Fil-każ ta’ Jean Paul Sofia, l-imġieba ta’ Robert Abela mhux biss kienet tixbaħ dik tal-vavi. Kienet ukoll imġieba korrotta. Il-bieraħ fil-Parlament seħħ dibattitu li matulu ntalbet it-tnedija ta’ inkjesta bil-għan li nsiru nafu jekk kienx hemm nuqqasijiet minn naħa tal-gvern  u dwar jekk il-mewt qasir il-għomor ta’ Sofia setgħetx ġiet evitata. Inkjesta indipendenti għandha awtorità morali u l-eżitu tal-investigazzjonijiet tagħha jixxandar f’rapport li jelenka l-fatti kollha u li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li jkunu meħtieġa.

Inkjesta pubblika tista’ tgħabbi responsabbiltà fuq l-istat u din ir-responsabbiltà tista’ tieħu s-sura ta’ kompliċità intenzjonata f’delitt jew ta’ nuqqasijiet f’dak li huwa d-dmir li tiġi garantita s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Jekk tirriżulta l-kompliċità intenzjonata, l-kwistjoni tieħu xejra kriminali. Ejjew, għall-mument, nassumu li f’dan il-każ ma kienx hemm kompliċità intenzjonata u li nkjesta mhux ser tasal biex twaħħal f’xi ministru għall-mewt ta’ Sofia.

F’ċirkostanzi bħal dawn, min imexxi l-inkjesta ikun qed jinvestiga kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-kamp kriminali. Jekk jirriżulta li kien hemm it-traskuraġni u n-negliġenza (bħal fil-każ ta’ nuqqasijiet f’dak li huwa infurzar ta’ liġijiet jew nuqqasijiet f’dak li huwa tiġdid tal-liġijiet biex dawn ikunu konformi ma’ livelli aċċettati) forsi nistgħu nistennew xi riżenja ministerjali u l-ħatra ta’ ministru ġdid li jkun determinat u impenjat li jirranġa s-sitwazzjoni u dan sabiex traġedji bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.

Inkjesta jista’ ma jirriżultalhiex li seħħet it-traskuraġni u n-negliġenza u sempliċement tista’  ssemmi t-tagħlimiet li jkunu ttieħdu minn każ li jkunu jistgħu jservu ta’ tagħlima għal każijiet li għad jistgħu jseħħu fil-ġejjieni u dan bil-għan li jiġu evitati l-imwiet.

B’mod ġenerali dawn huma r-raġunijiet wara t-tnedija ta’ inkjesti pubbliċi li jsiru wara li jkunu seħħew inċidenti serji fejn ikun hemm suspett ta’ nuqqasijiet minn naħa tal-istat li setgħu wasslu biex intilfu l-ħajjiet tan-nies.

Dan l-aħħar segwejt film tajjeb li rrakkonta l-istorja traġika li seħħet fl-22 ta’ Lulju 2011 fin-Norveġja. Dakinhar terrorista armat sa snienu qatel tmienja minn nies permezz ta’ karrozza- bomba f’Oslo u, aktar tard, fl-istess ġurnata, spara fuq 69 ruħ li kienu qed jattendu laqgħa politika għaż-żgħażagħ.

Il-prim ministru Norveġiż ma qgħadx jaħsibha u mill-ewwel ordna li ssir inkjesta u dan indipendentement mill-investigazzjoni kriminali mill-pulizija li kienet wasslet biex dan it-terrorista jittella’ l-qorti mixli bil-qtil ta’ tant persuni. L-inkjesta kien irriżultalha li l-istat kien ħati ta’ xi nuqqasijiet: nuqqasijiet minn naħa tal-gvern u minn naħa tas-servizzi sigrieti li, kieku mxew mod ieħor, setgħu evitaw din l-akbar traġedja f’dawn l-aħħar żminijiet.

