Għadni kemm attendejt għall-velja li saret fil-pjazza ta’ quddiem Kastilja li ssejħet favur it-tnedija ta’ inkjesta pubblika dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-qtil ta’ Jean Paul Sofia. Kull min attenda kien jaf bil-quddiem li l-għan uffiċjali tal-velja kien diġà ntlaħaq. Sa minn dalgħodu kien jidher li Robert Abela kien ser ikollu jċedi l-armi u jagħti widen għall-karba tan-nies. U tabilħaqq, fis-18:30, eżatt 90 minuta qabel bdiet il-protesta barra l-uffiċċju tiegħu, huwa ħabbar li kienet ser titnieda inkjesta pubblika.
Ftit wara li tlaqt mill-velja, tfaċċa Robert Abela u mexa’ biswit ix-xemgħat mixgħulin li dawk li attendew ħallew quddiem ritratt ta’ Jean Paul Sofia. Mid-dehra, Robert Abela stenna li kien ser ikun hemm min iċapċplu. Jista’ jagħti l-każ ukoll li ħaseb li n-nies ser tammirah għal dak li mingħalih jammonta għal kuraġġ. Il-verità hi li ħareġ ħarġa ta’ buffu li jinsab imdawwar b’ċorma ta’ esperti fil-buffunati.
Li kieku sejjaħ inkjesta pubblika meta saritlu t-talba biex isejjaħha, li kieku aċċetta l-mozzjoni li ressqet l-oppożizzjoni l-ġimgħa li għaddiet, li kieku qagħad fuq il-pariri li tawh id-deputati tiegħu, li kieku ta widen minflok paċpaċ hu biss, ma kienx ikun hemm għalfejn li tissejjaħ il-protesta tal-lum u bħalissa ninsabu appik li nsiru nafu fejn kienu n-nuqqasijiet tal-gvern tiegħu fit-tħaris ta’ ħajjet Jean Paul Sofia u ta’ ħajjet tant vittmi oħrajn tal-industrija tal-kostruzzjoni.
Robert Abela ġie bbuwjat u mgħajjar “pulċinell” mill-folla preżenti fil-pjazza. U wieħed ma jistax igħid jekk, ta’ vavu li hu, fil-fatt stenniex u xtaqx li jkollu reazzjoni ostili bħal din biex imbagħad ikun jista’ jilgħabha tal-vittma waqt velja għal żagħżugħ ta’ 20 sena li spiċċa mirdum taħt binja mibnija fuq art pubblika, jew inkella ma stenniex dik ir-razzjoni ostili u fil-fantasiji ta’ moħħu kien mingħalih li n-nies kienet ser toqgħod iċċapċaplu u tixgħal ix-xemgħat f’ġieħu.
Huwa minnu li m’hemm xejn ta’ barra minn hawn li jkollok persuna – saħansitra anki prim ministru – li, hu u jintebaħ li tilef argument, jerġa’ jibdielu. Iżda wieħed qabel xejn għandu jifhem iċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ.
Għal xhur sħaħ, Robert Abela baqa’ jinjora t-talba ta’ omm Jean Paul Sofia, Isabelle Bonnici, biex titnieda inkjesta pubblika. U dakinhar li l-oppożizzjoni mponiet dibattitu parlamentari, ġiegħel lid-deputati tiegħu – anki dawk li privatament kienu qed iwissuh li kien ser jagħmel żball kbir – jivvutaw kontra l-mozzjoni. U waqt li missier Jean Paul Sofia beda’ jgħajjat u jirrabja mill-iStranger’s Gallery u waqt li l-omm imnikkta ta’ Jean Paul bkiet karba ta’ agunija quddiem il-bieb tal-Parlament, Robert Abela għadda dritt minn quddiemhom bla kliem u bla sliem.
L-istazzjon televiżiv tal-partit tiegħu dlonk xagħal bil-messaġġ propagandistiku li t-tnedija ta’ nkjesta pubblika jkun żball. U dan il-messaġġ tħallat ukoll mal-kefrija ta’ messaġġi oħrajn fis-sens li l-qraba tal-vittma kienu qed jitmexxew minn imneħirhom mill-PN u li kien moħħhom biss fil-flus.
