Meta jkun fil-bżonn, m’għandux ikun hemm ebda mistħija għal dak li jagħżel li jitkarrab. Imissu jistħi dak li jkollna nitkarrbu miegħu biex ma jħalliniex f’sitwazzjoni li fiha jkollna noqgħodu nitkarrbu.
Il-bieraħ omm Jean Paul Sofia għamlet ġurnata sħiħa barra l-bini tal-Parlament tiġbor il-firem sabiex tipperswadi lill-prim ministru jaħtar inkjesta pubblika biex insiru nafu jekk l-istat għandux jitgħabba bir-responsabbiltà – anki parzjali – għall-mewt ta’ binha.
L-investigazzjonijiet ma jinbdewx awtomatikament. Wara kollox, ir-riżorsi jistgħu jkunu skarsi. Iżda dawn l-investigazzjonijiet ikun jeħtieġ li jinbdew meta jkun hemm suspett raġjonevoli li seta’ kien hemm xi ħaġa li ma tkunx ħadmet kif kellha taħdem u li għalhekk jeħtieġ li tkun investigata.
Ma nistgħux ma nammirawx it-tenaċità u d-determinazzjoni ta’ Isabelle Sofia Bonnici. Xi xhur ilu kont tħassartha għaliex ħassejt ġo fija l-biża’ li taħkem lil kull ġenitur li jara lil ġenituri oħrajn jidfnu lil uliedhom mejtin. Issa qiegħed nammiraha u fl-istess waqt qed inħoss ċerta ansjetà jien u nistaqsi lili nnifsi x’kont nagħmel li kieku kont fiż-żarbun tagħha. Kont nagħżel li nkompli niġġieled jew li nċedi l-armi? Kont nissielet kontra l-mibgħeda u kontra l-indifferenza patoloġika ta’ dawk li m’għandhomx il-ħila li jimmaġinaw minn xiex tinsab għaddejja din il-mara jew kont noqgħod nolfoq u nhewden bejn l-erba’ ħitan ta’ dari?
Jeħtieġ nifhmu li Isabelle Sofia Bonnici m’hix tmexxi battalja personali. Binha m’hix ser terġa’ ġġibu lura. Iżda qed tissielet sabiex fil-ġejjieni ħaddieħor ma jispiċċax orfni, armel jew ġenitur imnikket. Dan tagħha m’hu xejn ħlief altruwiżmu. Fit-triqat tal-belt Valletta qed tittallab f’isimna u f’isem kulħadd aktar milli tittallab għaliha nnifisha. Hi li diġà tilfet l-għażiż tagħha u m’għandix aktar qraba x’tiddefendi mill-kefrija tal-kostruzzjoni abbużiva u tal-burokrazija kompliċi.
Fi ħdan il-grupp parlamentari Laburista hemm uħud mid-deputati – u saħansitra anki ministri – li, minn wara dahar Robert Abela, qed jistaqsu x’qalb xierfa jrid ikollok biex lil Isabelle Sofia Bonnici tħalliha tittallab fit-toroq u dan minflok taqbad u tordna inkjesta pubbika dwar il-mewt ta’ binha u dan sabiex ikollha xi forma ta’ tweġiba għal sensiela ta’ mistoqsijiet raġjonevoli.
Ħadd m’għandu jiskanta bl-attitudni li ħa Robert Abela. Dan huwa l-istess bniedem li, bħala avukat ta’ Joseph Muscat kien xela’ lil ulied Daphne Caruana Galizia li lil Malta jobgħoduha aktar milli jħobbu lil ommhom u li dan kien li mmotivahom li jitolbu li ssir inkjesta pubblika.
U meta l-Imħallfin tal-inkjesta sabu li l-istat kien responsabbli għall-qtil ta’ ommhom, privatament Robert Abela lill-familja ta’ Daphne għamlilha “apoloġija” u mbagħad għadda biex jinsulta lilhom u lill-pajjiż kollu hekk kif għażel li jinjora kull rakkomandazzjoni li għamlu fir-rapport tagħhom.
Robert Abela la jemmen fir-responsabbiltà tal-istat u lanqas ma jemmen li l-istat għandu jinżamm kontabbli. Filwaqt li Isabelle Sofia Bonnici qed tittallab miegħu biex jaħtar inkjesta pubblika, mingħajr sens ta’ mistħija hu qed idawwar wiċċu biex ma jarahiex.