Miktuba minn Lake:
Minn dejjem kont kburi li nissejjaħ Nazzjonalist. Minn dejjem kont konvint li l-partit tiegħi u l-biċċa ‘l kbira tal-partitarji jemmnu fl-istess valuri. Valuri li huma msejsa fuq il-prinċipji tad-demokrazija, tal-ġustizzja għal kulħadd u tal-libertà tal-kelma. L-istess valuri li Eddie Fenech Adami kien għallimna ngħożżu.
Madankollu tul dawn l-aħħar ftit ġimgħat, kelli naċċetta realta’ li domt nirreżisti l-eżistenza tagħha għal ħafna żmien. Jekk irridu nkunu onesti, jkollna nammettu li l-mentalita’ tal-biċċa l-kbira tal-partitarji Nazzjonalisti hi bħal dik tal-partitarji Laburisti. Kulma trid tagħmel biex tintebaħ b’dan hu li tidħol fil-media soċjali u taqra’ t-tgħajjir dirett lejn kull min jażżarda jikkritika lil Adrian Delia. Araw ftit kif dawn jattakkaw lill-persuna filwaqt li l-argument ma jagħtux każu. Wieħed forsi jasal biex jistaqsi: “Għaliex hemm din il-bidla kollha fejn għandhom x’jaqsmu ideat kontrastanti?”. X’differenza minn żmien Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil! X’kien irażżanhom dak iż-żmien?
L-ewwel sinjali tal-bidla kienu dehru hekk kif Adrian Delia lil Daphne Caruana Galizia għajjarha “biċċa blogger”. U minn dakinhas stess, il-media soċjali imtlew bit-tgħajjir dirett lejn Daphne Caruana Galizia minn dawk l-istess attivisti li ftit xhur qabel appoġġjawha f’protesti u f’manifestazzjonijiet paċifiċi.
Għaliex il-verita’ hi li t-tmexxija tal-partit iddoqq u l-attivisti tal-partit jiżfnu skond id-daqq. Ikun qed joħlom min jaħseb li l-partitarji Nazzjonalisti jaħsbu b’moħħhom u li għandhom il-ħila li jagħżlu s-sewwa u jwarrbu dak li mhux: dawn it-tendenzi kienu trażżnu biss bis-saħħa tal-politika koerenti tat-tmexxijiet tal-partit ta’ qabel. Malli Simon Busuttil sejjaħ lin-nies fit-toroq biex jiddefendu d-dritt ta’ ġurnalista li tgawdi l-liberta’ tal-kelma, dawn inġabru bil-kartelluni f’idejhom. Iżda malli Adrian Delia għajjarha “biċċa blogger”, bdew jarawha kerha u anki agħar minn hekk.
Tul dawn l-aħħar ġimgħat, smajna lil Adrian Delia jgħajjar b’mod “poetiku” bħala “tradituri” lil dawk kollha li qed jikkritikaw lit-tmexxija tiegħu. Jean Pierre Debono lin-Nazzjonalisti li jaħsbu b’moħħhom qallhom li posthom m’huwiex fil-Partit kemm il-darba ma jiżfnux skond id-daqq tal-mexxej. U filwaqt li l-messaġġi ta’ Clyde Puli, ta’ Debono u ta’ oħrajn bdew isiru aktar ħorox, attivisti tal-partit ma ddejqu xejn isegwu dawn il-passi b’ħafna theddid fuq il-media soċjali. Kemm Puli kif ukoll Debono ma tantx qagħdu jogħmoduha fi kliemhom u ma jidhirx li qatt kellhom xi intenzjoni li joqgħodu jogħmoduha.
Lil Jean Pierre Debono u lil dawk li jirraġunaw bħalu nista’ nserrħilhom rashom li dawk in-Nazzjonalisti li jaħsbu b’moħħhom ilhom żmien twil li warrbu lill-partit u ma kinux qed jistennewhom biex igħidulhom biex iwarrbu. Jien wieħed minn dawk li għamilt eżatt hekk u lil Adrian Delia inserraħlu rasu li lili ma jistax igħajjarni li ttradejt partit li jiena minnufih tlaqt hekk kif intbaħt li l-populiżmu ħa post il-prinċipji.
L-istorja politika riċenti tagħna tindika li dan il-pajjiż għandu t-tendenza li jtella’ fis-setgħa gvern soċjalista. Pajjiżna għandu elettorat li l-biċċa l-kbira tiegħu hu Laburist u l-voti tal-partitiarji akkaniti tal-PN m’humiex biżżejjed biex irebbħu lill-Partit. Kull meta rebaħ il-PN, għamel dan għax irnexxielu jattira l-biċċa l-kbira ta’ dawk li jaħsbu b’moħħhom. Madankollu it-tmexxija preżenti tal-PN qed tkompli tnaffar lil dawn in-nies. Biex kulma fadal huwa biss iċ-ċapċip tal-fanatiċi għal Adrian Delia u għal Jean Pierre Debono.
F’Mejju li ġej, se niġu wiċċ imb’wiċċ mar-realta’. Dakinhar min se jkollu l-kuraġġ jiżfen b’mod għami għad-daqq tal-mexxej?