Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Ġustizzja Karol Aquilina għadu kemm xandar stqarrija tal-PN li tesprimi n-nuqqas ta’ qbil tal-Partit mal-emendi li l-gvern irid igħaddi fil-liġijiet li jagħtu s-setgħa lill-istat biex jiffriża l-ġid ta’ dawk il-persuni li jkunu mixlijin b’ħasil ta’ flejjes maħmuġin.
L-istqarrija tal-PN tgħid li l-gvern irid bilġri jgħaddi l-emendi mill-Parlament “għal raġunijiet li huma ovvji u li huma magħrufin” – din hi riferenza għal dak li jista’ jseħħ fil-ġejjieni fejn jista’ jagħti l-każ li l-eks prim ministru Joseph Muscat jiġi mixli b’ħasil ta’ ħlasijiet illegali ta’ flejjes li hu kien irċieva mill-VGH b’rabta mal-privatizzazzjoni-ħadma tat-tliet sptarijiet pubbliċi.
L-istqarrija tkompli tgħid li jeżistu xi sentenzi tal-qorti li jistgħu jiġġustifikaw tibdiliet fil-liġi. Madankollu l-piż tal-prova li xi parti mill-ġid tal-mixli ġiet mill-ħasil ta’ flejjes maħmuġin m’għandha qatt tgħaddi mid-difiża għal għand il-prosekuzzjoni. Fil-fehma tal-Oppożizzjoni, dan il-piż għandu dejjem jinġarr mill-mixli.
Fl-istqarrija tiegħu Karol Aquilina jistieden lill-gvern sabiex mit-tibdiliet proposti jeskludi d-delitti marbutin mal-korruzzjoni bl-istess mod kif jinsabu esklużi dawk id-delitti li huma marbutin mat-traffikar tad-droga. Fil-fehma tal-Oppożizzjoni, l-liġi li tipprovdi li l-ġid ta’ dawk li jkunu mixlijin b’ħasil ta’ flejjes maħmuġin kif ukoll b’tixħim u korruzzjoni għandu jkun iffriżat għandha tibqa’ kif inhi llum. U dan sabiex il-liġi tkun tapplika wkoll fil-konfront ta’ Joseph Muscat.
Illum il-Parlament mistenni jiddiskuti l-emendi proposti għall-ewwel darba u l-gvern qed jindika li jixtieq li jgħaddihom qabel il-festi tal-Milied.
Diġà tkellimt dwar l-emendi proposti għal-liġi f’diskors li għamilt f’Brussel il-ġimgħa li għaddiet.