Misteru dwar self ta’ €2.6 miljun. Nofs id-dejn tal-Kasco mal-Bank of Valletta misluf bla garanzija lil persuna mhux magħrufa.
Fil-konfront ta’ negozju li bil-kemm jagħmel medja ta’ €57,000 f’profitti fis-sena, d-dejn li fuqu ma hemm xejn x’jagħmel tajjeb li l-Kasco Group ta’ Keith Schembri għandu mal-Bank huwa enormi. Dan il-finanzjament li qed jipprovdi l-Bank of Valletta jammonta għal bejn €5 miljuni u €7 miljuni. Il-Kasco Group kienet taħdem bl-HSBC iżda, għall-ħabta tal-2014, bdiet taħdem bil-BOV.
Minkejja l-kobor tad-djun mhux garantiti u l-profitti mhux tant kbar minn negozju, fl-2016 il-Kasco Group għamel self ta’ €2.6 miljun lil persuna mhux magħrufa mingħajr garanzija, bla imgħax u mingħajr kundizzjonijiet.
Dan jirriżulta mill-accounts tal-Grupp li jindikaw li s-self kellu jitħallas lura qabel il-31 ta’ Diċembru 2017.
Hi verament ħaġa tal-meravilji kif negozju suppost niexef mill-flus seta’ ingħata dan is-self. Matul l-2016, l-Other Receivables (jiġifieri dħul mingħand min kellu jagħti) naqsu b’€558,000, it-Trade Receivables (jiġifieri dawk li kellhom jagħtu lill-Kasco Group) naqsu b’€345,000 u l-Bank Borrowings (jiġifieri self ta’ flejjes u overdrafts mingħand il-Bank) naqas b’€132,000. Fil-frattemp, it-Trade Payables (jiġifieri l-kredituri) żdiedu b’€1.7 miljun, li jfisser li l-Grupp Kasco kien qed inaqqas id-djun bi flus ħaddieħor.
Il-flus li kienu għad-dispożizzjoni tal-Grupp Kasco – il-free funds – ammontaw għal ftit aktar minn €1 miljun. Jekk nassumu li dawn il-flejjes intużaw biex is-self ta’ €2.6 miljun ġie mgħoddi lil persuna oħra, il-Grupp ta’ bilfors kellu bejn €1.5 miljun u €1.6 miljun ġejjin minn għejjun oħra.
Dan ix-xenarju jqajjem is-suspett ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin u, li kieku ċ-ċirkostanzi kienu normali, l-Kasco Group kien jiġi mġiegħel jispjega permezz ta’ dokumenti minn fejn kienu ġejjin dawn il-flejjes.
Tan-Nexia BT, l-awdituri tal-Kasco Group, għamlu biss nota żgħira dwar dan fl-accounts.
Is-self li kien għamel il-Bank of Valletta espona lil dan il-bank għal madwar €5.7 miljun. Wieħed jistenna li, meta kien diġà jaf bis-sitwazzjoni finanzjarja li l-Kasco Group kien qed jiddikjara li jinsab fiha, l-Bank kien se “jaqbeż” fuq dawn il-flejjes li tal-Kasco Group kellhom fil-pussess tagħhom sabiex iġiegħel lill-istess Kasco Group inaqqas id-djun. Diġà kien hemm xi tnaqqis fid-djun meta dak li kien dovut lill-Bank naqas minn €6.8 miljun fl-2012 għal €5.7 miljun fl-2016. Normalment wieħed jistenna li Bank kien jagħmel minn kollox biex jara li din ix-xejra tissokta, dejjem sakemm is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent ma tkunx bdiet tieħu r-ruħ. U s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Kasco Group ċertament ma kenitx qed tieħu r-ruħ.
Biex il-Kasco Group, bi profitt dikjarat fis-sena ta’ madwar €57,000, tkun tista’ jħallas lura lill-BOV il-€5.7 miljun bla imgħax, iridu jgħaddu mitt sena. Dan sakemm, m’għandniex xi ngħidu, Keith Schembri ma jżidx il-kapital tan-negozju bi flejjes li, milli jidher mid-dikjarazzjonijiet tiegħu stess, m’humiex għad-dispożizzjoni tiegħu.
Keith Schembri żamm lil Brian Tonna u lil Nexia BT bħala l-awdituri tiegħu. Jekk id-dikjarazzjonijiet ta’ Keith Schembri stess jistgħu jitwemmnu, allura l-awditur tiegħu jidher li għandu s-suddizzjoni minnu peress li Keith Schembri kien għamel tajjeb finanzjarament lil Brian Tonna meta dan kien għaddej minn proċeduri tad-divorzju li swewlu l-flus ma’ dik li kienet martu. Il-kodiċi tal-etika tal-awdituri ma jippermettilhomx jaċċettaw self ta’ flus mingħand klijenti iżda Brian Tonna għadu sal-lum l-awditur ta’ Keith Schembri minkejja l-fatt li t-tnejn qed jammettu b’mod indirett li qed jiksru l-kodiċi tal-etika.
Dan kollu għandna nżommuh f’moħħna kull meta tiġi mgħarbla l-informazzjoni li hemm fl-istqarrijiet finanzjarji tal-Kasco Group li ġew iffirmati minn Nexia BT ta’ Brian Tonna.