Huma u jwieġbu għall-istqarrijiet tat-Times of Malta, l-Prim Ministru u martu kellhom il-ħila li jkunu kategoriċi u vagi fl-istess ħin. Dan il-ġurnal talab lill-koppja Abela tikkummenta dwar analiżi interna li kienet saret mill-bankiera tagħha fiż-żmien meta Robert Abela leħaq Prim Ministru. Dan ir-rapport intern ħareġ bil-mistoqsija li bosta huma dawk li jistaqsuha ta’ sikwit: dan il-ġid kollu l-koppja Abela kif akkwistatu?
Il-bankiera ma jistgħux jiġu mixlija b’għira fil-konfront ta’ din il-koppja. Il-liġijiet jimponu fuqhom id-dmir li jiżguraw li kull sold tal-klijenti li jkollhom fil-pussess tagħhom ikunu waslulhom minn sorsi leġittimi u li ma jinqabdux igħattu xtur il-klijenti tagħhom f’dik li hi ħlas ta’ taxxa.
Biex inkun ġust mal-koppja Abela, għandi ngħid li r-rapport intern tal-Bank of Valletta li ssemma’ mill-ġurnal għamel sensiela ta’ mistoqsijiet iżda ma pprovdiex tweġibiet konklużivi dwar l-imġiba tal-koppja Abela. Din il-koppja għadha sal-lum tinqeda’ bis-servizzi tal-BOV u l-bank jidher li hu sodisfatt li ma saret ebda talba biex dawn il-klijenti llustri tiddabbrilhom rashom.
Jekk dan fil-fatt huwa l-każ, jista’ jagħti l-każ li lill-bankiera l-koppja Abela għaddietilhom provi li m’humiex aċċessibbli għall-pubbliku. Li kieku lill-bankiera l-koppja Abela weġbithom bil-mod kif wieġbet lil Jacob Borg tat-Times of Malta, konna nispiċċaw ninfaqgħu bid-daħk. It-ton tat-tweġibiet tagħhom kien wieħed miżgħud bil-paniku: “Għamilna kollox kif suppost. X’wiċċ għandek timmaġina mod ieħor?” Tweġiba bħal din ċertament ma tinżilx għasel ma’ bank. U għaldaqstant lanqas m’għandha tinżel għasel għall-pubbliku, wisq inqas meta din tkun ġejja minn fomm il-prim ministru.
Il-bużillis jinsab fil-fatt li l-koppja Abela m’hix kontabbli lejn il-bankiera. Kulma għandhom jagħmlu hu li jagħtu sodisfazzjon dwar il-provenjenza ta’ flushom u jekk il-bankiera ma jkunux sodisfatti bit-tweġibiet li jkunu ngħatawlhom, ikollhom jinqdew b’bank ieħor. Iżda kienu x’kienu l-mistoqsijiet li setgħu sarulhom, il-fatt jibqa’ li wieħed ma jista qatt jimmaġina li bank li l-gvern, bħala sid ta’ biċċa minnu u li għandu s-setgħa li jagħżel lil min imexxih, ser jasal biex iħassar isem il-prim ministru u dak ta’ martu mil-lista tal-klijenti tiegħu. Wara kollox, il-bank jaf sewwa li kieku l-prim ministru ma jkunx irid lir-regolatur jinvestiga l-imġiba tal-bank fil-konfront tiegħu, l-prim ministru jinsab fil-pożizzjoni li jiżgura li jingħalqu l-għajnejn.
Madankollu l-koppja Abela tibqa’ kontabbli lejn il-poplu.
Il-prim ministru u martu għandhom ftit aktar minn erbgħin sena. Djun m’għandhomx iżda għandhom kemm Alla ħalaq proprjetajiet madwar Malta li għandhom valur li ma tkopriħx bid-dħul mis-servizzi legali. Minn fejn ġew il-flus biex setgħu jinvestu f’dan il-ġid kollu?
Minn meta ‘l hawn li għandna prim ministru li jidher li jinqala’ ħafna biex jevita r-regolamenti li jfassal il-gvern immexxi minnu stess? Minn meta ‘l hawn li l-koppja Abela tħallas l-ispejjeż personali tagħha mill-kontijiet bankarji tal-klijenti? Minn meta ‘l hawn li din il-koppja tħaddem in-negozju personali tagħha minn proprjetà pubblika li kirja tagħha tkun skadiet? Kif inhi din li l-prim ministru jasal biex jiddeposita ċekkijiet ta’ mijiet tal-eluf miktubin favur terzi persuni? Kif inhi din li l-prim ministru jitħallas minn impjegat tiegħu li jkun ingħata mpjieg mal-gvern?
Issa li nkixef dan it-taħwid, min jaf x’taħwid akbar hemm u li għad irid jara d-dawl tax-xemx li jista’ jitfa’ dawl fuq il-provenjenza tal-miljuni tagħhom?
L-uffiċċju tal-prim ministru lmenta li dawn il-mistoqsijiet ipprovokaw konklużjonijiet spekulattivi. Għal dan jaħti biss Robert Abela. Il-mistoqsijiet nibtu għaliex il-ġid ta’ Robert u Lydia Abela qatt ma ġie spjegat. U ġaladarba dawn dejjem naqsu li jispjegaw, ikollna nikkonkludu li m’għandhomx il-ħila li jispjegaw. Din problema minnha nnifisha.
Naf li din hi idea kontroversjali b’mod partikolari għal dawk li jiġu jaqgħu u jqumu x’jagħmel jew x’jonqos li jagħmel il-prim ministru kemm il-darba l-prim ministru jkun qed imexxi lill-partit favorit tagħhom. Iżda l-fatt jibqa’ li l-prim ministru ma jistax ikun ukoll evażur tat-taxxa. M’għandu qatt ikun hemm persuna diżonesta sservi bħala prim ministru. Jekk huwa minnu li kien tħallas dawn il-flus kollha meta ma kellux is-setgħa f’idejh, dan ifisser li llum jiddependi minn dawk li kienu ħallsuh biex jgħattilhom xturhom. Ħażin li jkollna prim ministru li jkun espost għar-rikatti.
Fl-aħħar mill-aħħar, din hi problema li tinsab f’ħoġorna. M’għandniex prim ministru mifqugħ bil-flus, iżda prim ministru li għandu ħafna x’jaħbi, li m’għandux tweġibiet għall-mistoqsijiet u li tgħabba b’obbligazzjonijiet li jesponuh għar-rikatt.
Dan suppost huwa l-aqwa fost kulħadd. Fil-fatt huwa ħawwadi prim.