Joseph Muscat kien iħossu komdu fil-Ministeru tal-Verità bil-qiegħda wara Winston Smith. Il-bieraħ ipprova jnessi dak kollu li sirna nafu bih bis-saħħa tax-xhieda li kienet ingħatat quddiem l-Imħallfin tal-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Ix-xhieda kważi lkoll instemgħu fil-beraħ. Ċertament nistgħu ma naqblux ma’ wħud mir-rakkomandazzjonijiet li kienu għamlu l-Imħallfin, iżda jekk ser noqgħodu mmeru dak li semgħu huma, jkollna mmeru wkoll dak li smajna aħna b’widnejna stess.
Lill-membri tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi, l-bieraħ Muscat qalilhom li l-Imħallfin tal-inkjesta nterpretaw ħażin dak li kien stqarr quddiemhom l-eks ministru tal-finanzi li llum imexxi l-Bank Ċentrali bħala gvernatur.
Hawn taħt tistgħu ssibu sunt li kienu ħejjew tat-Times of Malta dakinhar stess dwar dak li Edward Scicluna xehed f’awla tal- qorti li kien segwit b’tant attenzjoni mill-poplu in ġenerali:
-
Edward Scicluna xehed li hu ma kienx membru tal-‘kitchen cabinet‘ jew “tal-klikka ta’ ġewwa” li kienu ta’ influwenza kbira fuq il-gvern ta’ Joseph Muscat u li kienu ‘jgħaddu romblu fuq is-sistema’;
-
Huwa semma’ liċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri bħala l-persuna li kien membru ta’ din il-klikka u, fejn kellhom x’jaqsmu xi proġetti, flimkien mal-eks ministru Konrad Mizzi;
-
Huwa kien ta parir lil Joseph Muscat biex iwarrab lil Konrad Mizzi mill-kabinett wara li dan tal-aħħar inkixef bħala s-sid ta’ kumpannija sigrieta fil-Panama;
-
Huwa ammetta li kien hemm ċerti difetti fis-sistema għaliex din tippermetti li proġetti li jaqgħu taħt l-“Iskeda 3” setgħu jibqgħu għaddejjin mingħajr il-barka tal-ministeru tiegħu;
-
Fejn għandhom x’jaqsmu ċerti proġetti kontroversjali, huwa ddefenda r-rwol tiegħu billi stqarr li dan kien wieħed limitat għall-allokazzjoni ta’ fondi u li jiżgura li dawn l-ispejjeż jkunu stmati bil-quddiem;
-
Huwa stqarr li kieku kellu jagħti parir bħala konsulent privat, ma kienx ikun favur l-iffirmar tal-kuntratt tal-isptarijiet mal-Vitals Global Healthcare;
-
Scicluna stqarr li r-rwol tiegħu fil-proġett tal-power station tal-Electrogas kien biss li jipprovdi garanzija bankarja “wara li għadda ż-żmien”;
-
Huwa stqarr li lil Yorgen Fenech – in-negozjant li kien il-mutur wara l-bini tal-power station tal-Electrogas, sid ta’ kumpannija sigrieta bl-isem ta’ 17 Black u l-persuna li tinsab mixlija b’kompliċità fil-qtil ta’ Caruana Galizia – ma jafux.
Jekk jinsisti, lil Joseph Muscat nistgħu ngħaddulu t-test bil-miktub tax-xhieda li kienet ingħatat, iżda l-eżitu mhux ser ikun wisq differenti. Dak li hemm elenkat hawn fuq, Edward Scicluna qalu ċar u tond u l-Imħallfin tal-inkjesta sewwa semgħu u dan mingħajr ma fehmu ħażin dak li ntqal. Barra minn hekk, dak li xehed Edward Scicluna kien ġie korroborat minn oħrajn.
Joseph Muscat qed jigdeb b’mod sfaċċat f’wiċċ il-poplu bil-għan li jipprova jitfa’ dubji fuq dak li aħna għadna niftakruh sewwa. Dan qed jagħmlu għaliex jaf li, minkejja l-provi kollha kontrih li nġiebu fil-qorti, minkejja l-provi kollha kontrih li xxandru mill-2016 ‘l hawn u minkejja l-fatt li inkjesti dwar l-imġieba tiegħu ilhom għaddejjin is-snin, ħadd ma jidher li għandu l-ħila u r-rieda li jqiegħdu f’postu u jaqflu ġewwa.
Tafu għalxiex wera’ l-indiema tiegħu l-bieraħ? Wera’ s-sogħba li ma kienx ħa l-ġurnalisti miegħu dakinhar li ltaqa’ ma’ Ilham Aliyev f’Baku u dan qabel ingħata bidu għal din il-ħadma. Bis-saħħa tal-indiema falza tiegħu pprova jpinġi lilu nnifsu bħala vittma innoċenti. Bħal donnu ried iwassal il-messaġġ li, kieku kien makakk biżżejjed li jġorr miegħu lill-ġurnalisti, dawk kien ikollhom l-opportunità jaraw b’għajnejhom li hu ma kellu xejn x’jaħbi.
Bħal dak li qallu – li kieku kien ġarr lill-ġurnalisti miegħu – mhux xorta seta’ jżommhom milli jisimgħu d-diskors li kien għadda bejnu u bejn Aliyev. Hawn ta’ min isemmi wkoll li dakinhar waqt iż-żjara uffiċjali f’pajjiż barrani, l-prim ministru mhux biss eskluda lill-ġurnalisti iżda wkoll ħalla barra uffiċjali tal-gvern, ambaxxaturi, segretarji permanenti u uffiċjali tal-protokoll. Miegħu kellu biss lil Keith, lil Konrad u lil Kurt. Kien qishom episodju ta’ The Three Stooges flimkien mal-artist mistieden.
Din iż-żjara kienet eżempju wieħed biss dwar kif klikka ta’ kriminali ħatfet lill-Istat Malti u dwar kif dawn remgħu l-baħar il-kontrolli nterni kollha u wżawhom biex jilħqu l-għanijiet kriminali tagħhom.
Għal dik iż-żjara li għamel f’Baku, Muscat ma kienx ħa miegħu lill-ministru tal-finanzi Edward Scicluna. Għaliex din kienet żjara esklussivament għall-membri tal-kitchen cabinet ta’ Muscat.
Muscat jista’ jserraħ rasu li mhux ser inħalluh inessina l-fatti.
U mhux ser jirnexxielu li jgħawweġ l-istorja.