduta minn chairman li l-ħatra tiegħu hi waħda invalida skont il-liġi. Jekk argument bħal dan il-qorti eventwalment tagħmlu tagħha, l-“isforz” li suppost qed jagħmel il-pajjiż biex jiġġieled il-ħasil tal-flus bis-serjetà kemm ilu li telaq Silvio Valletta, warrab Peter Grech u nħatret Edwina Licari, ma jkun kunsidrat bħala “sforz” xejn iżda bħala waqa’ kbira għaċ-ċajt. Bis-saħħa ta’ xenarju bħal dan, il-ħallelin ikunu jistgħu jgħadduha lixxa għar-raġuni li tal-ministeru tal-finanzi u tal-uffiċċju tal-prim ministru ma ndenjawx ruħħom li jiċċekkjaw il-liġi biex jaraw x’suppost kellhom jagħmlu.

3.

Il-gvern Malti qed jipprova jipperswadi lil tal-Moneyval, lil tal-FATF u lil kull analista tad-due diligence fl-industrija tas-servizzi finanzjarji li Malta m’hix xi repubblika tal-banana u li għandha istituzzjonijiet b’saħħihom u “robusti” dejjem għal-lest biex jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus. U issa bis-saħħa ta’ din l-imġieba dilettanteska għall-aħħar qed nuru lid-dinja li Robert Abela u Edward Scicluna – li kemm il-darba stqarrew li għad fadlilhom żmien twil jokkupaw il-karigi rispettivi tagħhom – ma jistgħux jittieħdu bis-serjetà sa dakinhar li dawn iċ-ċorma ta’ apoloġisti u difensuri ta’ Joseph Muscat jitqalftu ‘l barra mis-siġġu tas-setgħa.