Il-Partit Laburista u l-fornituri lokali tal-kuntratt tal-enerġija li maż-żmien kellu jsir magħruf bħala Electrogas kienu ftehmu dwar il-kundizzjonijiet tal-kuntratt fiż-żmien meta tal-Labour kienu għadhom fl-oppożizzjoni. Dan jista’ jfisser li n-negozjanti li kellhom jirbħu l-kuntratt tal-gvern spiċċaw biex iffinanzjaw lill-Partit Laburista. Din ix-xilja hi miċħuda minn kull min kellu x’jaqsam mal-kuntratt.
Madankollu issa għandna konferma – mhux spekulazzjoni – li l-kuntratt kien ġie miftiehem barra mill-konfini tal-liġi li tirregola l-offerti pubbliċi. Il-familji Fenech, Gasan u Apap Bologna kienu jafu u fehmu li gvern li kien għadu ma ħax is-setgħa f’idejh kien ser jagħmel talba biex jixtri l-enerġija minn fornitur li kellu l-ħila jforni fuq medda ta’ 18 il-sena. Kienu jafu bil-kundizzjonijiet tal-offerta qabel din inkitbet u ġiet stampata.
U l-“proċess” tal-offerti li kellu jsegwi kien biss farsa għal għajn in-nies.
Hu u jixhed illum quddiem l-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Mark Gasan ikkonferma bla tlaqliq li kien preżenti għal laqgħat li kienu seħħew qabel l-elezzjoni ta’ Marzu 2013 li fihom ġew diskussi l-kundizzjonijiet tal-proġett. Il-ġimgħa li għaddiet, meta ġie mistoqsi l-istess mistoqsija, Paul Apap Bologna pprova jiżloq minnha. Iżda Mark Gasan ma żelaqx.
Hemm aktar okkażjonijiet li fihom Apap Bologna u Gasan ma qablux fix-xhieda tagħhom u l-membri tal-bord tal-inkjesta x’aktarx li ser jippruvaw isibu tarf meta jerġa’ jixhed Paul Apap Bologna.
Iżda l-istqarrija ta’ Mark Gasan tal-lum dwar il-laqgħat li kienu seħħew qabel l-elezzjoni tal-2013 hi l-qofol ta’ kollox. Forsi mingħajr ma ried, ta tweġiba lil tas-Siemens li baqgħu jgħidu li m’għamlu xejn ħażin fejn għandu x’jaqsam l-Electrogas iżda li l-politika tagħhom ma tippermettilhomx li jidħlu sħab ma’ min jikser ir-regoli dwar l-offerti pubbliċi.
Dan ċertament ma jistgħux jinjorawh.