Il-gvern qed jinqeda’ b’George Tabone “tal-Gram” biex imexxi ‘l quddiem l-argument politiku favur it-tneħħija tal-iffriżar temporanju tal-ġid f’każijiet ta’ ħasil ta’ flejjes maħmuġin. Isimgħuh jitkellem b’ton ta’ qsim il-qalb f’intervista mat-Times of Malta li matulha ddeskrieva t-tbatija li għadda minnha wara li ġidu kien ġie ffriżat temporanjament sakemm kien ġie liberat mill-qorti tal-akkużi kriminali li nġibu kontrih.

Il-provi kienu ġew mgħarbla minn żewġ qrati u spiċċa biex ġie liberat mill-Imħallef Giovanni Grixti fil-Qorti tal-Appell. Mhux bi ħsiebni nidħol fil-mertu tal-każ, li ngħarbel dak li kienu xehdu x-xhieda jew b’xi mod nalludi li seta’ kien ħati tal-akkużi li kienu nġibu kontrih. Ħalliel xehed li kien biegħ deheb misruq lil George Tabone li huwa sid ta’ negozju magħruf Gram li jinnegozja d-deheb. Il-ħalliel xehed dwar il-laqgħat li qal li kien ikollu ma’ Tabone u kien iddeskriva fid-dettall l-għamla nterna tal-uffiċċji ta’ Tabone.

Id-deheb misruq li suppost kien xtara Tabone qatt ma nstab. M’għandniex xi ngħidu, forn jaħraq jista’ jdewweb u jibdel il-forma u jdewweb kull biċċa deheb u l-istess deheb jista’ jingħata forma totalment ġdida. Iżda l-qorti kienet illiberat lil Tabone għar-raġuni li l-oġġetti tad-deheb li kien tkellem dwarhom il-vittma tas-serq ma kienux instabu fil-pussess tiegħu.

Sakemm inqatgħet is-sentenza finali, George Tabone stqarr li n-negozju tiegħu ħa daqqa ta’ ħarta u li bis-saħħa ta’ dan kienu gawdew il-kompetituri tiegħu. Madankollu xorta waħda żamm rabta man-negozju bis-saħħa tal-fatt li s-sidien il-ġodda tan-negozju tiegħu kienu qabbduh biex jagħmilha ta’ konsulent u fl-istess waqt tħalla jaqla’ miżerja ta’ paga ta’ €13,000 fis-sena, li hi l-ogħla paga li jista’ jaqla’ kull min ikun suġġett għall-iffriżar temporanju ta’ ġidu. Il-liġi l-ġdida ser tibdel dan kollu u Tabone jsostni li l-liġi kif inhi llum tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu għaliex, sakemm jibqa’ preżunt innoċenti, għandu jitħalla jaqla’ flus kemm ikun jiflaħ.

George Tabone stqarr ukoll li kien messu tħalla jgawdi flejjes li kien “ingħata” (minn, ngħidu aħna, ħbieb jew membri tal-familja) u li kien messu tħalla jkompli jmexxi n-negozju leġittimu tiegħu sakemm inqatgħet is-sentenza.

Bis-saħħa tal-emendi proposti fil-liġi, dak hu li ser iseħħ. Jekk tiġi applikata l-liġi l-ġdida fil-konfront ta’ George Tabone, l-gvern ikun jista’ jitlob l-iffriżar ta’ kemm jiswa’ d-deheb misruq li allegatament kien xtara. Fi kliem ieħor, il-gvern ikun qisu qed jaqfillu kexxun wieħed fin-negozju tiegħu u fl-istess waqt iħalli l-kxaxen l-oħrajn miftuħin beraħ biex b’hekk ikun jista’ jkompli jinnegozja bħallikieku ma’ ġara’ xejn.

Għall-mument, ejjew ninsew lil George Tabone. Lil dan semmejtu għaliex, bħal dawk li kull sena jħajjru lin-nies jagħtu l-flus għall-Istrina, għażel li jiddefendi l-liġi li qed jipproponi l-gvern.

Kif tista’ ma ċċempilx lil Jonathan Attard u tgħidlu jagħtih midalja lil George Tabone?

Aħsbu ftit f’dak in-negozjant li tgħidx x’ħila għandu li jħajjar lin-nies biex tixtri d-deheb mingħandu għar-raġuni li jbiegħ deheb bi prezz irħas minn dak tal-kompetituri tiegħu. Kemm il-darba smajna b’negozjanti bħal dawn li ħafna drabi ssibhom jimirħu bir-riklami tagħhom fuq ċerti stazzjonijiet tal-televiżjoni qishom xi artisti.

