Huwa minnu li, sakemm in-natura umana tibqa’ dik li hi, ser ikun hemm ukoll it-tentazzjoni għat-twettiq tal-korruzzjoni. Saħansitra anki jekk din il-korruzzjoni tieħu forma xi ftit jew wisq sofistikata. U l-korruzzjoni taf tkun agħar jekk din titwettaq b’mod sfaċċat. Għaliex min ixaħħam fuq xi kuntratt pubbliku maħsul bis-saħħa ta’ diversi strutturi offshore jaf jidher ferm aktar rispettabbli mit-“tħanżir” li tħanżret fih Rosianne Cutajar.

Meta wieħed jixxaħħam minn xi kuntrattur, wieħed mhux dejjem jifhem li fl-aħħar mill-aħħar ikun qed jisraq mill-kaxxa ta’ Malta. Għaliex, wara kollox, dak li jxaħħam jispiċċa biex jifdi l-ispiża tat-tixħim li jkun wettaq meta joħroġ il-kont tiegħu lill-gvern.

Rosianne Cutajar m’għamlitx użu minn sensar u f’butha daħħlet kemxa ġmielha mħallsa lilha minn aġenzija tal-gvern u dan talli m’għamlet xejn. Fi kliem ieħor, serqet mill-kaxxa ta’ Malta u ma kellha xejn x’turi f’xogħol li suppost ħadmet. L-Awditur Ġenerali ma sab ebda traċċa ta’ prova li kienet wettqet xi xogħol. Il-“klijent” tagħha, jiġifieri tal-Institute for Tourism Studies, ma kellhomx il-ħila juru li kienet wettqet xi xogħol. Litteralment tħallset il-flus ta’ xejn.

Il-frodi li wettqet Rosianne Cutajar metaforikament jixbaħ munzell żibel.

Meta kien qed igħarbel dan il-każ, il-Kummissarju tal-Istandards stqarr li għalkemm ir-regolamenti ma jagħtuħx is-setgħa li jieħu passi, dan ma kienx ifisser li b’xi mod jaqbel ma’ dak li kienet għamlet Rosianne Cutajar. Ejjew għall-mument ninsew li Rosianne Cutajar tħallset flejjes talli m’għamlet xejn (kif, wara kollox, ikkonkluda l-Awditur Ġenerali). Il-Kummissarju fakkar li tal-OECD kienu rrakkomandaw li deputati parlamentari tal-gvern li m’humiex ministri m’għandhom jingħataw ħatriet mill-gvern, anki jekk dawn – kif wieħed għandu jistenna – jaħdmu u jitħallsu tax-xogħol li jwettqu. Dan għaliex deputati parlamentari tal-gvern li jingħataw ħatriet u jitħallsu mhux biss ma jistgħu qatt ikunu ndipendenti mill-gvern tal-ġurnata, iżda wisq inqas ikunu f’pożizzjoni li jgħarblu l-imġiba tiegħu.

Il-Kummissarju seta’ semma’ li r-rakkomandazzjoni li għamlu tal-OECD tixbaħ dik li kienu għamlu tal-Kummissjoni Venezja u l-GRECO tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-gvern ilu jinjora din ir-rakkomandazzjoni għal 10 snin sħaħ.

Kienet lanqas leħqet nixfet il-linka proverbjali fuq ir-rapport tal-Kummissarju meta smajna li deputat parlamentari ieħor ingħata ħatra oħra mill-gvern. Il-maħtur huwa d-deputat Omar Farrugia li issa nħatar biex imexxi l-aġenzija sportiva nazzjonali ta’ Malta. Farrugia huwa eks-skrivan ma’ bank li, fid-19 il-xahar li ilu fil-Parlament, qatt ma tniffes dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-isport. Għal ġieħna, qatt ma lissen kelma, qatt ma kiteb xejn u qatt ma wera’ l-iċken interess fis-suġġett.

Ir-rapport tat-Times of Malta dwar din l-aħbar fih x’wieħed jomgħod. Min xandar ir-rapport ipparaguna l-ħiliet ta’ Omar Farrugia ma’ dawk tal-predeċessur tiegħu li hu professur tax-xjenza sportiva u espert fl-amministrazzjoni tal-isport. Iżda Farrugia għandu l-aqwa ħaġa – huwa deputat parlamentari tal-Labour u dan huwa biżżejjed biex jikkwalifikah għall-ħatra.

Ma nafx Omar Farrugia hux ser jagħmel bħalma għamlet Rosianne Cutajar u jitħallas talli ma jkun għamel xejn. Iżda li huwa ċert hu li m’huwiex kwalifikat għall-ħatra li ngħata daqskemm ma kienetx kwalifikata Rosianne Cutajar meta nħatret bħala konsulenta fuq affarijiet li qajla tifhem fihom. Farrugia m’huwiex tal-lant u għaldaqstant ix-xogħol li jista’ jwettaq ftit ser ikollu valur.

Araw x’kiteb Alfred Sant illum. Nissupetta li f’moħħu kellu persuni bħali meta kiteb li “dawk li, b’mod regolari, jilmentaw dwar il-mod kif – skont huma – Malta saret qisha Sodoma u Gomorra taħt gvern Laburista x’aktarx qed jagħmlu ħsara lill-kawża tagħhom stess.”

Sant kompla jikteb: “L-argumenti li jinġiebu, il-kritika li jagħmlu u r-retorika tal-iskandli u tal-protesta li jużaw tant saru ripettitivi u mistennija li saru monotoni.”

Nammetti li ninsab ħati tal-akkużi. Il-kitba tiegħi iġġiegħel lin-nies jittewwbu u niskanta kif il-qarrejja għadhom jaqraw dak kollu li ktibt s’issa.

Iżda x’alternattiva jista’ jkun hemm meta fl-istess ġimgħa li l-Kummissrju tal-Istandards u l-Awditur Ġenerali jikkonkludu kif ikkonkludew dwar Rosianne Cutajar, jiġi l-gvern u jagħmel ħatra kważi identika fil-konfront ta’ Omar Farrugia? M’hemm ebda alternattiva.

Is-serq u l-korruzzjoni mberkin mill-gvern b’liema mod nistgħu qatt inpinġuhom bl-isbaħ kuluri biex nagħmluhom interessanti u eċċitanti?

Aħna u ngħixu f’repubblika tal-banana, kif qatt nistgħu npinġu sabiħ ir-retorika monotona tal-protesta ?