Ir-riżultati tal-elezzjonijiet huma kaxxa magħluqa. Adrian Delia tilef il-fiduċja tal-biċċa ‘l kbira tal-membri tal-grupp parlamentari tiegħu, tal-kumitat eżekuttiv u, wara l-vot li ttieħed nhar is-Sibt li għadda, tal-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill Ġenerali, li hu l-ogħla organu tal-PN.

Iżda huwa fatt li, fit-tliet organi tal-PN, Adrian Delia għandu l-appoġġ ta’ minoranza sostanzjali. Nhar is-Sibt li għadda kiseb 44% tal-vot. M’għaddietx tiegħu dwar kif għandha titqiegħed mistoqsija speċifika. Iżda minnha nnifisha l-mistoqsija twassal għal posponiment tal-mistoqsija li ser tgħodd l-aktar. Is-Sibt li għadda, l-Kunsill Ġenerali ma vvutax fuq mozzjoni ta’ fiduċja u dan ifisser li kull min ivvota kien jaf li l-konsegwenza tal-vot tiegħu ma kienitx ser tkun it-tkeċċija ta’ Adrian Delia. Li kieku kien mod ieħor, kien ikun hemm min jivvota b’mod differenti. Kull ma kien jeħtieġ kien ikun 3% tal-kunsillera li setgħu ħassew li ma kienx fl-interess tal-Partit li jitkeċċa l-Kap bir-riżultat li Adrian Delia kien isalva ġildu.

M’għandniex xi ngħidu, ġildu m’għandux isalvaha. L-appoġġ ta’ maġġoranza żgħira – aħseb u ara ta’ minoranza – m’għandux ikun biżżejjed għal kwalsiasi mexxej li jkun irid iżomm sħiħ lill-partit tiegħu u li jkun irid jistieden lin-nies biex jivvutawlu.

Meta Lawrence Gonzi kien sejjaħ vot ta’ fiduċja wara waħda mix-xenati li kien iħobb jagħmel Franco Debono, kien iddikjara li ma kienx lest ikompli fit-tmexxija jekk ma jġibx aktar minn 95% tal-voti. Il-Kunsill Ġenerali kien spiċċa biex tah vot ta’ fiduċja b’96% tal-voti favur.

Infakkar x’kien seħħ fil-każ ta’ Margaret Thatcher. Fi żmien li fih il-Partit Laburista kien qed jgħaddi lill-Konservattivi b’14% fis-sondaġġi, seħħet votazzjoni dwar it-tmexxija tagħha. Is-sondaġġi kienu qed juru li hi kienet inqas popolari mill-partit tagħha u li mexxejja potenzjali oħrajn kien qed ikollhom riżultati aħjar. Kienet tilfet l-appoġġ fost il-grupp parlamentari tagħha mhux għaliex kellhom xi dubju dwar il-ħiliet tagħha, iżda għaliex ħassew li kienet qed tinjorahom u tiddeċiedi minn wara daharhom.

F’elezzjoni interna li kienet saret, Margaret Thatcher akkwistat 55% tal-voti. Din kienet maġġoranza ċara iżda, skont ir-regolamenti tal-partit, din il-perċentwali ma kienitx biżżejjed u kellha ssir it-tieni elezzjoni li hi kien bi ħsiebha li tikkontesta. Madankollu l-membri tal-kabinett tagħha spiċċaw biex ipperswadewha li kien fl-aħjar interess tal-partit  li twarrab. Hekk għamlet. U xerdet demgħa wkoll.

Semmejt dawn l-eżempji storiċi sabiex insaħħaħ l-argument li, f’elezzjonijiet interni, it-tifsiriet legali ta’ maġġornazi u minoranzi m’humiex daqshekk importanti. Il-konsiderazzjonijiet li jġorru magħhom l-akbar importanza huma dawk politiċi.

Meta Adrian Delia jgħid li huwa ġustifikat li jinjora tliet organi tal-partit u jibqa’ jinsisti fuq votazzjoni minn naħa tat-tesserati, ikun qed jinjora r-realtà politika li – kemm jekk jirbaħ kif ukoll jekk jitlef –  ir-reżistenza tiegħu qed tkompli tagħmel ħsara lill-partit li suppost jinsab imexxi. Diġà kellna l-okkażjoni li nitkellmu dwar dan għal ma nafx kemm il-darba.