Id-deheb li jkollhom dawn it-talin dejjem jinbiegħ xi ftit orħos mid-deheb li jinxtara’ minn bnadi oħrajn. U dan id-deheb ikun xi ftit orħos għaliex – tehmiża ‘l hawn u lil hinn – jekk fl-istess waqt ikollok il-ħila li tixtri oġġett ieħor jew oġġetti oħrajn, tkun tista’ tħallas għal dawn l-oġġetti fi flus kontanti u tkun tista’ tiffranka l-ħlas tal-VAT. Għaldaqstant tingħata riċevuta għax-xiri ta’ oġġett wieħed. Għall-oġġetti l-oħrajn tingħata skont ta’ 20% u ma tingħatax riċevuta. U jekk ikun jeħtieġlek tirritorna xi oġġett li ma jkollokx riċevuta għalih, ma jkollokx għalfejn tħabbel rasek.

Tafu għaliex dawn it-talin għandhom il-ħila li jbiegħu deheb bl-irħis? Eżatt bħall-kompetituri tagħhom, dawn l-imberkin negozjanti jixtru d-deheb mingħand in-nies u mingħand fornituri regolari u joħorġu wkoll poloz ta’ assikurazzjoni fuq kull fornitura.

Iżda l-istorja ma tintemmx hawn. Il-ħallelin jafu li deheb misruq jista’ jinbiegħ b’nofs il-prezz tas-suq lil negozjant magħruf. U n-negozjant għandu l-ħila li jħallas fi flus kontanti – il-kxaxen tiegħu x’aktarx ikunu mimlijin karti tal-flus għaliex bosta huma dawk li jippreferu jħallsu fi flus kontanti biex jiffrankaw ħlas ta’ VAT. U ftit wara li jitħallas il-fornitur, id-deheb misruq ikun diġà ddewweb u mogħti forma differenti. L-għada stess dan id-deheb ikun diġà ddaħħal fil-vetrina tal-ħanut espost għall-bejgħ bi prezz kompetittiv.

Nagħmilha ċara li mhux kull oġġett tad-deheb li jbiegħu dawn it-talin ikun misruq. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-oġġetti ma jkunux misruqin. Iżda xi ftit minnu jkun deheb misruq li jingħata forma ġdida u li jinbiegħ bi prezz li jkun irħas minn dak tas-suq. Prezz li naturalment jattira x-xerrejja li jkunu lesti li jħallsu bi flus kontanti għal negozju li għalih ma tinħariġx riċevuta.

Din m’hi xejn ħlief kriminalità organizzata.

“Negozjant” ikun jista’ jiżgura għalih monopolju ekonomiku bis-saħħa tal-vjolenza u ta’ forom oħra ta’ pressjoni. F’każijiet bħal dawn, tkun qed issir pressjoni fuq is-suq bis-saħħa tal-preżenza ta’ deheb li jinbiegħ bi prezz irħis. L-istess ħaġa tista’ sseħħ fil-qasam tas-sajd għat-tonn, fil-qasam tal-imħatri u fil-qasam tal-bini ta’ appartamenti li ma jkunux ta’ lussu. L-organizzazzjoni tiġi mitmugħa minn wara l-kwinti minn kriminali li ma jkunux fehmu eżatt kif taħdem is-sistema. U sadattant, lill-hekk imsejjħa negozjanti erħilhom jilgħaqu l-pettijiet taż-żraben tal-aġenti tal-infurzar, tar-regolaturi u tal-politiċi u jiffinanzjawlhom il-kapriċċi u l-kampanji elettorali tagħhom biex b’hekk jibqgħu jimirħu dejjem fil-wiċċ. Dan kollu jsarraf f’kelma waħda: MAFJA.

Kif tista’ qatt iġġib prova li ikun qed iseħħ dan kollu jekk mhux b’diffikultà kbira u – f’pajjiżna –  mingħajr il-benefiċċju ta’ liġijiet li huma meħtieġa biex ikissru dawn l-abbużi u li jibgħatu l-ħabs lil min jabbuża?

Fil-qasam tan-negozju tad-deheb, ladarba oġġett tad-deheb jiddewweb u jingħata forma differenti, ma tkunx tista’ ssir taf bl-oriġini tiegħu. Għaldaqstant xhud li, ngħidu aħna, jista’ jkun ukoll bil-vizzju tad-droga u li jammetti li seraq, ser jitwemmen f’awla tal-qorti? F’pajjiż żgħir bħal tagħna qatt nistgħu nagħmlu sting operations? Mingħajr l-għodda ta’ liġijiet anti-mafja, l-kundanni mill-qrati huma rari ħafna.

