Carmel Cacopardo tal-ADPD għandu raġun biex ibiegħ. Robert Abela kien l-avukat tal-aħwa tal-Maksar li dwarhom jeżisti suspett li kienu mdaħħlin fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dwarhom hemm suspett ukoll li huma barunijiet tal-kriminalità. Dawn sal-lum għadhom jiġru barra.

Jidher li l-gvern jista’ jressaq każ kontra tal-Maksar kemm il-darba wieħed minn dawk li kienu ġew arrestati mixlija bil-qtil ta’ Daphne – l-uniku wieħed mill-ewwel tlieta li kienu ġew arrestati li jkun lest jitkellem bi tpartit ma’ xi forma ta’ arranġament legali – ikun lest li jixhed bħala xhud tal-prosekuzzjoni.

Jekk ikun każ ta’ ħruġ ta’ proklama bi tpartit mal-immunità mill-prosekuzzjoni, l-kwistjoni jkollha taqa’ f’ħoġor il-prim ministru. Hawn jeżistu ħafna “jekkijiet”. Il-Kostituzzjoni tagħti s-setgħa lill-kabinett tal-ministri li jiddeċiedi dwar il-ħruġ ta’ maħfriet. U, minn naħa tiegħu, l-kabinett għandu s-setgħa li jiddelega d-deċiżjoni dwar maħfriet lil persuna oħra minn ħdan l-istess kabinett. Il-gvern ta’ qabel dak li għandna llum kien iddelega d-deċiżjonijient dwar maħfriet lil Joseph Muscat u din il-prerogattiva huwa kien eżerċitaha dakinhar li ħareġ proklama fil-konfront ta’ Melvin Theuma.

Iżda meta kien ġie biex jiddeċiedi dwar jekk għandux joħroġ proklama jew le fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, huwa naqas li jeżerċita l-prerogattiva tiegħu u għażel li jgħabbi lill-membri tal-kabinett bir-responsabbiltà li jiddeċiedu. U l-kabinett spiċċa biex ċaħad it-talba li kien għamillu Yorgen Fenech.

X’aktarx jidher li l-kabinett preżenti ddelega d-deċiżjoni lill-prim ministru. Ma tgħallmux mill-iżbalji tal-imgħoddi. Il-fatt biss li kwistjoni bħal din hi waħda li għandha x’taqsam biss mal-prosekuzzjoni fis-sistema tal-ġustizzja kriminali li titqiegħed f’ħoġor l-eżekuttiv, huwa anakroniżmu.

Li kieku l-“maħfra” kienet biss deċiżjoni ta’ klemenza, per eżempju minħabba l-eżistenza ta’ xi mard terminali jew minħabba l-fatt li l-kastig kien wieħed aħrax iżżejjed u sproporzjonat, huwa sewwa li setgħa bħal din tkun f’idejn il-gvern.

Nieħdu b’eżempju lil dak li kien weħel 10 snin ħabs dwar twettiq reat marbut mal-ħaxixa. M’hemmx dubju li l-kastig li ngħatalu kien konformi ma’ dak li kienet tipprovdi l-liġi dakinhar li ngħata is-sentenza. U ma nġiebet ebda prova li seta’ jagħti xi ħaġa li tista’ tkun utli lura lill-istat. Iżda, li kieku ried, il-gvern seta’ ddeċieda li jnaqqas il-kastig għal dan it-tip ta’ reat u li, għalkemm ma setgħax igawdi minn tnaqqis awtomatiku, seta’ ngħata l-“maħfra” biex b’hekk jitnaqqaslu l-kastig.

F’sitwazzjonijiet bħal dawn, bir-raġun għandu jkun il-gvern li jiddeċiedi.

Iżda deċiżjonijiet dwar jekk Melvin Theuma għandux ikun imħajjar li jixhed kontra Yorgen Fenech jew, forsi, jekk il-Koħħu għandux jingħata proklama biex jixhed kontra tal-Maksar, huma tali li għandhom jittieħdu mill-prosekuzzjoni li hi entità indipendenti u separata mill-gvern.

U ġaladarba ma nindenjawx ruħna lanqas li niddiskutu t-tibdiliet fil-parametri kostituzzjonali ta’ dan il-proċess bil-għan li dawn jixħtu dawl aktar qawwi fuq l-indipendenza tal-prosekuzzjoni, nispiċċaw nitkellmu – kif qed jagħmlu tal-ADPD – dwar il-karattru tal-prim ministri tagħna u dwar il-kompetenza tagħhom li jieħdu deċiżjoni bħal din.

Tal-ADPD qalu li ġaladarba Robert Abela kien l-avukat tal-aħwa tal-Maksar, m’għandux jiddeċiedi hu dwar jekk għandhiex tingħata proklama lil persuna li l-istat ikun iridha tkun ix-xhud tiegħu bil-għan aħħari li jixħethom il-ħabs. Dan l-argument huwa wieħed minn ewl id-dinja, ħlief – mid-dehra – għall-prim ministru.

Is-sitwazzjoni hi agħar minn hekk. Fl-imgħoddi Robert Abela kien l-avukat tal-aħwa tal-Maksar. X’aktarx fil-ġejjieni jkun irid jerġa’ jkun l-avukat tagħhom. Wara kollox mhux ser jibqa’ prim ministru għal xi kwart ta’ seklu. Meta jispiċċa minn prim ministru, ser ikun jeħtieġ li jerġa’ lura għax-xogħol.

Fid-ditta legali tiegħu hemm hu, hemm missieru li jingħad li għandu uffiċċju f’Kastilja u qed jaġixxi bħala konsulent ta’ ibnu, u hemm martu li fil-beraħ qed tappoġġja lill-gvern ta’ żewġha.

Qegħdin ilkoll iħawdu f’borma waħda u ebda wieħed minnhom ma jkun irid jiksirha mal-klijenti. Robert Abela għandu kunflitt ta’ interess mhux minħabba r-relazzjoni li kellu fl-imgħoddi mad-dinja tal-kriminalità. Għandu kunflitt ta’ interess minħabba r-relazzjoni li jittama li jkollu mad-dinja tal-kriminalità wara li jispiċċa minn prim ministru. Din it-tama għalissa m’hix fid-deher, iżda r-relazzjoni hi waħda reali.

L-isfida li għamlu tal-ADPD lil Robert Abela fis-sens li, bħala avukat ta’ persuni li jimirħu fid-dinja tal-kriminalità, ma jmissux jiddeċiedi hu dwar jekk il-Koħħu għandux jingħata l-proklama jew le, hi waħda limitata.

Il-kwistjoni fil-fatt hi li avukat li deher għal persuni li jimirħu f’dinja bħal din, m’għandux ikun prim ministru.