Irrabjani ċertu diskors li lissen Robert Abela fil-Parlament il-bieraħ meta tkellem dwar is-sentenza li tat il-Qorti tal-Appell. Segwu bran mid-diskors tiegħu tal-bieraħ:
Fi ftit kliem, il-Prim Ministru l-bieraħ stqarr li jekk Imħallef ma jaqtax sentenza skont kif ikunu jriduha tal-Oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili mmexxijin minn ħu dak li jinsab bil-qiegħda fuq il-bankijiet parlamentari ta’ faċċata tiegħu – jiġifieri Robert Aquilina – dawn jagħmlu minn kollox biex ikissruh, biex jumiljawh u jagħmlu użu minn kull forma ta’ intimidazzjoni sabiex darb’oħra jiffranka ħafna kritika u jaqta’ s-sentenza skont kif ikunu jriduha huma.
Mal-ewwel daqqa t’għajn, Robert Abela l-bieraħ fetaħ attakk fuq is-soċjetà ċivili. Hi ħaġa tal-iskantament li prim ministru f’pajjiż demokratiku jagħmel użu mill-kelma kollettiva “soċjetà ċivili” biex jipprova jħammeġ ir-reputazzjoni tagħhom. Inkredibbilment lil Robert Aquilina sejjaħlu bħala “l-mexxej tas-soċjetà ċivili”. Ma nafx kemm ser jaqblu ma’ din l-istqarrija tal-Legion of Mary, tar-Richmond Foundation, tal-Malta Today, tal-Fakultà tal-Mediċina, tal-Association of French Expats in Malta u tax-Xhieda ta’ Jehova li dawn ilkoll huma segwaċi ta’ Robert Aquilina. Naħseb li mhux ser jaqblu mal-prim ministru li għażel li jkejjilhom bl-istess kejl.
Iżda huwa fatt li l-prim ministru jeħtieġ li jiskredita lis-soċjetà ċivili kollha u jpinġiha bħala “Nazzjonalista” appuntu għaliex jinsab taħt assedju. Ir-reazzjoni tiegħu tal-bieraħ kienet verżjoni aktar sofistikata tal-għajta Mintoffjana “min m’huwiex magħna, kontra tagħna”.
Iżda dan kien dak li deher mal-ewwel daqqa t’għajn biss. Kliemu ma kienx dirett biss biex iħammeġ lis-soċjetà ċivili, iżda ried ukoll ipinġiha bħala għaqda ta’ saħħa kbira li saħansitra għandha s-setgħa li tinfluwenza s-sentenzi tal-qorti minn barra l-bini tal-qorti. Dwar dan nikteb aktar tard.
Il-bieraħ Robert Abela ried iwassal messaġġ fis-sens li n-nies ma tistax isserraħ rasha mill-indipendenza tal-qrati u mill-oġġettività tas-sentenzi li dawn jagħtu meta l-gvern ikun parti mill-kawża għaliex l-Imħallfin jinsabu mwerwrin mir-reazzjoni tas-“soċjetà ċivili”.
Robert Abela mhux lil tas-soċjetà ċivili jrid jiskredita meta jsejjħilha bħala “nazzjonalista”, jiġifieri “l-għadu”. Hu u jakkużaha li ċċedi għal dak li jiddettaw ta’ Repubblika, fil-mira ta’ Robert Abela hemm il-ġudikatura.
Mhux b’kumbinazzjoni li dan l-attakk għamlu fil-Parlament dakinhar stess li tliet Imħallfin anzjani kkonkludew li l-gvern kien kompliċi f’qerq u frodi a spejjeż tal-poplu. Min hu midħla tal-qorti jaf li l-Imħallfin Mark Chetcuti, Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul huma persuni mill-aktar integri u min jaħseb li dawn qatt jistgħu jkunu influwenzati minn xi prim ministru ndannat jew minn xi grupp tas-soċjetà ċivili, jkun irid idaħħak.
Iżda min m’huwiex midħla tal-qorti – bħall-biċċa l-kbira tas-semmiegħa ta’ Robert Abela – m’għandux idea min huma dawn l-Imħallfin – u hekk għandu jkun. Dawn is-semmiegħa x’aktarx ser jippreferu li jemmnu li meta mħallef jaqta’ sentenza kontra l-partit tagħhom, ikun għamel dan għaliex in-nazzjonalisti jkunu qed iġebbdulu l-ispag u mhux minħabba l-provi skjaċċanti li jkunu nġiebu.
L-attakk li għamel Robert Abela fuq il-ġudikatura kien dwar sentenza li kkonfermat sentenza oħra li kienet ingħatat fi Frar li għadda. Hu u l-gvern tiegħu m’humiex effettwati (materjalment, jekk mhux politikament) mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell u mill-ordni li ngħataw biex iħallsu parti mill-ispejjeż tal-kawża. Il-flus ser joħorġu minn but tal-gvern u ser jiddaħħlu f’ieħor.
Wieħed jista’ biss jimmaġina x’ser tkun ir-reazzjoni ta’ Robert Abela meta l-Imħallfin jaslu biex jisimgħu l-provi f’kawżi kriminali kontra dawk li kienu parti mill-konfoffa biex jinsteraq il-poplu. Infakkar li meta l-pulizija għamlet tfittxija fid-dar ta’ Joseph Muscat wara li kienet ħarġet ordni mill-maġistrat, il-prim ministru kien xela’ lill-maġistrat b’motivi ulterjuri li huma lil hinn minn dawk tal-ġustizzja.
Dan ma kien xejn ħlief attakk frontali fuq l-indipendenza tal-qrati. L-abbuż tas-setgħa mill-prim ministru kif qatt jista’ jiġi paragunat ma’ kritika li ssir lil xi NGO?
Id-diskors tal-bieraħ ta’ Robert Abela kien biss preludju. Bi ħsiebu jżid id-doża u l-bieraħ xela’ lil ħaddieħor b’dak li bi ħsiebu li jagħmel hu: jiġifieri li jagħmel pressjoni fuq l-Imħallfin, jheddilhom l-indipendenza tagħhom biex ma jażżardawx jaqtgħu sentenzi li ma jkunux jagħġbuh u jxewwew lin-nies kontrihom.
Il-kbir għadu ġej.
Iżda dak li għandu f’moħħu ser isirlu suf.