Wara li seħħew numru ta’ rivoluzzjonijiet, qtugħ ta’ rjus, intervalli u restawri repubblikani, dik il-“prerogattiva” bdiet tiġi eżerċitata b’mod simboliku mill-prim ministru, bħala l-mexxej tal-maġġoranza eletta, għan-nom tar-re.
Madankollu huwa minn ewl id-dinja li prim ministru jagħmel użu minn din is-setgħa sabiex lill-partit tiegħu jipprova jagħtih vantaġġ fit-tellieqa elettorali li jkun imiss.
Fl-1987 Karmenu Mifsud Bonnici kien għażel il-jum tal-elezzjoni ġenerali fl-aħħar data possibbli wara li kienet intemmet il-ħajja tal-Parlament li kien ġie elett fl-1981. Dan għamlu għaliex il-PN kien qed igħaddi sewwa lill-partit tiegħu f’dawk li huma voti u ried jirbaħ iż-żmien biex jipprova jegħleb dan l-iżvantaġġ permezz ta’ tqassim ta’ mpjiegi mal-gvern u ta’ atti oħra ta’ korruzzjoni sfaċċata.
Biex inkun ġust, jeħtieġ insemmi li kemm Eddie Fenech Adami kif ukoll Lawrence Gonzi kienu sejjħu elezzjonijiet f’dati li kien dehrilhom li kien jaqbel għall-partit tagħhom. Kienu ġabuha żewġ fl-1992, fl-2003 u fl-2008. Iżda fl-1996 u fl-2013 kienu għarralhom. L-elezzjoni tal-1998 kienet waħda bikrija għar-raġuni li Alfred Sant kien tilef il-kontroll tal-maġġoranza żgħira li kellu.
Il-kitba tiegħi ser tittratta dwar l-elezzjoni ġenerali tal-2017 u dwar dik li jmiss li mistennija tissejjaħ kmieni fl-2021.
Agħtu daqqa t’għajn lejn ix-xhieda li tat illum fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia s-Supretendent Alexandra Mamo li hi l-kap tal-economic crimes unit. Din xehdet li l-investigazzjonijiet li nibtu mill-inkjesta li għadha kemm intemmet dwar it-tixħim li allegatament gawda minnu Keith Schembri mill-bejgħ tal-passaporti waslu biex jilħqu l-qofol tagħhom u li, mid-dehra, l-inkjesta dwar il-ħasil ta’ flus li allegatament sar minn Keith Schembri bil-għajnuna ta’ Adrian Hillman issa waslet biex tintemm ukoll.
Dawn iż-żewġ inkjesti maġisterjali nbdew fl-2017 wara li kienu saru talbiet mill-kap tal-oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Simon Busuttil.
Li kien għalih, Simon Busuttil xtaq li kieku l-proċess ġudizzjarju mexa’ id-f’id mal-kalendarju politiku. Iżda l-pass tal-investigazzjonijiet tal-pulizija ma qabilx maċ-ċiklu elettorali, liema pass xejn ma kien wieħed mgħaġġel – dejjem jekk wieħed igħid li fil-fatt kienu qed isiru l-investigazzjonijiet. U l-pass taċ-ċiklu elettorali kien ġie mgħaġġel minn Joseph Muscat meta dan għamel użu mill-“prerogattiva” sabiex jikseb magħmudija mingħand l-elettorat li kienet taħfirlu dnub li ħafna minnu kien għadu ma nkixifx.
Għalkemm l-elezzjoni ġenerali tal-2017 kienet issejjħet kmieni, sal-lum kienet tkun diġà seħħet. Jista’ jkun li kieku saret fi żmienha – jiġifieri sas-sajf tal-2018 – sa dakinhar setgħu nkixfu stejjer li kienu jagħmluha aktar diffiċli għal tal-Labour li jirbħu.
Ovvjament wieħed ikun qed jispekula jekk jgħid x’kien ikun ir-riżultat li kieku l-elezzjoni saret fi żmienha. Iżda ċertament kien ikun aktar diffiċli għall-qattiela tagħha li joqtlu lil Daphne. Il-qattiela dan il-fatt kienu jafuh: it-twettiq tad-delitt fil-fatt kien ġie pospost għal wara l-elezzjoni.
Dawk ix-xhur żejda kienu jagħtuha iż-żmien li kienet teħtieġ biex ixxandar dak kollu li kienet skopriet dwar il-kuntratt tal-Electrogas. Xhur li matulhom setgħet tifhem aħjar il-konsegwenzi tal-informazzjoni kollha li kellha fil-pussess tagħha. U forsi, l-elettorat Malta seta’ vvota mod ieħor li kieku l-ħadma tal-Electrogas inkixfet kollha kemm hi.
Lill-Imħallfin tal-bord tal-inkjesta Alexandra Mamo qaltilhom li ninsabu appik li jinkixfu skandli oħrajn. Biex inkun ġust, irrid ngħid li tant qed jinkixfu skandli li m’għandniex nieħduha tant bi kbira. Hemm l-istorja dwar Heathcliff Farrugia, bażużlu tal-Labour, li warrab minn regolatur tal-gaming ftit qabel ixxandret l-aħbar li l-Pulizija kienet bgħatet għalih dwar konversazzjonijiet li dan kellu ma’ Yorgen Fenech.