Ġara’ li, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta, l-prim ministru Jens Stoltenberg ma warrabx. Fil-film (22 July, issibuh fin-Netflix) jidhru l-familji tal-vittmi huma u jsostnu li l-prim ministru ma kellux għalfejn iwarrab u li huma ma kienux qed iwaħħlu fih għat-traġedja li kienet seħħet u li anzi jixtiequh li jkompli jmexxi l-pajjiż.

Jista’ jagħti l-każ li dan kollu huwa ftit jew wisq romantiċizzat. Ma nixtieqx li noqgħod insemmi eżempji storiċi minn dak li rajt b’għajnejja minn filmat ta’ storja li fiha ddaħħlu xeni li fil-fatt qatt ma seħħew. M’għandix biżżejjed informazzjoni biex inkun nista’ nwarrab ix-xrar tar-romantiċiżmu.

Iżda minkejja l-fatt li ċerti stejjer li xxandru fil-filmat kienu biss finta, nista’ ngħid li dawn kienu ta’ ispirazzjoni għalija meta ġejt biex nipparagunahom mal-imġieba ta’ Robert Abela. Mexxej ikun jistħoqqlu r-rispett meta t-tmexxija tiegħu tkun waħda kontabbli u meta juri li huwa lest li jirrikonoxxi l-fatti billi jaqbad il-barri minn qrunu, jkunu xi jkunu l-konsegwenzi.

L-emenda li tressqet il-bieraħ mill-gvern għall-mozzjoni tal-PN li titlob għat-tnedija ta’ nkjesta indipendenti ma kienet xejn ħlief vavata u att ta’ tfarfir tar-responsabbiltà. Inkjesta pubblika ssir biex il-gvern jinżamm kontabbli u hi ħaġa li l-gvern għandu s-setgħa li jniedi mingħajr telf ta’ żmien. Iżda minflok, Robert Abela qatagħha li jipproponi riżoluzzjoni parlamentari ndirizzata lil maġistrat inkwirenti li permezz tagħha jħeġġiġha biex tħaffef ix-xogħol tagħha.

Fuq il-karta, f’Malta għandna s-separazzjoni tal-poteri. Għalkemm riżoluzzjoni parlamentari li titlob lil maġistrat taqta’ fil-qasir u tħaffef fl-investigazzjoni tagħha tista’ tkun jew m’hix azzjoni strettament illegali jew li tmur kontra l-kostituzzjoni, wieħed jista’ jgħid li hi azzjoni li tmur lil hinn mill-prudenza li hi mistennija mill-fergħat l-oħra tal-gvern fejn għandha x’taqsam il-ġudikatura. Ħlief permezz tal-mogħdija tal-liġijiet, la l-Parlament u lanqas il-gvern m’għandhom jiddettaw lill-membri tal-ġudikatura x’għandhom jagħmlu u f’liema żmien għandhom jagħmluh. Imġieba bħal din tammonta għal nuqqas ta’ rispett lejn l-indipendenza tal-ġudikatura li f’demokrazija ma nistgħux ngħaddu mingħajrha.

Żmien jista’ jiġi preskritt fuq proċess ġudizzjarju biss permezz tal-liġi biss u mhux bis-saħħa ta’ xi dikjarazzjoni politika mgħoddija mill-Parlament bil-għan li tiġi mwittija t-triq biex Robert Abela jkun jista’ jfarfar ir-responsabbiltà li ġġib magħha l-kontabilità. Huwa minnu li nkjesta maġisterjali tibqa’ proċess ġudizzjarju sakemm din tkun immexxija minn maġistrat u hi waħda ta’ natura nvestigattiva. U nkjesta titmexxa minn maġistrat biex tkun barra mill-kontroll tal-gvern. Robert Abela jidher li dan il-fatt m’huwiex lest li jirrispettah.

