L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qiegħda ripetutament tonqos mid-dmirijiet kostituzzjonali tagħha li tgħarbel il-ħidma tal-gvern, li titkellem dwar in-nuqqasijiet tiegħu, li topponi l-eċċessi tiegħu u li toħroġ b’soluzzjonijiet alternattivi bil-għan li jinħoloq dibattitu.
L-Oppożizzjoni għandha dan id-dmir. U jidher li m’hix twettqu.
Dan l-aħħar Jurgen Balzan ta’ The Shift News staqsa jekk il-Partit Nazzjonalista huwiex iservi ta’ forċina għall-korruzzjoni tal-Labour bit-tlajjar tiegħu kull darba li jkun imissha tikkritikah. Semma’ wkoll li l-PN dam jumejn sħaħ anke biex jagħti l-kummenti tiegħu dwar l-istorja li xxandret f’The Sunday Times of Malta dwar l-użu abbużiv ta’ ħaddiema tal-gvern mill-Ministru Carmelo Abela meta dawn tqabbdu jgħamlu xogħolijiet f’daru.
Ninsab infurmat li l-PN kien ilu jaf dwar l-aġir abbużiv ta’ Carmelo Abela 6 xhur qabel ixxandret l-istorja f’The Sunday Times of Malta. L-għejjun li wasslu l-istorja lil The Sunday Times of Malta kienu nfurmaw lil membru tal-grupp parlamentari tal-PN 6 xhur qabel u dawn kienu stennew biżżejjed lil dan il-membru biex jagħmel xogħolu u biex jitlob lill-Ministru jassumi responsabbiltà għal għemilu.
Dan għalija huwa xokkanti daqs kemm huwa xokkanti l-għemil tal-Ministru. It-tnejn li huma naqsu li jagħmlu xogħolhom – xogħol li suppost qed iwettqu u li għalih qegħdin jitħallsu.
Il-Partit Nazzjonalista jidher li m’għandux ħeġġa li jieqaf lill-gvern.
Din il-ġimgħa stess il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li l-gvern kiser id-drittijiet fundamentali tal-werrieta ta’ Daphne Caruana Galizia meta, għal 8 xhur sħaħ, żamm lil Silvio Valletta fil-kariga ta’ investigatur ewlieni dwar il-każ tal-qtil ta’ tagħha.
Dan ma kienx xi lment personali. Jekk il-membri tal-gvern huma lesti li jiksru d-drittijiet fundamentali ta’ xi ħadd biex jipproteġu l-interessi personali tagħhom, dan jista’ jiġri lil kulħadd. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma tniffsitx.
Din il-ġimgħa stess Il-Qorti Suprema Griega ċaħdet it-talba ta’ Malta għall-estradizzjoni ta’ Maria Efimova peress li f’Malta m’hawnx biżżejjed sigurtà. Hawn ma jistax ikollha moħħa mistrieħ daqskemm ma jistax ikollu moħħu mistrieħ min jażżarda jixhed dwar dak li jaf fejn jidħlu reati kriminali li fihom ikunu involuti negozjanti b’saħħithom u politiċi f’Malta. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma tniffsitx.
Din il-ġimgħa stess Jonathan Ferris ħarrek lill-gvern talli ma ngħatax l-istatus ta’ whistle-blower, u fl-istess waqt wera’ li, jekk wieħed ma jagħmilx bħalma għamlet Maria Efimova u jparpar lejn pajjiż ieħor biex ikollu l-kenn u l-protezzjoni, dawk li jkun lesti li jixhdu dwar ksur ta’ liġi jispiċċaw ippersegwitati. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma tniffsitx.
Din il-ġimgħa stess il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea wieġeb lill-Parlament Ewropew u qal li r-rifjut ta’ Owen Bonnici li jgħaddi liġi biex ġurnalisti lokali jitħarsu minn kawżi ta’ libell tat-tip li fittxew li jfallu lil Daphne Caruana Galizia finanzjarjament qabel din inqatlet u li qed ikunu ta’ theddida għal ġurnalisti lokali oħra, huwa bla bażi u ma jsib ebda sostenn fil-liġi Ewropea. Owen Bonnici daħak bil-Parlament. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma tniffsitx.
Din il-ġimgħa żaret Malta l-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Vera Jourova u, kif irrappurtat il-Politico, ġiet hawn biex twissi lill-gvern li jkun hemm il-konsegwenzi għal minn jeqred is-saltna tad-dritt. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma tniffsitx.
Il-Partit Nazzjonalista tkellem biss biex jappoġġja bis-sħiħ lil Joseph Muscat fit-tilwima li għandu mal-Italja filwaqt li tfal, nisa tqal u – biex nużaw terminoloġija li jiddilettaw jużaw – l-embrijuni fil-ġuf tagħhom intużaw bħala ostaġġi fuq l-ibħra u fil-maltemp fejn għadhom sal-lum.
U l-PN tkellem ukoll biex jispjega r-raġunijiet għala mart il-Kap tal-Oppożizzjoni kompliet tnaqqas l-interess tagħha fil-politika kemm ilu li żewġha nħatar fil-kariga li għandu.
Uħud jiskantaw jew jitqażżu jarawni nikkritika lill-Partit Nazzjonalista dan kollu għaliex jien trabbejt fih. Għalihom il-kritika tiegħi hi waħda żleali li qed isservi l-interessi tal-Labour. Iżda fil-fatt huwa l-Partit Nazzjonalista li qed ikun żleali lejn xogħolu bħala oppożizzjoni u minħabba f’hekk qed iservi sew kemm l-interessi tal-Partit Laburista kif ukoll il-korruzzjoni tal-mexxejja tiegħu.
Meta l-Pulizija, l-Avukat Ġenerali, l-Imħallfin, l-amministraturi, l-Istituzjonijet Ewropej u l-ġurnalisti jonqsu milli jservu ta’ tarka kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità li jkun hemm fil-gvern u li jaġixxu meta dawn jinkixfu, dmirna hu li nikkritikawhom u li nħeġġuhom li jagħmlu xogħolhom.
Meta l-Oppożizzjoni tonqos minn dmirha, jeħtieġ li nħeġġuha wkoll li tagħmel xogħolha.