Lill-membri tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi, Joseph Muscat qalilhom li tal-Kummissjoni Ewropea kienu jafu b’kollox dwar il-ftehim li l-gvern tiegħu kien leħaq mal-kumpannija tal-gass tal-Ażerbajġan. Iżda l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia għarblet il-fatti u tal-Kummissjoni Ewropea qalulha li dak li stqarr Muscat ma kienx minnu. U hekk kif ġie wiċċ imb’wiċċ maċ-ċaħda tal-Kummissjoni Ewropea, Joseph Muscat ma setgħax ikompli jgħid li dawn kienu jafu b’kollox. Għaldaqstant lill-membri tal-Kumitat Parlamentari qalilhom li ma kellux għalfejn jinforma lill-Kummissjoni dwar il-ftehim milħuq mal-kumpannija tal-Ażerbajġan. Stqarr li dawn ma kellhomx għalfejn ikunu jafu bih.

Lil tal-Kumitat Parlamentari qalilhom ukoll li tal-Organised Crime and Corruption Reporting Project qatt ma kienu tawh trofew wara li fl-2019 għażluh bħala l-Man of the Year for Organised Crime and Corruption.

Muscat dwar xiex aktar jonqsu jigdeb?

Il-bieraħ kien jum iebes għalih, miskin. Qabel deher quddiem il-Kumitat Parlamentari, naħseb li seħet is-siegħa u l-mument li ma kienx leħaq avukat u li kellu jitqanna b‘Charlon Gouder biex jagħmel il-mistoqsijiet lil Robert Aquilina ta’ Repubblika. Ried l-art tibilgħu. Aquilina kien ix-xhur li ttella’ minnhom stess f’kawża li Joseph Muscat għamel biex iġiegħel lil Gabriella Vella tirtira mit-tmexxija tal-inkjesta dwar l-imġiba tiegħu. Din l-inkjesta kienet inbdiet wara li Repubblika lmentat fil-qorti dwar il-korruzzjoni li kienet seħħet fl-għoti tal-konċessjoni tal-isptarijiet lil tal-Vitals.

Ix-xhieda li ta Robert Aquilina jidher li xejn ma daqqet għal widnejn Muscat li mbagħad deher ħiereġ mill-awla tal-qorti b’wiċċ ta’ ndannat. Bil-paċenzja kollha Robert Aquilina spjega r-raġunijet għala Repubblika kienet għamlet l-ilment, tkellem dwar il-provi li għandu f’idejh u wera’ li l-istampa għal Joseph Muscat xejn m’hi tidher sabiħa. Kemm Muscat kif ukoll Gouder ma stennewx li kien ser ikollhom ma’ wiċċhom xhud kalm li spjega l-każ tiegħu bil-paċenzja kollha.

Wieħed jista’ jifhem il-għala Muscat fuq wiċċu kellu espressjoni ta’ bniedem indannat. Dan kien dara’ jagħti l-ordnijiet lil ħaddieħor u jġiegħlhom joqgħodu għal dak li jrid hu. Iżda mhux kulħadd lest li jġib ruħu ta’ lsir bħal ma jġib ruħu Charlon Gouder. Muscat ma jniżżilhiex li l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili għandhom il-ħila li jmeruh u li ma jistax jikkontrollahom (għaqdiet bħal, ngħidu aħna, d-Daphne Foundation li giddbitu dwar dak li stqarr fis-sens li tal-Kummissjoni Ewropea kienu jafu b’kollox) jew li jisfidawh (bħal fil-każ ta’ Repubblika li kaxkritu lejn il-qorti bis-saħħa tat-tnedija ta’ inkjesta maġisterjali li qed tinvestiga l-ħadma dwar l-isptarijiet).

Il-kawża tiegħu fetaħha wara li ntebah li ma kellux il-ħila u s-saħħa li jikkontrolla lin-nies u  r-riżultati. Il-Maġistrat Gabriella Vella qed tmexxi inkjesta dwar l-imġiba tiegħu. U dan huwa fatt li Joseph Muscat ma jistax iniżżlu.

Mhux ta’ b’xejn jinsab indannat.