Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com qed isejjħu protesta nazzjonali quddiem il-Berġa ta’ Kastilja llejla fis-7pm.
It-rapport tal-Inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jikkonferma li:
- L-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
- Kien hemm kultura ta’ impunità mifruxa li gawdew minnha uffiċjali għoljin tal-amministrazzjoni pubblika, persuni ta’ fiduċja u ċirku ristrett ta’ politiċi, negozjanti u kriminali.
- Kien hemm persuni b’rabtiet ma’ entitajiet tal-Istat li ġabu ruħħom b’mod li bih kasbru u ppruvaw ixejjnu d-dritt ta’ Daphne Caruana Galizia li teżerċita l-professjoni tagħha.
- Huwa kundannabbli l-fatt li istituzzjoni bħalma hu l-korp tal-Pulizija naqas li jinvestiga allegazzjonijiet serji.
- Il-pjan biex Daphne Caruana Galizia tiġi iżolata kien ġie mfassal mill-uffiċċju tal-Prim Ministru.
- Fl-aħħar mill-aħħar l-Istat kien responsabbli għall-ħolqien ta’ ambjent li kien ta palata biex iseħħ il-qtil.
- Il-membri tal-Kabinett għandhom responsabbiltà kollettiva talli naqsu li jaġixxu wara li nkixfu l-iskandli Panama Papers u 17 Black.
- Id-deċiżjonijiet li kien ħa Joseph Muscat saħħew il-kultura ta’ impunità li gawdew minnha persuni mdaħħlin fil-konġura li kien hemm bejn uffiċjali pubbliċi u negozjanti kbar li dwarhom kitbet Daphne Caruana Galizia.
Għaldaqstant il-gvern, il-ministri, uffiċjali u persuni ta’ fiduċja li dwarhom jitkellem ir-rapport għandhom minnufih jerfgħu r-responsabbiltà li l-Inkjesta qiegħdet fuq spallejhom.
- L-Istat għandu jagħmel apoloġija formali u għandu joffri l-kumpens lill-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia għat-telf li huma ġarrbu minħabba r-responsabbiltà tal-Istat.
- Ministri tal-Kabinett għandhom iwarrbu minnufih u flokhom jidħlu dawk li fuq spallithom l-Inkjesta ma qiegħdet ebda responsabbiltà .
- Il-Partit Laburista għandu jassigura li ma jippreżentax bħala kandidat f’kull elezzjoni futura ebda Ministru, uffiċjal pubbliku jew persuna ta’ fiduċja li fuq spallithom tqiegħdet ir-responsabbiltà.
- Il-Partit Laburista għandu minnufih jieħu passi biex ikeċċi lil Joseph Muscat mill-partit.
- L-istituzzjonijiet għandhom jaraw li minnufih jittieħdu passi bil-qorti kontra dawk li ġew identifikati mill-Inkjesta, passi li messhom ittieħdu żmien twil ilu.
- Għandu jinħoloq Kumitat inter-istituzzjonali li għandu jinkludi lis-soċjetà ċivili sabiex ir-rapport jiġi diskuss fid-dettall u sabiex jara li r-riformi proposti mill-Inkjesta jiġu implimentati.
- Possibiliment dawn ir-riformi għandhom isiru qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss u li l-elezzjoni ġenerali għandha ssir meta jkun reġistrat progress biżżejjed fil-perijodu ta’ din il-leġislatura.
Niltaqgħu l-lejla fil-Belt Valletta biex ninsistu dwar il-talbiet li qed nagħmlu.