Din il-ġimgħa is-CBS 60 minutes reġa’ xandar il-filmat li kien ħadem dwar Malta wara li kien seħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan il-filmat kien ixxandar għall-ewwel darba f’Diċembru 2018.
Dan il-filmat ta’ min jerġa’ jarah għaliex wieħed malajr jintebaħ li f’Diċembru 2018 Malta kienet pajjiż differenti minn dik li hi llum. Dak iż-żmien lil Joseph Muscat ħadd ma kien jista’ għalih u kellu biżżejjed ardir biex jiċħad li jiġi intervistat f’wieħed mill-aktar programmi televiżivi ta’ ġrajjiet kurrenti segwiti madwar id-dinja bl-iskuża li “kellu wisq x’jagħmel”.
Dak iż-żmien Malta kienet għadha qed tiġi reklamata b’pompożità liema bħalha bħala “blockchain island”.
U Edward Scicluna kien għadu qed jistqarr pubblikament lid-dinja li l-korruzzjoni fil-qalba tal-gvern tiegħu kienet biss frott tal-immaġinazzjoni partiġġjana tal-għedewwa tal-gvern tiegħu. Kien għadu jistqarr li l-iskandlu tal-Panama kien biss sensiela ta’ “allegazzjonijiet”.
“Is-sitwazzjoni tidher kerha”, kien qalilna. “Imma m’hix, tafux”.
Araw ftit kif anzjan ta’ 70 sena għandu l-ħila jigdeb waqt li jibqa’ mdendel mas-salarju bħallikieku ħajtu kienet tiddependi għal kollox fuqu. Aħna nafu li kien qed gideb għaliex issa għamel qrara: fiż-żmien meta lil tas-CBS kien qed jgħidilhom li l-“allegazzjonijiet” dwar korruzzjoni ma kienux minnhom, lil Joseph Muscat kien qed iħeġġu biex ikeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.
Araw kif giddieb professjonali għandu l-ħila li jgħaddi ż-żmien bl-udjenza ntiera tas-CBS.