Ħadd ma messu skanta meta xi ġranet ilu Johann Grech indirizza lin-nazzjon u tkellem bil-lingwaġġ użat minn Joseph Muscat u Robert Abela fil-konfront ta’ min jikkritika l-politika tal-gvern u stqarr li “qed tiġi attakkata Malta”. Johann Grech huwa propagandist veteran tal-Partit Laburista. U billi jippoża għar-ritratti ma’ artisti famużi li jitħallsu mill-kaxxa ta’ Malta biex jippużaw miegħu ma jbiddel xejn mill-fatt li m’huwa xejn ħlief bażużlu ta’ Joseph Muscat li baqa’ jixref fil-wiċċ wara l-waqgħa ta’ sidu mis-setgħa bis-saħħa tal-fatt li ħadem qatigħ biex is-suċċessur ta’ l-istess sidu rebaħ it-tiġrija għat-tmexxija tal-partit.
Johann Grech jaf ben tajjeb li ħadd m’hu jgħid li l-inċentivi b’risq l-industrija tal-films għandhom jitneħħew. Ħadd m’hu jgħid li l-flus minfuqa biex tittejjeb l-infrastruttura turistika għandhom jinqatgħu. Ħadd m’hu jissuġġerixxi li għandu jinqata’ l-iffinanzjar għat-taħriġ tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tat-tiswija tal-ajruplani. Ħadd m’hu jgħid li l-istat m’għandux jibqa’ jikri artijiet u bini lill-fabbriki b’kera sussidjata.
Biex l-industrija tingħata għajnuna bil-għan li jitħarsu l-impjiegi, ikun jeħtieġ li jintefqu flus mill-kaxxa ta’ Malta. Din hi politijka tajba u li toħloq il-ġid. Iżda l-flus m’humiex jaqgħu mis-sema u ma nistgħux inġibu ruħna bħallikieku dawn m’huma ser jispiċċaw qatt.
Lil Johann Grech ippermettewlu jonfoq bl-addoċċ għaliex ir-reġim ta’ Joseph Muscat inbena’ fuq is-sisien tal-lejaltajiet personali u mhux fuq politika strutturata li tmur lil hinn mill-personalitajiet. Ebda ministru tal-finanzi li għandu rasu f’lokha m’hu ser jippermetti l-infieq bla rażan ta’ miljuni ta’ ewro mill-kaxxa ta’ Malta biex dawn jissussidjaw il-bwiet ta’ Denzel Washington talli dan ikun deher f’film li biċċiet minnu jkunu nħadmu f’Malta. Dan ġenn u jammonta għal-ġbir ta’ taxxi minn bwiet il-Maltin b’riżq id-dipartiment Amerikan tat-taxxi interni.
Dan qed iseħħ għaliex xejn ma jgħoddu l-flejjes li jkun ivvota l-Parlament biex tiġi finanzjata l-Kummissjoni dwar il-Films. Johann Grech qed jitħalla jagħmel li jrid u ħadd m’għandu l-ħila jiqaflu għaliex dawn il-ħniżrijiet qed iseħħu bil-barka tal-prim ministru.
Nistgħu ngħidu li Johann Grech huwa l-personifikazzjoni l-aktar għolja tal-kwalità fqira ta’ governanza fl-amministrazzjoni pubblika Maltija. Minflok l-għaqal fl-infieq, il-kontrolli u l- kontabilità, għandna d-dittatorjat ta’ Johann Grech li baqa’ sal-lum iberbaq u jisparpalja flejjes minn flus il-poplu.
Kien hemm xi għorrief li wieġbu għall-kritika fil-konfront tal-iskema tal-inċentivi billi stqarrew li “kienu n-Nazzjonalisti li kienu daħħlu l-iskema”. Kont proprju jien li mort Brussell sabiex nipprova nipperswadi lill-Kummissjoni Ewropea li l-iskema Maltija tal-inċentivi għall-films ma tmurx kontra l-liġijiet Ewropej. Kont proprju jien li tajt daqqa t’id biex jiddaħħlu l-inċentivi u, fil-prinċipju, m’għandi ebda oġġezzjoni għalihom. Iżda fi żmien in-Nazzjonalisti, kien isir ħlas lura ta’ dawk il-flejjes li jkunu ntefqu f’Malta. Ir-raġunar ekonomiku kien fis-sens li kemm il-darba dawn l-inċentivi kellhom jiġġeneraw l-infieq f’Malta (4 ewro ta’ flus barranin minfuqa f’Malta għal kull ewro mħallas lura), l-inċentivi kienu jservu ta’ valur miżjud għall-ekonomija (kompriż il-ħlas ta’ taxxa).
