L-istorja li fi ħdan il-Partit Laburista hemm id-diżgwid dwar ir-ritorn fix-xena politika ta’ Joseph Muscat hi aħbar tajba għall-Partit Laburista stess. B’dan mhux qed nirreferi għas-sodisfazzjon li ħassew xi politiċi Nazzjonalisti hekk kif feġġet din l-aħbar. In-Nazzjonalisti jistgħu forsi jikkunslaw li ċertament m’għandhomx monopolju fejn għandu x’jaqsam id-diżgwid intern.
B’dan irrid infisser li jekk huwa minnu li fi ħdan il-Partit Laburista teżisti diversità ta’ opinjonijiet, allura dan il-Partit m’huwiex is-setta li jidher li hu mal-ewwel daqqa t’għajn. Fil-Partit Laburista mhux kull membru qed isegwi lil Joseph Muscat bħan-nagħaġ lejn xifer l-irdum bil-għamad fuq għajnejh. Uħud minnhom, dan għadhom jagħmluh. Iżda dan jista’ jingħad ukoll għall-kotra tal-Laburisti?
Il-bieraħ Emanuel Cuschieri wassal il-priedka lill-partitarji mill-karrozza tiegħu. Din id-darba l-għedewwa ma kienux tal-PN, ta’ Repubblika, l-Knisja jew xi xitan estern li qed ifittex biex jaħkem lill-maħbub Partit Laburista tiegħu. Il-bieraħ l-għadu kien il-Partit Laburista stess li, skont Cuschieri, jinsab fil-qrib li jċedi għall-pressjonijiet li qed jagħmlu xi negozjanti li ma semmiex isimhom fuq Robert Abela biex dan ma jippermettix ir-ritorn ta’ Joseph Muscat fl-arena politika.
Ma nafx jekk dawn in-negozjanti tassew jeżistux jew le. Għal dawn l-aħħar tletin sena permezz tar-radju, Cuschieri ma waqaf qatt ihedded li jikxef l-iskandli kemm il-darba ma jiġux aċċettati kundizzjonijiet li jogħġbu jimponi. Iżda bħalma dejjem ġara’, dan it-theddid jispiċċa jmut fuq ommu. Theddid retoriku li jħobb jagħmel Cuschieri biex jipprova jagħti kredibilità lill-istqarrijiet tiegħu. Qisu dak in-nanu li jipproġetta dell ġgantesk tiegħu innifsu fuq ħajt biex jagħti mpressjoni eżaġerata tat-tul tiegħu.
Skont Cuschieri, dawn in-negozjanti li ma semmiex min huma u li possibilment ma jeżistux, qed ifittxu li jżommu lil Muscat milli jidħol lura fl-arena politika biex ikunu jistgħu jħarsu l-interessi kummerċjali tagħhom. U sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jirbħu aktar kuntratti. Li jfisser li, kemm il-darba jirritorna Muscat, dawn il-kuntratti ma jkunux jistgħu jibqgħu jirbħuhom.
X’ried ifisser Cuschieri? Dan jidher li qed igħid xi negozjanti qed igawdu minn dħul ġej minn kuntratti tal-gvern bis-saħħa tal-fatt li Muscat jinsab barra mill-arena politika. Fi kliem ieħor, qed jimplika li bir-ritorn ta’ Muscat dawn il-kuntratti ma jkunux jistgħu jibqgħu jirbħuhom.
Mal-ewwel daqqa t’għajn, dak li stqarr Cuschieri huwa tal-blieħ għaliex effettivament qed jixli lill-gvern Laburista b’atti ta’ korruzzjoni u li l-istess gvern qed jipprova jgħatti x-xtur li jistgħu jinkixfu bir-ritorn ta’ Muscat fl-arena politika.
Issa ejjew niflu ftit dak li ma jidhirx mal-ewwel daqqa t’għajn. Jekk dawn in-negozjanti jeżistu tassew u jekk Cuschieri għandu raġun jistqarr li dawn huma beżgħana li jitilfu l-kuntratti kemm il-darba Muscat jirritorna fix-xena politika, dan jista’ jseħħ għaliex Muscat għandu l-bażużli tiegħu li jistgħu jgawdu minn dan ir-ritorn a skapitu tal-bażużli ta’ Abela. Cuschieri huwa ħaġa waħda ma’ Muscat u għaldaqstant ħadd m’għandu jiskanta li dan jippreferi lill-bażużli korrotti tal-imgħallem tiegħu u mhux lill-bażużli korrotti ta’ ħaddieħor.
