Dan l-artiklu kont xandartu fil-5pm tal-5 ta’ Ġunju 2018 u fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Adrian Delia kien immedjatament ikkonfronta lil Joseph Muscat dwaru. Qabel daqqew is-7pm dakinhar stess, Joseph Muscat kien diġà “ċaħad kategorikment” l-istorja li jien kont xandart.

Dak iż-żmien kont staqsejt dwar kif kienet din li Joseph Muscat ħassu komdu li kategorikament jiċħad storja dwar il-kontijiet bankarji personali taċ-chief of staff tiegħu? Li kieku ried huwa seta’ stqarr li kien talab spjegazzjoni mingħand Keith Schembri u li kien jippreferi jemmen lilu milli jemmen lili kemm il-darba ma nġibux provi dwar dak li kont allegajt. Iżda Joseph Muscat ma qal xejn minn dan kollu. U liċ-chief of staff tiegħu lanqas biss talbu biex jagħmel iċ-ċaħda huwa stess

Dakinhar Joseph Muscat kulma għamel kienet dikjarazzjoni fis-sens li dak li jien kont ktibt dwar il-finanzi personali ta’ Keith Schembri ma kienx minnu.

Għalkemm il-bieraħ min segwa dak li kien qed iseħħ quddiem il-Kumitat Parlamentari seta’ ħa impressjoni differenti, Keith Schembri qatt ma kien ċaħad jew giddeb il-kontenut tal-artiklu li jien kont ktibt. Jista’ jagħti l-każ li din iċ-ċaħda ħarbitli, iżda ma niftakarx li Keith Schembri qatt ċaħad li kien irċieva aktar minn $400,000 madwar 5 ġimgħat wara li wasal lura Malta mill-Ażerbajġan. Kif lanqas niftakar lil Schembri jipprova jispjega kif butu kien ħxien ġmielu mil-lum għall-għada.

Hu x’inhu, l-kwistjoni kollha m’hix dwar il-ħxuna ta’ bwiet Keith Schembri, iżda dwar jekk għandniex niskantaw bil-gideb sfaċċat li tlissen minn Joseph Muscat quddiem il-Kumitat Parlamentari.

Lill-membri tal-Kumitat Parlamentari Joseph Muscat il-bieraħ qalilhom li “kieku kien hemm suspetti fondati fl-allegazzjonijiet (li saru minni dwar Keith Schembri), Schembri kien jiġi mħarrek.”

Ma taħsbux li din hi loġika bażwija?

Jien kont xandart artiklu f’Ġunju 2018. Dakinhar Joseph Muscat ċaħad il-kontenut tiegħu, għalkemm Muscat ma setax ikun ċert dwar dak li kien stqarr. U, sa fejn huwa magħruf, il-Pulizija baqgħet b’idejha fuq żaqqha u tabilħaqq ħadd ma kien skanta b’dan.

Din is-sensiela ta’ stqarrijiet – “Jien xandart. Muscat ċaħad. U kulħadd baqa’ bli ħa.” – tista’ tissejjaħ bħala “ħaġa tas-soltu” mill-ġurnalisti – fosthom minn Daphne Caruana Galizia li kieku għadha mimlija bil-għomor – dwar għexieren ta’ illegalitajiet li allegatament wettqu  Muscat u l-klikka ta’ madwaru.