Iżda llum it-tapit inġibed minn taħt saqajn il-prim ministru. Xi rjus fil-Partit Laburista heddewh li kienu ser jisfidawh. Wara li l-bieraħ xandret twissija fuq il-ġurnal tagħha li l-protesta tal-lum fil-Belt Valletta hi xogħol l-għedewwa tal-Partit Laburista, llum il-General Workers’ Union ħabbret li kienet ser tattendi għall-protesta li kienet favur it-tnedija ta’ inkjesta pubblika. Kien ċar li xi ribelli kienu qed jimmobilizzaw xi fergħat fil-makna tal-Partit Laburista kontra l-mexxej u kienu qed iħajruhom jippuntaw il-kanuni għal fuqu.
Joseph Muscat ħataf l-opportunità u appoġġja lir-ribelli biex b’hekk niffed sider is-suċċessur tiegħu b’stallett. Hu u jinżel għarkupptejh, Robert Abela għajjat l-għajta “et tu Joseph”. U l-kolp intern intemm. Ras Robert Abela ma nħasditx, iżda s-saħħa politika li kellu tista’ tgħid li spiċċat fix-xejn u nkixfet id-dgħjufija tiegħu.
F’Malta t-terrimoti fiċ-ċentri tal-poter qed iseħħu bejn erba’ ħitan.
Ħamest ijiem ilu biss, il-Parlament – fuq il-karta u skont il-Kostituzzjoni, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u l-entità li tirrappreżenta s-sovranità tal-poplu – ivvota kontra mozzjoni biex titnieda inkjesta pubblika. Minflok, il-Parlament għadda riżoluzzjoni li b’mod impliċitu ddeċieda li m’għandhiex titnieda nkjesta pubblika. Robert Abela vvota flimkien mal-maġġoranza parlamentari.
Illum, wara li għaddew biss ħamest ijiem, il-prim ministru Robert Abela mesaħ il-warrani tiegħu b’dik ir-riżoluzzjoni parlamentari u ddeċieda li jmur kontra dak li l-Parlament dderiġieh li għandu jagħmel. Jiġifieri ddeċida favur it-tnedija ta’ inkjesta pubblika. Issa jien wieħed minn dawk li dejjem sostnejt li għandu jkun hemm inkjesta pubblika. Iżda nemmen ukoll li, f’sistema ta’ demokrazija parlamentari, qabel il-gvern jiddeċidi li jinjora l-ordnijiet tal-Parlament, għandu jmur lura lejn il-Parlament u jitlob li dawn l-ordnijiet għandhom jitħassru.
It-titlu oriġinali ta’ din il-kitba kien ‘Parlament għaż-żobb’ għaliex x’jiswa’ li jkollna Parlament meta Robert Abela nhar l-Erbgħa jiddeċiedi mod u t-Tnejn ta’ wara jiddeċiedi li jinjora dak li kien ġie ordnat.
Araw kif il-prim minstru għadda riżoluzzjoni parlamentari li tkompli tagħfas fuq dak li stqarr f’żewġ ittri formali u f’diversi stqarrijiet pubbliċi aggressivi tiegħu bil-għan li jagħmel pressjoni fuq il-prim imħallef biex tfittex tintemm l-inkjesta kriminali dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Illum stqarr li ddeċieda favur it-tnedija ta’ inkjesta pubblika għaliex “il-gvern mhux ser jippermetti li jinżamm ostaġġ mill-qrati”.
Naraw ftit x’ried ifisser b’dan. L-ewwelnett, dan ifisser li l-inkjesta pubblika ser titnieda għal raġunijiet żbaljati, u dan biex tagħmel tajjeb għall-fatt li l-proċess ġudizzjarju m’huwiex jogħġbu. Loġika bħal din tkun tfisser li nkjesta pubblika titqies bħala proċess li jikkompeti u li jimmina l-proċess ġudizzjarju.
It-tieni, proċess ġudizzjarju u ż-żmien li dan jieħu biex jintemm kif qatt jista’ “jżomm lill-gvern b’ostaġġ”? Il-fergħa ġudizzjarja m’hix kontabbli lejn il-prim ministru. Din hi r-raġuni ewlenija wara l-indipendenza tal-ġudikatura. Jekk huwa tabilħaqq minnu li l-prim ministru qed igħattu xtur il-kriminali, jkun gwaj jekk nispiċċaw ikollna ġudikatura taħt pressjoni biex tfittex teħles proċess iġri u ġerri.