Dan kollu kien qed jistennieh. Fl-14 ta’ Awwissu huwa bidel in-numru taċ-ċellulari tiegħu. Jiġifieri fiż-żmien meta kienet bgħatet għalih il-Pulizija.
Lit-Times of Malta qalilha li eżattament ma kienx siefer lejn Las Vegas ma’ Yorgen Fenech. Fil-fatt, minn mistoqsija parlamentari li saret minn Jason Azzopardi, rriżulta li ma kienx Heathcliff Farrugia li kien ivvjaġġja lejn Las Vegas ma’ Yorgen Fenech. Il-persuna li siefret miegħu kienet uffiċjal ta’ awtorità li qiegħda hemm biex tissorvelja l-imġieba ta’ Yorgen Fenech fin-negozju tal-gaming. Prosit tassew!
Lill-membri tal-bord tal-inkjesta, Alexandra Mamo qaltilhom li l-informazzjoni li ttieħdet miċ-ċellulari ta’ Yorgen Fenech għandha tkun rilevanti għall-inkjesta. Iżda din l-informazzjoni l-membri tal-bord tal-inkjesta jkunu jistgħu jifluha biss meta l-Pulizija tlesti x-xogħol li qed twettaq b’rabta ma’ din l-informazzjoni. U x’aktarx li l-Pulizija mhux ser tlesti x-xogħol tagħha qabel il-15 ta’ Diċembru – id-data li fiha Robert Abela ddeċieda għandha ssir l-aħħar seduta tal-bord tal-inkjesta.
Jekk dak li ser jirriżulta mill-investigazzjonijiet li qed isiru mill-Pulizija ser ikunu ta’ natura “interessanti” għall-inkjesta li qed tgħarbel in-nuqqasijiet tal-istat u l-imġieba tal-gvern, Robert Abela u l-Partit Laburista ċertament mhux ser jieħdu pjaċir bil-kxif ta’ din l-informazzjoni.
Aħsbu ftit:
1. jiġi mixli Keith Schembri, dak li kien kunsidrat bħala eroj mill-Partit Laburista u l-aktar persuna li kellha saħħa politika fil-gvern Laburista;
2. provi mressqa fil-qorti li juru li dak li kienet kitbet dwaru Daphne Caruana Galizia kien korrett;
3. jittieħdu proċeduri kriminali li juru li Simon Busuttil kellu raġun mill-bidu nett u li l-provi li ressaq mhux talli ma kienux box files vojta iżda wasslu biex saru t-taħrikiet;
4. jinħarġu provi dwar kollużjoni bejn il-kriminalità organizzata u l-klikka ta’ Joseph Muscat, l-istess klikka li laħħqet lil Robert Abela u li għadha ssostnieh sal-lum.
Il-verità hi li l-box files u l-informazzjoni li kienet diġà nkixfet fil-pubbliku kellhom ikunu biżżejjed biex tal-Labour jitilfu l-elezzjoni tal-2017. Kienet il-prerogattiva tal-prim ministru li għenet biex il-partit tiegħu żamm is-setgħa f’idejh. Iżda l-iskandli kienu għadhom mhux “misjurin” u, għalkemm ċertament kienu ta’ natura kontroversjali, l-elettorat kien għadu mhux konvint li l-gvern kien naqas.
F’dan il-kuntest tista’ ssir tixbiħa ma’ xenarju li fih Richard Nixon isejjaħ elezzjoni fi żmien meta l-elettorat kien għadu ma fehemx is-sinjifikat ta’ Watergate.
M’hemmx dubju li Robert Abela ser jipprova jerġa’ jittanta xortih. U din hi r-raġuni il-għala ser isejjaħ elezzjoni bikrija: għax qed jikkalkula li dan ser ikun ta’ vantaġġ għall-partit tiegħu.
Iżda mod li wieħed jipprova jisfrutta s-setgħa politika għall-benefiċċju partiġġjan. U mod ieħor li wieħed jipprova jevita l-konsegwenzi politiċi ta’ proċess ġudizzjarju permezz tat-tħaddim tal-prerogattiva biex b’hekk lill-elettorat iċaħħadlu d-dritt li jsir jaf biżżejjed informazzjoni biex ma jerġax jafda s-setgħa f’idejn ċorma ħallelin u kriminali.
Il-prerogattiva tal-prim ministru li jsejjaħ elezzjoni meta jkun jidhirlu għandha titneħħa. Huma bosta l-pajjiżi li jħaddmu d-demokrazija li din il-prerogattiva ħassruha mil-liġijiet tagħhom.
Mill-1987 ‘l hawn, tal-Labour dejjem stiednu l-inkwiet b’idejhom stess. U kull darba l-biża’ li għandhom mill-kxif tal-verità ġġiegħelhom jeżerċitaw il-prerogattiva.
Kull darba dawn jittamaw li l-verità ddum biex tinkixef mill-pulizija u mill-maġistrati inkwirenti u dan minħabba l-fatt s-sistema tal-ġustizzja tagħhna timxi b’pass ta’ nemla.
S’issa kollox ġiehom żewġ.