Ma nistax naħlef għall-allegazzjonijiet li għamel illum Arnold Cassola f’artiklu li kiteb fit- Times of Malta. Madankollu, b’riżq dak li ser nikteb, ser nassumi li l-allegazzjonijiet li għamel huma minnhom.

Fi ftit kliem, Cassola allega li ċertu Ażiż – bniedem li twieled f’kamp tar-refuġjati fil-Palestina – kien emigra lejn Malta madwar 18 il-sena ilu u li minn dakinhar ‘l hawn ħadem bħala uffiċjali pubbliku u kien attiv ukoll fil-komunità lokali. Wara li kien dam igħix f’Malta għal diversi snin, huwa applika biex jingħata ċ-ċittadinanza Maltija iżda, għal darbtejn fuq xulxin, din it-talba tiegħu kienet ġiet miċħuda. Bis-saħħa tal-impjieg li kellu, kien sar jaf bil-korruzzjoni li kienet qed isseħħ fit-testijiet tas-sewqan u kixifha. Spiċċa biex il-permess li kellu biex igħix u jaħdem f’Malta ġie revokat mill-gvern u kellu jitlaq mill-pajjiż wara 18 il-sena.

Jeżistu żewġ kwistjonijiet li fl-imgħoddi kienu tqanqlu minn Repubblika u li jeħtieġ li jitfakkru:

  1. Pajjiż li jkun irid jiġġieled kontra l-korruzzjoni bis-serjetà għandu jinkoraġixxi lil min ikollu nformazzjoni dwarha biex jikxef dak li jaf. U biex dan ikun jista’ jseħħ, ikun jeħtieġ li jiġu mħarsa l-whistle-blowers. Fuq il-karta, l-liġi tħares lill-whistle-blowers iżda dan ma tagħmlux fil-prattika. Fil-prinċipju, liġi li tħares lill-whistle-blowers tipprovdi li min jikxef il-korruzzjoni m’għandux isofri konsegwenzi li jkunu detrimentali għalih. U min jispiċċa b’permess tar-residenza revokat, anki jekk din ir-revoka l-gvern għandu dritt li jagħmilha, jkun qed jiġi mġiegħel isofri konsegwenzi għar-raġuni li jkun kixef il-korruzzjoni.

Biex seta’ jiġi mħares mil-liġi, Ażiż kien ikollu jissottmetti lment mat-taqsima tal-Kabinett fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mbagħad dan l-Uffiċċju jkun jeħtieġ jiddeċiedi jekk huwiex eliġibbli li jingħata protezzjoni. Issa jeħtieġ niftakru li l-allegazzjonijiet li għamel Ażiż kienu wasslu biex uffiċjal jistqarr fil-qorti li kienet saret pressjoni fuqu biex ċerti persuni midħla tal-ministru u li kienu weħlu mill-eżami tas-sewqan, jingħataw liċenzja tas-sewqan xorta waħda. Taħsbu li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ser jasal biex jagħti l-kenn lil min ikun kixef din il-korruzzjoni?

Jekk l-uffiċjali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru baqgħu jinjoraw lil Ażiż (kif kienu njorawh ukoll tant persuni oħra li hu pprova jkellem), il-fatt li pprova jikxef il-ħmieġ esponieh għall-azzjoni li ttieħdet meta l-permess tar-residenza li kellu ġie revokat.

Għidna kemm il-darba li Malta għandu jkollha liġi dwar il-protezzjoni tal-whistle-blowers li tkun waħda serja u li tassew tħares lil min jikxef il-korruzzjoni, jikxfuha ma’ min jikxfuha.    Jekk wieħed isir jaf b’atti ta’ korruzzjoni u dan igħaddi din l-informazzjoni lill-imgħallem ta’ fuqu jew lill-imgħallem ta’ fuq l-imgħallem, wieħed m’għandux jiġi kastigat għax ikun għamel dan. Wieħed għandu jkun jaf bil-quddiem li l-liġi ser tipproteġih meta jikxef dak li jkun taf bih u dan għaliex il-liġi tħeġġu biex jikxef il-ħmieġ.

Iżda f’Malta dan ma jseħħ qatt.

       2.  Il-gvern seta’ jkeċċi lil Ażiż minn Malta bi tpattija talli dan ażżarda jikxef il-ħmieġ li seħħ f’Transport Malta. Iżda dan ma kienx ikun jista’ jagħmlu li kieku l-whistle-blower kien ukoll ċittadin Malti. Ażiż seta’ jitkeċċa minn Malta u għal darbtejn fuq xulxin ġiet miċħuda lilu ċ-ċittadinanza Maltija:

minkejja l-fatt li kien ilu jgħix hawn għal 18 il-sena sħaħ;

minkejja l-fatt li kien ġie hawn bħala refuġjat minn pajjiż li kien u għadu sal-lum okkupat;

minkejja l-fatt li ħadem bħala uffiċjal pubbliku li dejjem qeda’ dmiru;

minkejja l-fatt li ta sehmu lill-komunità u serva bħala segretarju f’kumitat tal-partit politiku tiegħu;

minkejja l-fatt li dejjem ħallas it-taxxi dovuti minnu;

u minkejja r-riskji personali li kien ħa biex jinkixef il-ħmieġ.

Lil Ażiż mhux biss ċaħħduh miċ-ċittadinanza u minn passaport Malti. Ċaħħduh ukoll mid-dritt bażiku li jgawdi kull ċittadin li ma jitkeċċiex mill-pajjiż minħabba kapriċċ ta’ xi ministru.

Ħlief għall-fatt li ma kellux ċittadinanza, Ażiż kien meqjus bħala Malti li kien għażel li jagħti l-kontribut tiegħu lis-soċjetà volontarjament permezz tal-politika. Mhux rilevanti l-fatt li huwa għażel li jimmilita f’partit politiku li jien ma naqbilx miegħu u li hu minn ewl id-dinja li Joseph Muscat kien użaħ għar-raġunijiet ta’ moħħu. Madankollu Ażiż għażel li jipparteċipa fil-proċess demokratiku b’mod volontarju.

U ġab ruħu ħafna aħjar minn ċerti Maltin meta ġie biex jikxef il-korruzzjoni hekk kif sar jaf biha. Ma qatax qalbu meta l-awtoritajiet baqgħu jinjorawh u baqa’ jippersisti sakemm dawn ġew b’daharhom mal-ħajt u kellhom imexxu bil-qorti kontra dawk li allegatament kienu naqsu.

Madankollu l-istat ikkastigah meta ddeċieda li jkeċċieh minn Malta: spiċċa biex tilef l-impjieg tiegħu, lil daru u lil ħbiebu. Tawh kastig li tant hu inġust li ma seta’ qatt ingħata lil min igawdi ċerti drittijiet li huma marbutin maċ-ċittadinanza.

Saret miegħu inġustizzja tal-waħx.