Sadattant qed nisma’ xnigħat li l-prim ministru sa wasal biex inqeda’ bl-avukat ġenerali Victoria Buttigieg biex iġiegħel lill-maġistrat titlob estensjoni għall-inkjesta, deċiżjoni li aktar tard ikun jista’ jsawwatha biha pubblikament. Il-maġistrat ma taħtix u xogħolha ma jinkludix dan il-manuvrar politiku kollu mal-prim ministru.
M’hemmx rabta bejn kull dewmien minn naħa tal-maġistrat mal-bidu tal-proċeduri fil-qrati. Ġaladarba l-pulizija hi tabilħaqq kontabbli lejn il-prim ministru, l-prim ministru għaliex ma talabhiex tgħidlu meta bi ħsiebha tmexxi bil-prosekuzzjonijiet?
Iżda ejja ma niddevjawx iżżejjed mill-punt li nixtieq nagħmel.
F’dan il-każ il-kap tal-eżekuttiv, Robert Abela, mmina żewġ fergħat oħra li kostituzzjonalment jeħtieġ li jkunu indipendenti minnu. Għadu kemm injora deċiżjoni tal-Parlament u għamel l-arja mal-ġudikatura. La l-iSpeaker tal-Parlament (pupazz f’idejn il-gvern) u lanqas il-Prim Imħallef (li qed jidher li qed jonqos li jħares il-fergħa ġudizzjarja mill-indħil tal-gvern) ma tniffsu.
Lil Joseph Muscat u lil Robert Abela, l-poplu vvotalhom bi ħġaru. U kull darba li ppruvaw jimminaw is-saltna tad-dritt, ir-risposta kienet tkun “erbgħin elf”. Jiġifieri li, skont il-filosofija tal-għaref Musumeci, Muscat u Abela għandhom l-appoġġ popolari u li għaldaqstant għandhom kull dritt li jarmu l-baħar kull mekkaniżmu Kostituzzjonali.
Din l-interpretazzjoni li l-poplu – għallinqas il-biċċa l-kbira tiegħu – jidher li għoġbitu.
U issa dawn huma l-konsegwenzi. Prim Ministru setgħan li għandu s-saħħa jġiegħel 40 deputat parlamentari jivvutaw favur riżoluzzjoni li manifestament tmur kontra l-kuxjenza tagħhom anki jekk iqisuha bħala żball li jimmina l-ordni demokratiku. L-iżbalji ma jistgħux jevitawhom għaliex kemm l-Invictus Joseph Muscat u Robert Abela Qalb in-Nies huma t-tnejn tad-demm u l-laħam. U aktar ma l-prim ministru jkollu setgħa f’idejh, il-konsegwenzi tal-iżbalji tiegħu jkunu akbar.
Robert Abela lanqas biss għaddietlu minn rasu biex jerġa’ jirreferi kollox lill-Parlament meta llum iddeċida li jagħmel il-kutrumbajsa li għamel. Lanqas biss ħasibha li kien jeħtieġlu jirrispetta l-indipendenza tal-ġudikatura hu u jżeblah lill-qrati biex il-partitarji jkollhom fuqhiex jirrabjaw.
Ħafna drabi s-sistemi tad-demokrazija jieħdu ż-żmien tagħhom u jistgħu jkunu ineffettivi. Iżda jiżbaljaw ħafna anqas minn sistemi awtokratiċi. Barra minn dan, is-sistemi tad-demokrazija jwasslu biex ikun hemm transizzjoni tas-setgħa bejn partiti politiċi, u gvernijiet jaslu biex jitilfu l-elezzjonijiet qabel tant taħkimhom l-arroganza li l-iżbalji tagħhom ma jkunux jistgħu jitħassru b’gomma. Iżda meta l-Partit Laburista f’dan il-pajjiż sar l-uniku partit vijabbli, ġie jaqa’ u jqum mis-sentiment tal-poplu.
Il-bużillis jinsab fil-fatt li l-mexxejja awtokratiċi bosta drabi jkunu mexxejja medjokri. U Joseph Muscat u Robert Abela t-tnejn huma l-qofol tal-medjokrità.