Issa jekk huwa minnu li jeżistu negozjanti li qed jagħmlu pressjoni fuq il-Partit Laburista biex dan ma jħallix lil Muscat jerġa’ lura fl-arena politika u Cuschieri fehem ħażin il-motivazzjoni tagħhom, jista’ jkun il-każ li sa fl-aħħar hemm uħud li qed japprezzaw kemm hi mportanti li ma tittappanx ir-reputazzjoni tal-pajjiż.
Ħadd m’hu jiddubita li Joseph Muscat qed ihedded li jirritorna fl-arena politika biex jipprova jsalva ġildu billi jagħmel l-arja mal-istituzzjonijiet. Ma jridx li jiġi arrestat u mixli b’korruzzjoni u tixħim b’rabta mal-ħadma tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Jekk jirritorna fl-arena politika u jsir membru tal-Parlament Ewropew, il-ħsara li ssir lill-Partit Laburista u lill-gvern kemm il-darba jiġi mixli fil-qorti tista’ ġġiegħel lill-alleati li jagħtuh il-protezzjoni. L-immunità li qed jippretendi Muscat hi waħda prattika u mhux waħda legali. Id-demokrazija tagħna qed jittrattaha bħallikieku hi ħwejjġu. Għalih, Malta tista’ tkun bħan-Nikaragwa.
Jekk Muscat jitħalla li jgħaddiha lixxa, l-pajjiż ikollu jħallas prezz ekonomiku għoli għaliex inkunu qed nagħtu l-protezzjoni lil bniedem maħrub. Inkunu wkoll qed insaħħu l-atmosfera ta’ impunità li tkellmu dwarha l-Imħallfin tal-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, liema impunità ixxettlet minn Joseph Muscat għall-benefiċċju tal-bażużli tiegħu, bid-differenza li issa l-impunità tkun ixxettlet mill-bażużli tiegħu biex ikun jista’ jgawdi Muscat stess.
Imġieba bħal din tkun meqjusa bħala sfida lill-FATF, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet l-oħra li ilhom isejħu biex Malta tibda’ tieħu l-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flejjes maħmuġin bis-serjetà. Fl-istess waqt, Malta tkun qed tagħti sinjal lill-kriminali li, kemm il-darba jkollhom lil min jaqlagħhom, ikunu jistgħu jgħadduha lixxa. Speċi ta’, ġaladarba jgħaddiha lixxa hu, għaliex m’għandhux igħaddiha lixxa ħaddieħor ukoll?
Uħud minn negozji jafu li l-industrija tas-servizzi finanzjarji f’Malta m’hix ser tiflaħ għal xi daqqa oħra bid-dħul mill-ġdid fil-lista l-griża. Jafu wkoll li r-ritorn ta’ Joseph Muscat fl-arena tal-politika tkun daqqa ta’ ħarta oħra għar-reputazzjoni ta’ Malta f’għajnejn id-dinja.
Kif tenna’ Cuschieri, m’hemmx dubju li l-prijorità ewlenija ta’ kull negozjant hi li jkun imħares in-negozju u l-ġid tiegħu. Il-bqija tan-nies iżda tkun trid tiżgura li l-ħobża ta’ kuljum tal-eluf ta’ familji fil-pajjiż ma tiġix mhedda u dan għaliex ma jkunx irnexxielna nħassru l-ħsara għar-reputazzjoni ta’ Malta kemm il-darba jerġa’ jitfaċċa Muscat fix-xena.
Negozjanti bħal dawn m’hemmx dubju li jkunu qed ifesfsu f’widnejn il-gvern u l-Partit Laburista u jkunu qed iwissuhom li l-pajjiż ikollu jħallas prezz għoli għal wiċċ bniedem wieħed – (allegat) ħalliel li (allegatament) abbuża mis-setgħa meta kien prim ministru u li sal-lum baqa’ jevita l-konsegwenzi ta’ għemilu.
Jekk, minkejja l-għajjat u t-twerżieq ta’ “Joseph! Joseph!”, fil-Partit Laburista llum hemm min qed jifhem li Joseph Muscat biss għandu ħafna x’jirbaħ jekk jerġa’ jitħalla jidħol għall-ħajja politika, jista’ jkun il-każ li s-sitwazzjoni m’hix ħażina daqs kemm naħsbu li hi.
Tgħid qiegħed noħlom? Cuschieri ser jiżgura li s-sens komun jingħata l-ġenb u jintradam taħt it-trab.