Se nsemmi ittra miktuba minn Eddie Privitera li xxandret fit-Times of Malta mhux għax din l-ittra ħaqqha tweġiba, iżda għaliex dan għażel li jirrepeti bħal pappagall il-linja li ħadu din il-ġimgħa kelliema tal-Labour flimkien ma’ oħrajn li qed iservuhom ta’ staffa.
F’ittra li kien diġà kiteb qabel id-diskors tal-bieraħ filgħaxija fil-Parlament, Eddie Privitera qal li Bernard Grech huwa mexxej tal-oppożizzjoni dgħajjef u li dan tilef opportunità li “jimponi l-awtorità tiegħu fuq l-oppożizzjoni u fuq il-PN”. Privitera kiteb dan li ġej:
The first occasion presented itself when Repubblika’s Manwel Delia publicly humiliated Grech when he warned the opposition leader that if he ‘f****s it up’, they would find another one to replace him.
He also added that they were watching him closely!
When Andrew Azzopardi asked Grech for his reaction to Delia’s public warning, Grech incredibly replied: ‘What’s wrong with that?’
Permezz ta’ tweet, il-ġurnalist Christoph Schwaiger xamm messaġġ simili f’karikatura li xandar il-Partit Laburista:
#Malta PL youth wing sets its sights on blogger @Manwel_Delia. This comes after years of the PL demonising #DaphneCaruanaGalizia, who was assassinated in 2017 pic.twitter.com/4fFu0edKyO
— Christoph Schwaiger (@cschwaigermt) October 26, 2020
Bil-kumment tiegħu fejn semma’ lil Daphne, Christoph Schwaiger laqat il-musmar fuq rasu. Il-linja li ħa l-Partit Laburista turi li dan il-partit ma tgħallem xejn dwar kif għandha titħaddem id-demokrazija.
Nista’ nifhem ir-raġuni għaliex il-kelliema tal-Labour lili ma jarawnix bħala ġurnalisti indipendenti. U dan l-istat ta’ fatt naċċettah għaliex jien domt 14 il-sena naħdem fi ħdan gvern immexxi mill-PN. U f’okkażjoni minnhom kont ukoll kandidat elettorali u għadni sal-lum membru tal-PN. L-indipendenza ma titnissilx minn dak li wieħed jiddikjara iżda mill-mod kif wieħed jaħseb, jikteb u jġib ruħu.
Iżda anki jekk, għall-grazzja tal-argument, ikun hemm min jarani bħala persuna marbuta mal-karru tal-PN, wieħed għaliex għandu jistenna li mexxej ta’ partit għandu “jimponi l-awtorità tiegħu” fuq xi ħaddieħor li jkun kiteb li jekk, bħala mexxej, ma jaqtax sandar, xi ħadd ieħor għandu jeħodlu postu?
M’aħniex ngħixu fil-Medju Evu. X’ikun hemm ħażin meta xi ħadd li jkun ġie elett biex jieħu post mexxej ieħor li kien falliment totali, jitfakkar li għandu jservi l-ħtiġijiet kollha tal-ħatra l-ġdida inkella jkollu jwarrab?
U Bernard Grech kif suppost messu “mpona l-awtorità” tiegħu fuqi? Kien messu għaddieli “kundanna” kif għandu l-vizzju jagħmel Edwin Vassallo? Kien messu allega li George Soros qed jimla’ l-bwiet tiegħi kif darba waħda implika Simon Mercieca? Tgħid għandhom jimmultawni, jikkalzrawni, jqattgħuni biċċiet u jixħtuni f’xi bir?
U Bernard Grech għaliex għandu jkollu xi awtorità fuqi? Jien m’jinix impjegat tal-partit li tiegħu huwa l-mexxej, m’jinix uffiċjal tal-partit u lanqas m’jien marbut b’xi kuntratt li jista’ jxekkilni f’dak li nikteb. Jekk lili jħarsu lejja bħala persuna viċin il-PN, nista’ nifhem il-għala t-trolls tal-Labour jitkellmu dwar Bernard Grech bħalma ta’ sikwit jagħmlu l-qarrejja tal-aħbarijiet minn fuq it-televiżjoni tal-Korea ta’ Fuq meta jinfexxu f’tifħir sfrenat għall-mexxej tagħhom Kim kull darba li fil-pajjiż ikun hemm skarsezza ta’ ross. Iżda ġaladarba jien lil dawn it-trolls tal-Labour qed niddiżappuntahom, skont huma x’imissu jagħmel Bernard Grech?
M’aħniex qed ngħixu f’monasteru u Bernard Grech m’huwiex is-superjur ta’ fuqi. M’għamilt ebda wegħda ta’ ubbidjenza. Daqskemm jien irrid naħdem biex inrabbi fama ta’ ġurnalista indipendenti (mira diffiċli ferm li nilħaqha minħabba l-passat tiegħi), Bernard Grech ukoll jeħtieġ li jħares u jkabbar ir-reputazzjoni tiegħu.
Eddy Privitera kiteb dwar “saħħa” u “dgħjufija” bħallikieku qed nitkellmu dwar xi lottatur jew xi serduq tal-ġlied. Il-kompetenza ta’ mexxej ma titkejjilx mit-ton ta’ diskorsu. Joseph Muscat ipproġetta mmaġni ta’ awtorità serena iżda invinċibbli. Adrian Delia ipprova jimitah u falla bl-ikraħ.
Iżda t-tnejn li huma wrew li kienu lesti jagħmlu sarima ma’ ħalq il-kritiċi tagħhom u li jiżolaw lil min kien lest jaġixxi b’mod indipendenti biex b’hekk jipproġettaw dehra ta’ infallibilità.
U t-tnejn li huma spiċċaw ħażin.
Dawk li jridu l-ġid għal pajjiżna qed josservaw lil Bernard Grech. Għadu kmieni, iżda nista’ ngħid għoġobni dak li osservajt s’issa. U peress li Eddie Privitera qed jitmeżmeż, serraħt rasi li jien u hu qed nosservaw l-istess ħaġa.