L-istqarrija li xandar il-gvern wara li Imħallfin li huma l-aktar ġudikanti mlaħħqin fil-pajjiż iddikjaraw li “uffiċjali għolja tal-gvern” kienu kkonġuraw f’ħadma “sabiex flejjes mill-kaxxa ta’ Malta jimlew il-bwiet ta’ VGH” kienet qisha doċċa kiesħa.

Qalulna li ‘ma stennejniex is-sentenza tal-qorti biex nieħdu l-isptarijiet f’idejna’, huma u jtaptpu fuq spallejhom stess talli – għaġeb tal-għeġubijiet – għamlu dak li ordnatilhom il-qorti fi Frar li għadda, jiġifieri li jreġġgħu lura l-bejgħ tal-isptarijiet lil ġgajta ta’ frodisti u ħallelin u dan minkejja r-reżistenza li baqgħu jagħmlu għat-teħid ta’ pass bħal dan.

Fis-sentenza li taw il-bieraħ, l-Imħallfin wrew ir-rabja tagħhom u għamlu stqarrijiet li ma tridx wisq biex tifhem it-tifsira vera tagħhom. Dawn warrbu l-argumenti kollha li għamlu l-azzjonisti ta’ Steward Health Care u qalu li l-iskuża li ġabu x-xerrejja Amerikani fis-sens li dawn ma kienux jafu bil-qerq tal-VGH m’hi skuża xejn. Il-kumpannija li kienu ser jixtru kienet ħatja li wettqet atti ta’ qerq. U huma kienu xtrawha bil-qerq tagħha b’kollox. Il-fatt li jkunu nbidlu s-sidien ta’ kumpannija li wettqet atti ta’ qerq b’ebda mod ma jħassar id-dnubiet tagħha.

Il-prinċipju japplika wkoll għall-parti l-oħra. Il-fatt li kienu Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri, Chris Cardona u Edward Scicluna li biegħu l-isptarijiet m’għandu x’jaqsam xejn. Robert Abela, Chris Fearne u l-bqija kienu biss dawk li kienu ħadu r-riedni flokhom u dak li seħħ f’Jannar 2020 ma ħassarx ir-responsabbiltajiet ta’ gvern li – kif stqarrew l-Imħallfin – naqas mid-dmir li jħares l-interess nazzjonali u minflok għażel li jipproteġi l-interessi ta’ dawk li kienu qed jisirqu lill-pajjiż.

Għal aktar minn darba l-Imħallfin ikkwotaw il-frażi bl-Ingliż “the real deal” u dan mingħajr ma semmew il-persuna li kien lissen dan il-kliem. Ma kellhomx għalfejn isemmuh għaliex kulħadd jaf min kien qal dawn il-kelmiet. Madankollu l-Imħallfin ikkwotaw dawn il-kliem għaliex riedu li aħna nisimgħuhom. Leħen Chris Fearne minn Diċembru tal-2019 – dakinhar li ppermetta lil VGH li jisirquna fid-dawl tax-xemx – rieduh li jidwi f’moħħna.

Il-bieraħ l-Imħallfin staqsew l-istess mistoqsija li konna għamilna lil Chris Fearne f’Diċembru 2019. Jekk huwa minnu li l-ishma li nxtraw mill-Amerikani kien “the real deal”, allura x’kien id-deal li kien sar mal-VGH? Falz? Qarrieqi? M’hemmx dubju li kien falz u qarrieqi.

U dan Chris Fearne kien jafu mill-bidu nett.

Ma jiġix issa joqgħod jilgħabha tal-ħaruf u mingħalih ser jgħatti x-xemx bl-għarbiel għaliex hu m’huwiex Konrad Mizzi. Fejn tidħol ir-responsabbiltà kriminali, għandha ssir distinzjoni bejn ministru u ieħor. Wieħed jista’ biss jinstab ħati ta’ delitt kriminali jekk hu stess ikun wettqu. Dwar dan bi ħsiebni nikteb band’oħra.

Ir-responsabbiltà ministerjali hi ta’ għamla differenti. Hi waħda kollettiva għaliex kull ministru għandu r-responsabbiltà kostituzzjonali li jagħmel l-għassa fuq l-kollegi tiegħu. Din, wara kollox, hi r-raġuni għala jsiru laqgħat tal-kabinett ġimgħa wara ġimgħa: biex ilkoll ikunu jafu bid-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.

Meta qorti tiddeċiedi li l-gvern kien f’konfoffa ma’ interessi kriminali kontra l-interessi nazzjonali, din hi raġuni għala gvern għandu jiġi xolt u ssir elezzjoni bikrija. Meta qorti tikkonkludi b’mod definittiv li l-gvern, minflok qabeż għall-vittmi, qabeż għall-frodisti, jitfaċċa mill-ewwel it-test finali tad-demokrazija.

U jekk gvern li ġab ruħu kontra l-interessi nazzjonali jibqa’ fis-setgħa, d-demokrazija tkun ħadet daqqa ta’ ħarta kbira u minflok gvern tal-poplu jkollna gvern tirann li hu għadu tal-poplu .

Tmien snin ilu kienu serqulna l-isptarijiet.

Issa li ħadnihom lura f’idejna, serqulna d-demokrazija.