Fil-Kwartier Ġenerali tal-Pulizija jidher li hemm min hu ħerqan biex lil Robert Aquilina ta’ Repubblika jurih li jinqala’ ħafna biex jinforza l-liġijiet. Illum Aquilina ssejjaħ mill-Pulizija u ġie interrogat wara li ngħata twissija li kulma jgħid jista’ jinġieb kontra tiegħu fil-qorti.

Is-sabiħa hi – dejjem jekk tista’ ssejħilha sabiħa – lil Aquilina qalulu li kien qed jiġi interrogat b’rabta ma’ konferenza stampa li huwa ta l-ġimgħa li għaddiet fid-daħla tal-bini ewlieni tax-xandar pubbliku. Stramba l-affari li l-Pulizija bħal donnhom ppretendew xi forma ta’ spjegazzjoni talli saret din il-konferenza stampa.

Jekk wieħed jissejjaħ f’għassa tal-pulizija u jiġi nfurmat li ser jiġi mistoqsi mistoqsijiet dwar, ngħidu aħna, serqa minn bank, dan ċertament għandu jifhem il-għala jkunu qed isirulu l-mistoqsijiet. Il-pulizija bilfors tidħol fix-xena meta jkun hemm serqiet mill-banek. Għaliex is-serq mill-banek jammonta għal delitt kriminali anki jekk int tagħżel li tiddefendi ruħek billi tgħid li int ma kellekx x’taqsam. Tgħid il-Pulizija stenniet li Robert Aquilina kien ser igħidilha li ma kellux x’jaqsam mal-konferenza stampa li kien għamel? Minn meta ‘l hawn li t-tnedija ta’ konferenza stampa hi meqjusa b’delitt kriminali?

Il-Pulizija la qaltlu kif skont hi kien kiser il-liġi u lanqas x’suppost kien għamel ħażin. Iżda bgħatet għalih f’għassa u ġabet ruħha miegħu bl-istess mod kif iġġib ruħha ma’ kriminal komuni.

L-akbar problema li pajjiżna għandu fuq ħoġru m’għandha ebda rabta mad-diskorsi li jagħmlu attivisti tas-soċjetà ċivili fuq l-għetiebi ta’ binjiet governattivi. L-akbar problema li għandu l-pajjiż hi li għandu uffiċjali tal-gvern li jaħdmu minn bini governattiv u li qed iwettqu delitti kriminali bħalma huma korruzzjoni u tixħim, bil-Pulizija terħilhom igħadduha lixxa.

Din il-ġimgħa stess, ftit huma dawk li ma ntebħux li l-bniedem li qed imexxi l-PBS, Mark Sammut, f’rapport imxandar fit-Times of Malta ssemma’ bħala l-persuna li għamel pressjoni fuq impjegati ta’ Transport Malta biex dawn “igħinu” lil dawk li jkunu weħlu fl-eżami tal-liċenzja tas-sewqan.

Lil tat-Times of Malta, Mark Sammut illum qalilhom li ma kienx hu li għamel rapport lill-Pulizija dwar il-konferenza stampa ta’ Robert Aquilina. Jekk dan huwa minnu, kien ħaddieħor li wettaq dan l-att ta’ fastidju fuq attivist tas-soċjetà ċivili. Ma ġara’ xejn. Il-fatt jibqa’ li jekk Mark Sammut ma ħax pjaċir b’dan l-att ta’ fastidju kontra xi ħadd li ażżarda jikkritikah, bħala l-kbir tax-xandir pubbliku kien messu ddefenda d-dritt ta’ Robert Aquilina (u d-dritt ta’ kulħadd) li jitkellem b’mod liberu u li jassoċja ma min ikun irid.

Ħafna miż-żmien tiegħu Robert Aquilina jqattgħu jiġri wara l-awtoritajiet pubbliċi hu u jsejħilhom biex iwettqu xogħolhom kif suppost. Li kieku jrid, jista’ jqatta’ dan iż-żmien jeżerċita l-professjoni tiegħu biex ikun jista’ jaqla’ x’jiekol. Iżda ma jagħmlix hekk.

Kull darba li Mark Sammut jinjora d-dmirijiet kostituzzjonali tiegħu li jiżgura li, fix-xandir pubbliku, jkun hemm imparzjalità u fl-istess ħin jingħata spazju għall-fehmiet tal-minoranzi, fl-aħħar tax-xahar il-paga tiegħu xorta waħda jdaħħalha f’butu. L-istess jagħmel Anġlu Gafà kull darba li l-Pulizija tonqos li tinvestiga u tħarrek politiċi korrotti. Jonqsu minn dmirhom u l-paga jdaħħluha xorta waħda.

Mill-banda l-oħra, kull darba li Robert Aquilina jwettaq xogħolu bħala attivist tas-soċjetà ċivili, d-dħul regolari tiegħu jieqaf ħesrem. Ma jistax jibgħat kontijiet lill-komunità tas-servizzi li jkun taha. L-imħabba li juri lejn pajjiżu ma timlilux żaqqu. Iżda, ġimgħa wara ġimgħa, tarah iħabrek u jirsisti kemm jiflaħ.

Pajjiżna ma jistax jibqa’ jiġi meqjus bħala pajjiż demokratiku kemm il-darba x-xogħol li jwettaq Robert Aquilina jista’ jwassal għal interrogazzjoni f’xi għassa tal-pulizija. Lil Aquilina qalulu li għandhom il-mezzi li bis-saħħa tagħhom ikunu jistgħu iġiegħluh jitkellem.

Buffi.

Għandkom tkunu tafu li, minkejja dan it-theddid kollu, Robert Aquilina serraħ moħħ il-poplu li kien bi ħsiebu jkompli jaħdem qatigħ biex issir ġustizzja u biex pajjiżna jkollu servizz ta’ xandir pubbliku diċenti.

U biex iseħħ dan, m’hemmx minn jinqala’ aktar minn Robert Aquilina.