F’Malta għandna liġijiet ta’ kontra l-ħasil ta’ flus maħmuġin u dawn – sa dakinhar li jiġu emendati bil-proposti li issa qed jagħmel il-gvern – jistgħu ikunu ta’ inkonvenjent temporanju għal dawn in-“negozjanti”. Għalkemm il-liġijiet li għandna m’humiex ħorox biżżejjed, l-iffriżar temporanju tal-ġid jista’ jservi biex iwaqqaf jew inaqqas l-effetti tal-abbużi.

Iżda dan mhux dejjem ikun il-każ.

Jekk, qabel l-arrest tiegħu, l-mixli ma jkunx ħasibha darbtejn li jinnegozja bis-saħħa tal-użu ta’ flus kontanti u mingħajr audit trail, hu minn ewl id-dinja li ebda ffriżar temporanju tal-ġid ma jista’ jżommhom milli jwettqu l-abbużi. Jekk min jabbuża jitqabbad bħala “konsulent” mis-“sidien il-ġodda” tan-negozju, x’jista’ jżommhom milli jaqsmu l-profitti bejniethom? Jekk, qabel l-arrest tiegħu, l-mixli jkun għamel użu mill-ħanut tiegħu biex jitgħatta l-għemil kriminali tiegħu, x’qatt jista’ jżommu milli juża l-kuntratt ta’ mpjieg tiegħu bħala konsulent biex jgħatti l-fatt li n-negozju tiegħu fil-fatt baqa’ għaddej normali u dan minkejja l-impożizzjoni mill-qorti tal-iffriżar temporanju tal-ġid?

L-emendi l-ġodda fil-liġi ser iwasslu biex ineħħu l-inkonvenjenzi għall-akkużati u fl-istess waqt ser ixejjnu ċ-ċansijiet li l-qorti ssib xi ħtija. Nieħdu eżempju: ħalliel jinqabad jisraq u mal-pulizija jikxef li kien biegħ id-deheb misruq lil ċertu negozjant. Il-valur tad-deheb misruq jista’ jiġi kalkulat mill-valur tad-deheb misruq li jkun qed jiġi investigat. Il-pulizija tħarrek lin-negozjant fil-qorti u tixlieh li biegħ oġġetti misruqa lil ħaddieħor u tinħareġ ordni biex jiġi ffriżat ġid tiegħu ekwivalenti fil-valur tad-deheb misruq li suppost intuża f’dan in-negozju.

Sadattant, il-mixli jkompli jinnegozja d-deheb misruq li jkun ġie f’idejh il-ġimgħa ta’ qabel u dak li ser jiġi f’idejh il-ġimgħa d-dieħla. U r-rota tibqa’ ddur. Dan ifisser li, minkejja kollox, il-mixli jibqa’ jżomm f’idejh ir-riżorsi  u l-għodda kollha bl-għan aħħari li jġib il-boċċa tiegħu qrib il-likk. Lill-mafja ma tista’ qatt tegħlibha meta jkollok pistola ppuntata lejn rasek. U b’dawn l-emendi ser niżguraw li l-pistola tibqa’ ppuntata lejn l-irjus.

Huwa minnu li George Tabone sofra inġustizzja. Anki li kieku kien ħati tal-akkużi li kienu nġiebu kontrih – il-qrati diġà ddikjaraw li ma kienx ħati – mhux sewwa li kellu jistenna 8 snin biex tinqata’ s-sentenza. U dan it-tul eżaġerat ta’ żmien, fil-fehma tiegħi, jammonta għal ksur tad-drittijiet fundamentati tiegħu.

Id-dewmien eżaġerat huwa l-problema. Problema li qed tikser id-drittijiet fundamentali tan-nies. U din hi appuntu l-problema li l-gvern għandu jsib tarfha.

Iżda ma’ tat-Times of Malta, George Tabone ma tkellmix dwar id-dewmien eżaġerat biex jinqatgħu s-sentenzi. Ma qalilhomx li ladarba kien ġie mixli, s-sentenza kien messha nqatgħet fi żmien sena mill-ewwel qorti u fi żmien sena oħra mill-qorti tal-appell. Li kieku tkellem b’dan il-mod, kont inkun l-ewwel wieħed li naqbel miegħu.

Iżda George Tabone għażel li jkun il-pappagall tal-gvern. Minflok isewwi l-kwistjoni tat-tul eżaġerat li qed jittieħed biex jinqatgħu l-kawżi, l-gvern qed jiġi jaqa’ u jqum minn dan kollu u ser jiżgura li jekk negozjant ibiegħ f’deheb misruq, m’hu ser ikun hemm xejn li jkun jista’ jżommu milli jkompli qisu mhux hu bin-negozju illegali tiegħu.

Dan il-pajjiż jinsab maqbud mis-swaba tal-qarnita mafjuża.