Ngħid jien, il-fatt li Keith Schembri ma ġiex mixli fil-qorti dwar dak li jien allegajt f’artiklu li kont xandart għandu jfisser li ma kienx hemm lok għal suspett li dan kien kiser il-liġi? Wara kollox, kulħadd jaf li, f’dan pajjiżna, Keith Schembri baqa’ ma tħarrikx fil-qorti wara li konna sirna nafu li Brian Tonna kien iddepożita flejjes f’kont bankarju li kellu Schembri mal-Pilatus Bank. Kulħadd jaf li, f’dan pajjiżna, Keith Schembri baqa’ ma ġiex mixli fil-qorti wara li nkixef li kien sid ta’ kumpannija fil-Panama li nħolqot ftit wara li nħatar f’kariga għolja fis-servizz pubbliku u li wara li ddikjara li kien ser jirċievi l-miljuni mingħand kumpanniji ta’  Yorgen Fenech u ta’ Cheng Chen. Kulħadd jaf li, f’dan pajjiżna, Keith Schembri baqa’ ma ġiex mixli fil-qorti wara li nkixef li kien ta struzzjonijiet bil-miktub lil Yorgen Fenech – li kien taħt arrest – dwar il-mod kif kellu jwaħħal f’Chris Cardona għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-fatt li f’Jannar 2015 Keith Schembri ma kienx ġie investigat – aħseb u ara kemm kien ġie mixli – dwar flejjes li ma kellux spjega dwar kif kienu ġew f’idejh ma nibitx mill-kwalità ta’ suspetti li stajt qajjimt bis-saħħa tal-pubblikazzjoni tal-artiklu tiegħi. Iżda huwa purament riżultat tal-impunità li gawdew u li għadhom igawdu Joseph Muscat u l-klikka li kellu u li għad għandu sal-lum.

Dawn kienu bellgħuha lin-nies li jekk il-mexxejja tal-korp tal-pulizija maħturin minnhom, kif ukoll dawk l-elementi korrotti fil-korp kontrollati minnhom, ma jarrestawhomx allura dan ikun ifisser li huma m’għamlu xejn ħażin. Dan ma jfisser xejn ħlief li għandna stat li jinsab taħt ħakma. 

Ippermettuli nagħmel użu mil-“loġika” ta’ Joseph Muscat. Jekk huwa minnu dak li allega Muscat taħt il-kappa tal-privileġġ parlamentari fis-sens li l-kitba tiegħi tal-2018 kienet biss invenzjoni, x’kien li żamm lil Keith Schembri milli jħarrikni talli jien kont ħammiġt ir-reputazzjoni netta tiegħu. Wara kollox, jien kont ktibt li Keith Schembri seta’ approfitta ruħu llegalment mir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta billi ttradiha u biegħ l-interessi tagħha lir-reġim dittatorjali tal-Ażerbajġan. Min huwa dak li “gidba” bħal din jerħilha għaddejja?

Issa jista’ jagħti l-każ li mhux qed niftakar fiċ-ċert jekk Keith Schembri kienx ċaħad dak li jien kont ktibt dwaru jew le. Iżda żgur kont niftakar li kieku xi darba tellagħni l-qorti. U l-verità hi li ma tellagħnix.

Lil Joseph Muscat ta’ min jistqsih: jekk, fl-isfond tal-kitba tiegħi, huwa minnu li ma kienx hemm lok li jaqgħu suspetti fuq Keith Schembri, x’kienet ir-raġuni li Keith Schembri baqa’ ma ħarriknix?  

U lil Joseph Muscat ta’ min ifakkru wkoll li fl-aħħar ġranet tal-gvern immexxi minnu – żmien li fih kien għadu jittama li seta’ jibqa’ ggranfat mas-siġġu tas-setgħa minkejja l-arrest ta’ Keith Schembri (dwar kwistjonijiet oħra u dan biex ma nsemmix ukoll stejjer li Yorgen Fenech kien qed ihedded li jikxef) – Joseph Muscat kien ġie mistoqsi jekk ħassux ittradut minn Keith Schembri. Joseph Muscat wieġeb li kien ħassu ttradut.

Nirrepeti: Joseph Muscat kien stqarr li Keith Schembri ttradih.

Għaldaqstant lil Joseph Muscat għandha ssirlu mistoqsija supplimentari: għadu jsostni ċ-ċaħda li kien għamel fil-5 ta’ Ġunju 2018 li Keith Schembri kien irċieva aktar minn $400,000, madwar 5 ġimgħat wara li wasal lura Malta minn Baku fil-festi tal-Milied tal-2014? Tgħid din hi r-raġuni għala l-bieraħ ipprova jżellaq il-“loġika” li l-kitba tiegħi ma setgħetx kienet vera għaliex lil Keith Schembri l-Pulizija qatt ma kienet ħarrkitu?

Min jaf issa huwiex jgħid bejnu u bejn ruħu li Keith Schembri kien gideb.

Jien ngħid li Joseph Muscat jaf li dak iż-żmien dan il-ħsieb ukoll kien messu għadda minn moħħu.