Bejn issa u nofs Settembru – it-tielet anniversarju tal-ħatra tiegħu – ser ikollu aktar spazju biex ikompli jagħmel il-ħsara. Rajt diversi kummenti ta’ dawk li qed jjittamaw li l-kandidatura tiegħu ser titwaqqaf wara li jkun seħħ proċess ta’ due diligence. Wara kollox, liema għarbiel serju jista’ qatt igħaddi kandidat li huwa suġġett ta’ investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus, li tħaddet ma’ qattiela mafjużi ta’ ġurnalisti u li mexxa’ politika reazzjonarja ta’ firda?

Mill-lat legali, dawn il-kummentaturi għandhom raġun. Proċess ta’ due diligence – anki wieħed superfiċjali – għandu jwaqqaf il-kandidatura ta’ Adrian Delia. Iżda, kif uriena l-każ ta’ Margaret Thatcher, dak li hu legalment korrett m’huwiex daqstant importanti. Mil-lat politiku, Adrian Delia jista’ biss jitwaqqaf bis-saħħa tal-vot sigriet tat-tesserati.

Jekk, tkun xi tkun ir-raġuni, ma jitħalliex jikkontesta fl-elezzjoni mit-tesserati ibqgħu ċerti li jkun hemm min isostni li t-tesserati ma ngħatawx l-għażla li jżommuh f’postu.

Il-kandidati jkunu jridu wkoll igħaddu minn għarbiel ieħor: il-Kunsill Ġenerali jkun irid jikkunsidra l-kandidati kollha li jkunu nteressati li jikkontestaw u jkun irid jagħżel tnejn minnhom qabel issir l-aħħar għażla mit-tesserati.   Wara r-riżultat tal-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li fiha 44% tal-kunsilliera vvutaw biex ma ssirx tellieqa, Adrian Delia għandu jistenna’ li jkun wieħed minn fost it-tnejn li jtellqu fl-aħħar tellieqa.

Jekk Delia bi ħsiebu juża l-istess tattiċi li kien uża tliet snin ilu, se jinqeda’ bi Frank Portelli. Dan Frank Portelli qatt ma kellu xi ċans li jirbaħ it-tellieqa li seħħet tliet snin ilu, iżda kien għamel minn kollox biex itellef lill-kandidati l-oħrajn. Din id-darba ma tkunx ħaġa ta’ barra minn hawn jekk jerġa’ jfittex is-servizzi ta’ Sancho Panza ieħor biex l-għedewwa ta’ Adrian Delia jintefgħu “fil-miżbla tal-istorja”, kif Frank Portelli kien qal li għamel lil Daphne Caruana Galizia.

X’ifisser dan kollu?

Biex tintrebaħ it-taqtiegħa elettorali kontra Adrian Delia, jeħtieġ li jirbaħlu kandidat ieħor f’elezzjoni bil-voti li jkunu tefgħu t-tesserati. Dan ilu jgħid li kien ser jibqa’ f’postu dment li jibqgħu iriduh it-tesserati.

Issa jibqa’ l-fatt li, legalment, maġġoranza żgħira għandha tkun biżżejjed biex tikkonfermah f’postu. Iżda mil-lat politiku, maġġoranza żgħira tista’ ma tkunx biżżejjed.

Hemm il-fatt ukoll li l-appoġġ li kellu fi ħdan il-partit naqas bil-kbir. Il-maġġoranzi li kellu fit-tliet organi tilifhom kollha. Dan il-fatt ser jiġi rifless fost it-tesserati? Mhux neċessarjament.

Adrian Delia xorta waħda għad jista’ jirbaħ elezzjoni fost it-tesserati, anke jekk bi ftit. U din tkun daqqa mortali għall-PN għaliex jikber iċ-ċans li jinqasam il-partit.

Madankollu jeħtieġ li niftakru li Adrian Delia dejjem ġie jaqa’ u jqum mill-Partit.

Legalment ikun rebaħ. Ta’ avukat ta’ klassi li hu.