Jiżbalja min ilissen il-kliem “xokkanti” jew “skandlu”. In-nies la skantat u lanqas skandalizzat ruħha wara li qrat li bażużli tal-Partit Laburista tqiegħdu f’postijiet governattivi strateġiċi sabiex ikunu jistgħu jiddiskriminaw favur partitarji Laburisti (u kontra oħrajn) jew biex jiżguraw li s-servizzi pubbliċi jissarfu f’voti.
M’għandniex nibqgħu nistaqsu l-għala bosta żgħażagħ qatgħu qalbhom u jinsabu mejtin biex jitilqu minn Malta. Għal uħud minnhom, huma l-faqar u n-nuqqas ta’ opportunitajiet li qed inaffruhom. Għal oħrajn, hemm il-qerda tal-ambjent u t-tnaqqis fil-livell tal-għajxien. Iżda għal numru mdaqqas minnhom hi sitwazzjoni li m’għandhomx il-ħila li jiddeskrivuha permezz tal-kliem – dwejjaq dwar kif l-affarijiet tħallew jiżvolġu.
Dan id-dwejjaq kien Joseph Muscat li kellu l-ħila li jinkwadrah. Il-populisti jinqalgħu għad-diskorsi preċiżi li jlissnu biex jikkristalizzaw ċertu dwejjaq li jkun qed jinħass fost in-nies. Fl- 2013, l-għajta kienet Malta tagħna lkoll. Permezz ta’ din l-għajta, lin-nies Muscat newwlilha l-kliem li permezz tagħhom setgħu jesprimu rabja għall-esklużjoni perċepita li kienu qed iħossu. Tahom għajta li bis-saħħa tagħha setgħu jasserixxu dritt li ħassew li kienu qed jiċċaħdu minnu. Muscat kien mexxa’ serbut ta’ persuni rrabjati kontra l-inġustizzja li ġġib magħha d-diskriminazzjoni kontra dawk li jkunu tħallew lura.
Ninsew għall-mument li l-ispjegazzjoni li kien ta Muscat dwar is-soċjetà li kien wiegħed li jibdel xejn ma kienet imsejsa fuq fatti. Dawk li kien għajjtu Malta tagħna lkoll ftit li xejn indenjaw ruħhom jistaqsu jekk kinux qed jissieltu għal dritt li diġà kellhom. Iżda dan kien irrilevanti. Li jgħodd kien it-tixrid tal-propaganda li n-nies kienet qed tiġi diskriminata u li setgħet tibdel din is-sitwazzjoni permezz tal-vot tagħha.
Wara li l-bieraħ it-Times of Malta xandret dettalji dwar il-mod kif dawk tal-qalba kienu ġew “mgħejjuna” biex igħaddu mit-testijiet tas-sewqan, il-mod li bih Robert Abela qabeż għall-gvern u għall-ministri tiegħu jmur lil hinn sewwa mill-wegħda ta’ “Malta tagħna lkoll”. Robert Abela stqarr li Ian Borg u uffiċjali oħra tal-Partit Laburista kienu biss qed jagħmlu xogħolhom meta għamlu pressjoni fuq impjegati ta’ Transport Malta biex partitarji Laburisti jingħataw trattament preferenzjali mit-taqsima tal-liċenzjar tas-sewwieqa. Skont Robert Abela, mġiba bħal din hi “funzjoni primarja” tal-gvern.
Il-verita hi li l-“funzjoni primarja” tal-gvern għandha tkun li jara li jiġu liċenzjati biss dawk is- sewwieqa li jkunu tassew għaddew mill-eżami. Il-gvern għandu jara wkoll li t-taqsima titmexxa’ b’mod effiċjenti (per eżempju, għandu jiġi żgurat li ma jkunx hemm dewmien eżaġerat biex isiru t-testijiet) u b’ġustizzja (billi min jagħmel l-eżami jgħaddi għax ikun ħaqqu jgħaddi u mhux igħaddi għax ħabib tal-ministru).
Din hi li l-funzjoni primarja tal-gvern. M’għandniex xi ngħidu, diffiċli li kollox jimxi dejjem fuq ir-rubini. In-nies għandha kull dritt li tkellem lill-membri parlamentari kemm il-darba jkun jidhrilha li saret inġustizzja magħha. U l-membri parlamentari huma fid-dmir li jivverifikaw l-ilmenti li jkunu twasslulhom u, jekk ikun hemm bżonn, ikellmu lill-ministru responsabbli f’attentat biex tinstab tarf ta’ problema. Il-membri parlamentari qegħdin hemm biex jgħassu fuq il-gvern bil-għan li jiġu miġġielda l-inġustizzji. Il-problemi wieħed għandu jsib tarfhom bl-effiċjenza u l-ġustizzja.
Robert Abela qed igħid l-oppost. Qed igħid li l-funzjoni primarja tal-membru parlamentari hi dik li jitnaqqsu l-effiċjenza u l-ġustizzja. Għaliex jekk jitqabbeż Laburist, ħaddieħor ser ikollu jistenna’ ħafna aktar. U meta jsiru favuri fil-konfront ta’ partitarju Laburista, dawn il-favuri ma jistgħux ħlief ifissru diskriminazzjoni fil-konfront ta’ ħaddieħor.
Dawk iż-żgħażagħ li jinsabu mejtin biex ilebbtu ‘l barra minn pajjiżna jafu li biex wieħed jieħu dak li hu dritt tiegħu – bħal, ngħidu aħna, liċenzja tas-sewqan – ikun jeħtieġ li jilgħaq il-warrani ta’ xi ras kbira. Tletin sena ilu fuq it-televiżjoni kienet titkanta kanzunetta politika f’ programm satiriku. Waħda minnhom kellha l-kliem “fil-kjù, fil-kjù, ħalli ninqdew, l-onorevoli nistennew.” Dak li konna nieħdu biċ-ċajt fl-1988, illum sar traġiku.
Kull darba li Ian Borg iservi ta’ paraventu bejn id-drittijiet taċ-ċittadin u s-servizzi li l-gvern mistenni li jipprovdi, jkun qed jimponi ruħu fuq ħajjet nies li m’għandux ikollha l-ħtieġa tal-interventi tiegħi. In-nies m’għandhiex għalfejn toqgħod tmur titkarrab għand il-ministru biex takkwista liċenzja tas-sewqan.
Meta jġiegħluna nitkarrbu għall-pjaċiri, jkunu qed iċaħħduna mid-drittijiet tagħna.