Joseph Muscat, bil-Muscatonomics kollha tiegħu, daħħal il-mudell ekonomiku Malti f’ħajt. Illum kellu l-wiċċ jistqarr li għandu jkun hemm inkjesta dwar l-imwiet kollha li seħħew f’siti tal-bini. Nesa’ jfakkar li jaħti hu personalment għall-ferneżija tal-kostruzzjoni li kellna tul dawn l-aħħar għaxar snin, għad-dħul f’Malta ta’ tant ħaddiema barranin u għas-setgħa kbira li ngħataw l-iżviluppaturi li għalihom issa qed jaħdem ta’ konsulent u dan wara li saħansitra spiċċa mill-gvern bħala eks prim ministru diżonorat.
U Robert Abela m’hu xejn ħlief vavu li hu nieqes sewwa mis-sens ta’ empatija. Illum stqarr li waħda mir-raġunijiet li ġiegħluh jerġa’ jibdielu hi l-fatt li huwa missier. Fil-ġejjieni din l-istqarrija bintu għad taqraha u la tikber għad tistaqsi lil missierha jekk kienx nesieha f’dawk is-seba’ xhur li matulhom baqa’ jwebbes rasu ma’ omm Jean Paul Sofia u baqa’ m’aċċettax li jniedi inkjesta pubblika.
M’hemmx dubju li Robert Abela ser ikollu ħafna fuqhiex jitbaqbaq fil-ġranet li ġejjin.
Dawk id-deputati kollha li, b’sens ta’ lejaltà, ħallewh jipperswadihom biex jivvutaw kontra l-mozzjoni favur it-tnedija ta’ inkjesta pubblika, lil Robert Abela issa ser igħidulu li hu u jippretendi li huwa l-eroj li “ta widen lill-karba tan-nies”, huma – li mill-bidu nett kienu fehmu x’kien s-sentiment tal-poplu – ser jidhru koroh u indifferenti għal-uġiegħ li kienu qed iħossu l-membri tal-familja ta’ Jean Paul Sofia.
Lil Robert Abela, l-ministru tal-ġustizzja Jonathan Attard mistenni jgħidlu li waqt li hu kien qed jippassiġġa max-xatt ta’ Marina di Ragusa, hu, jiġifieri Attard, kien fuq il-One TV ma’ dak ix-xellerat Karl Stagno Navarra jigdeb lill-poplu dwar it-tifsira ta’ inkjesta pubblika. U issa Robert Abela qed jistenna’ li hu għandu jibla’ dak kollu li kien imġiegħel igħid.
Dawk it-trolls fanatiċi kollha li ġew mobilizzati mill-Partit Laburista li, għax ħasbu li kienu qed isegwu l-passi tal-kbir mexxej tagħhom, pubblikament ikkalunjaw lill-familja ta’ Jean Paul Sofia u pinġewhom bħala persuni Nazzjonalisti rgħiba għall-flus, issa ħallewhom imdendlin bejn sema w ilma.
Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, flimkien ma’ Peppi Azzopardi, talbu lill-folla quddiem Kastilja biex tirringrazzja lil Robert Abela u biex ma tikkomplikax l-affarijiet b’kwistjonijiet dwar l-imġieba politika tiegħu. In-nies ma tantx ħadu pjaċir b’dan il-kumment, iżda nasal biex nifhem dak li l-omm kellha f’moħħha.
Fl-aħħar mill-aħħar dan juri li hi taf li kemm l-Oppożizzjoni Nazzjonlista, għenitha kemm għenitha fil-ġlieda tagħha, kif ukoll il-kritiċi tal-gvern għandhom il-limiti tagħhom fil-konfront ta’ awtokrazija mmexxija minn Robert Abela. Lill-partitarji Laburisti kellha bżonnhom biex jappoġġjawha. Mozzjoni tal-Oppożizzjoni ma swiet għal xejn biex iddawwar il-fehma ta’ Robert Abela. Kellha tkun ribelljoni mill-ministri tiegħu u daqqa ta’ stallett mingħand Joseph Muscat li wasslet il-bastiment fil-port.
Ġabitu fejn riditu. Ħaqqha prosit.
Minn naħa l-oħra, Robert Abela, sar qisu manikin mutu mlibbes qalziet qasir u berritta ta’ wara quddiem.