F’daqqa waħda lill-ministri mhux qed narawhom b’nemes. Dawn tgħidx kemm għaġġlu biex iħabbru li l-ħsarat li kkawżaw il-qtugħ tad-dawl issa ssewwew. Meta fil-fatt ma kienu ssewwew xejn għaliex id-dawl xorta waħda baqa’ jinqata’.

Sadattant mill-isptar Monte Carmeli smajna stejjer tal-waħx dwar pazjenti mħollijin fis-sħana u fid-dlam għal sigħat sħaħ. Smajna wkoll bil-generators tal-Isptar Mater Dei li ma ħadmux hekk kif inqata’ d-dawl. It-tmexxija tal-Isptar stqarret li ma kien seħħ xejn gravi iżda nafu li t-tobba kellhom personalment jaraw kif jiffriskaw lill-pazjenti sakemm ġie lura d-dawl.

Minn naħa tagħhom, tal-Enemalta qalu li ma kienux jaħtu għall-qtugħ tad-dawl fl-Isptar. Bħal donnu riedu jwasslu l-messaġġ li sid il-generators tal-emerġenza tal-Isptar huwa l-Isptar stess u li l-fatt li dawn ma ħadmux, mhux tort tal-Enemalta. Iżda l-fatt jibqa’ li l-Isptar ma kienx ikollu l-ħtieġa li jdur għall-generators ta’ emerġenza li kieku ma nqatax id-dawl li tforni l-Enemalta.

Ħadd m’hu jemmen l-iskużi li qed iġib il-gvern għall-qtugħ fil-provvista tad-dawl. In-nies qed tistaqsi għala l-cables f’pajjiżi ġirien fejn ukoll qed tagħmel ħafna sħana m’humiex jinħallu. Il-gvern igħid li mhux veru li l-kaġun tal-ħsarat hi ż-żjieda fid-domanda u l-gvern qed ikollu igħid dan għaliex hu waħdu jaħti għaż-żieda eżaġerata fil-popolazzjoni tal-pajjiż. Żjieda li ċertament effettwat id-domanda.

Iżda mbagħad fl-istess nifs il-gvern igħid li l-provvista tad-dawl qed tbati sforz is-sħana li qed tagħmel li wkoll qed iżżid id-domanda. Lanqas jindunaw li qed jikkontradixxu lilhom infushom.

Il-qtugħ fil-provvista tad-dawl m’huwiex inkonvenjent biss. In-negozji qed jiġu effettwati ħażin bl-inċertezza li qed tinħoloq. U t-turisti qed jirrabjaw u jitilfu l-paċenzja. U wħud minnhom qed jirritornaw lejn pajjiżhom qabel il-waqt. Hemm min kellu jarmi b’kemm jiswew mijiet u eluf ta’ ewro f’ikel u qed isiru spejjeż żejda biex jitħaddmu generators li jaħdmu bid-diesel.

Ħadd ma jaf meta ser jinstab tarf għal din il-problema. Wara li l-gvern ħabbar li l-ħsarat kollha kienu ssewwew, l-qtugħ fil-provvista kompla u kien hawn sens ta’ disprament ġenerali. Jekk kien veru li l-ħsarat kienu ssewwew, id-dawl għaliex xorta waħda baqa’ jinqata’? U l-ħsarat għaliex baqgħu jiżviluppaw? Tgħid il-gvern irid iwasslilna l-messaġġ li meta tagħmel ħafna sħana ser ikollna nitqannew bil-qtugħ fil-provvista tad-dawl?

In-nies tan-negozju qed ibatu sforz l-ispejjeż żejda li qed ikollhom jagħmlu. Iżda dawk li l-aktar qed ibatu minħabba s-sħana huma l-anzjani, speċjalment dawk li ma jistgħux joħorġu mid-djar tagħhom.

Ir-riżultat ta’ dan kollu: l-kwalità tal-ħajja f’Malta ħadet daqqa oħra ‘l isfel. M’għadx għandna moħħna mistrieħ dwar il-provvista tad-dawl. U issa anki l-provvista tal-ilma qed tiġi effettwata ħażin appuntu għaliex biex jittella’ l-ilma, l-provvista tad-dawl hi meħtieġa. Għaldaqstant m’għadx għandna moħħna mistrieħ li nistgħu ngħixu ħajja diċenti.

Il-falliment tal-gvern ma jitkejjilx bin-numru ta’ siegħat li kull dar, negozju jew sptar ikollu jipprova jkampa nieqes mid-dawl u mill-ilma. Dan il-falliment jitkejjel mill-fatt li l-poplu ma jistax jibqa’ jserraħ rasu dwar il-provvista mingħajr qtugħ tad-dawl u tal-ilma.

Xi apoloġisti tal-gvern qed igħidulna li l-gvern m’għandux jeħel għas-sħana tremenda li qed tagħmel. M’hemmx dubju li Robert Abela ma jaħtix għas-sħana kbira li qed ikollna.

It-tibdil fil-klima m’huwiex tort tal-gvern. Iżda nistaqsi: f’dawn l-aħħar 10 snin, x’kwalità ta’ power cables qiegħdu kull darba li kienu jaqilgħu t-toroq? Ma nafx bi triq li ma qalgħuhiex tul dawn l-aħħar 10 snin. Ma kienx messhom ħasbu biex tejbu l-kwalità tas-sistema tad-dawl ġaladarba riedu jżidu r-ritmu tal-bini f’Malta?

Il-gvern qiegħed hemm biex jiggverna, biex jippjana fit-tul u biex jieħu deċiżjonijiet bil-għaqal għall-ġid tal-pajjiż.

Għaddew aktar minn 10 snin minn meta tal-Labour ħadu r-riedni tal-gvern f’idejhom u mill-1987 ‘l hawn qatt m’għaddejna minn diżastru bħal dan.