Jekk Robert Abela mhuwiex kuntent li, fil-każ ta’ Sofia, l-Pulizija naqset li tħarrek lin-nies fil-qorti, għaliex qed jilmenta mal-maġistrat? Xejn ma jżomm lill-Pulizija milli titlob lill-maġistrat biex tgħaddilha d-dokumenti li għandha dwar il-każ u li titlob lill-Avukat Ġenerali tapprova l-bidu tal-prosekuzzjonijiet. Ir-riżoluzzjoni ta’ Robert Abela l-għala ma ssemmi xejn dwar dan?

Din ma tistax tkun vavata biss. Ma jistax ikun li inkesta pubblika m’hix ser titnieda għax Robert Abela stqarr li ma jridhiex u għaliex, ta’ vavu li hu, m’għandux il-kuraġġ li jerġa’ lura minn kelmtu.

Hi ħafna agħar minn vavata. Ma tistax tkun mod ieħor. L-oppożizzjoni (li, għandu jingħad, wriet il-ħila li fil-każ ta’ Jean Paul Sofia żżomm il-bilanċ meħtieġ bejn it-tattika, r-rispett lejn il-familja tal-vittma u r-rabja fil-konfront tal-kefrija tal-gvern) għandha raġun tissuspetta li Robert Abela qed igħatti xtur xi ħadd jew ta’ xi wħud.

Qed jingħad li wħud mid-deputati Laburisti m’humiex kuntenti bl-insistenza ta’ Robert Abela li dawn għandhom jivvutaw kontra l-mozzjoni għaliex din m’hi xejn ħlief aċċettazzjoni tat-talba tal-omm biex jiġu stabiliti l-fatti. Dawn id-deputati – li x’aktarx li lkoll iċedu għat-theddid ta’ Robert Abela – għallinqas qed jistaqsu lilhom infushom għaliex għandhom jintużaw biex jitgħattew ix-xtur ta’ xi wħud, huma min huma, li setgħu kienu huma li b’imġiebithom ikkaġunaw il-mewt ta’ żagħżugħ.

Ma nistgħux ma nagħmlux paragun bejn il-każ ta’ Sofia u dak ta’ Daphne Caruana Galizia. Għal sentejn sħaħ, il-gvern ta’ Joseph Muscat baqa’ jirreżisti t-talbiet li kienu saru sabiex titnieda inkjesta pubblika u dan bl-iskuża li kien hemm għaddejja inkjesta maġisterjali u li din kienet biżżejjed. Illum nafu li ma kienitx.

Minn aspett wieħed, iż-żewġ każijiet ma jixtiebħux. Id-deputati Laburisti kollha – saħansitra anki dawk li issa rtiraw u li qed jilgħabuha tal-verġni – kellhom għalxiex ikun beżgħana dwar il-verità li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Kienu jafu x-xogħol tagħha f’hiex kien jikkonsisti u kienu ssuspettaw li nqatlet minħabba x-xogħol li kienet qegħda twettaq. U kienu beżgħana li t-tnedija ta’ investigazzjoni dwar ir-rabta bejn ix-xogħolha u l-qtil tagħha seta’ jfisser it-tmiem tal-karriera politika tagħhom.

Din id-darba, hemm uħud mid-deputati Laburisti li m’humiex lesti li jbaxxu rashom għal kollox għal dak li jrid Robert Abela. Iżda Robert Abela għandu informazzjoni li huma ma jafux biha u li m’għandux il-ħila li jwassalhielhom: il-korruzzjoni toqtol. Kienet il-korruzzjoni li assassinat lil Daphne Caruana Galizia. U l-korruzzjoni x’aktarx qatlet ukoll lil Jean Paul Sofia. U din l-inkjesta, li hi ħielsa mill-preġudizzji għomja li bosta kellhom kontra Daphne Caruana Galizia saħansitra anki wara li din inqatlet, tista’ tkun ta’ xkiel għall-korrotti bl-istess mod kif qatt ma setgħet kienet ta’ xkiel l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne.

Robert Abela ma jridx li jgħaddi minn dan ir-riskju. Jaf li dan huwa riskju tabilħaqq reali.