L-għorrief li qed imexxu llum qed iħallsu tnejn minn kull ħamsa ta’ dak kollu li tonfoq kumpannija tal-films u dan mingħajr ma qed jingħata każ kemm minn dawn il-flejjes qed jintefqu barra minn Malta.
Meta konna ntroduċejna l-politika tal-inċentivi, pajjiżna kien “Malta” ukoll. Meta Johann Grech jistqarr li l-attakki li saru fuq l-iskema preżenti tal-inċentivi hi attakk fuq Malta u fuq l-industrija tal-films, qed jassumi li Malta u l-industrija tal-films jeżistu biss minħabba l-inċentivi li għandna llum. Iżda snin ilu kellna inċentivi li kienu bil-wisq differenti. Dak iż-żmien, kellna wkoll industrija tal-films u Malta kienet Malta.
Johann Grech studja fl-iskola tal-ġografija megalomanijaka ta’ Joseph Muscat. Tajjeb li nirrepetu li Johann Grech m’huwiex Malta u Malta m’hix Johann Grech. Rasu jidher li kibritlu fid-daqs aktar mill-kobor tal-pajjiż, iżda dan ma jfissirx li sar sinonimu ma’ Malta.
Barra minn dan, konna ħloqna l-Kummissjoni (dwar il-Films) b’liġi sabiex il-Kummissarju jkollu kumitat li jkun jista’ jwettaq xogħol ta’ superviżjoni u dan bil-għan li jkun hemm kontroll u skrutinju fuq l-infieq. U l-flus minfuqa kienu jiġu approvati minn qabel mit-Teżor. Għax dik hi s-serjetà, u dan igħodd anki jekk saħansitra tkun qed tmexxi każin ta’ logħob tal-boċċi f’raħal.
Ma nistgħu qatt niġġustifikaw it-tberbiq ta’ flus mill-kaxxa ta’ Malta jew li jittolleraw lil min juża dawn il-flejjes biex iħaxxen il-bwiet ta’ xi artist famuż bil-miljuni. Lanqas ma nistgħu qatt niġġustifikaw li jkun hemm Kummissarju li jingħata diskrezzjoni wiesa’ u bla rażan f’dak li huwa nfieq ta’ miljuni mingħajr kontrolli ta’ xejn.
Tifhmunix ħażin. M’jinix ngħid li fl-imgħoddi ma kienx hemm lok għal titjib fejn għandhom x’jaqsmu l-iskemi li konna daħħalna għoxrin sena ilu. Iżda huwa fatt li Johann Grech qed jgħix ħajja ta’ prinċep bis-saħħa tal-kaxxa ta’ Malta u qed jonfoq bla rażan u kontroll ta’ xejn. Dan ċertament m’huwiex titjib.
U Johann Grech m’għandux jibqa’ jiftaħar li qed iberbaq dawn il-miljuni kollha u joqgħod isemmi l-Gladiator 2 bħala prova tal-għerf infinit tiegħu. Meta l-ewwel film Gladiator kien inħadem f’Malta, lil Johann Grech ħadd ma kien jaf bih u ċertament ħadd ma kien ħolom bl-inċentivi tiegħu.
Dan l-aħħar il-Professur Simon Mercieca kiteb dwar iż-żmien qasir li fih jien tajt sehmi biex tfasslet politika dwar il-films fi żmien il-Ministru Austin Gatt. Qed nassumi li Johann Grech kellu xi sehem biex ixxandru dawn l-istejjer għaliex propagandist ta’ Muscat jista’ jinxtamm minn seba’ mili bogħod.
Johann Grech xejn ma ħa pjaċir bil-kritika ħarxa li saritlu u allura irrikorra għall-manuvri simili għal dawk li kien ħejja għal Joseph Muscat ftit qabel dan tneħħa mis-setgħa. Madankollu l-fatt jibqa’ li berbaq fuq li berbaq. U forsi xi darba għad ikollna ministru tal-finanzi li jkollu biżżejjed amor proprju li jażżarda jieqaf lil wieħed mill-favoriti tal-prim ministru.
Anke jekk ikun wieħed li jkun xeba’ jippoża ma’ Russell Crowe.