Il-kwistjoni dwar Mario Cutajar m’hix dik li jitqies ħati minħabba l-imġieba ta’ ħuh. Dan m’għandu x’jaqsam xejn u dak li stqarr Mario Cutajar ma’ Lovin Malta biex jiddefendi ruħu li hu ma jweġibx għall-imġieba ta’ ħuh m’hi xejn ħlief tweġiba għal xilja li m’hix qed issirlu.

Iżda Mario Cutajar inkixef hekk kif irrepeta l-ħrafa li l-arrest ta’ ħuh huwa prova “l-istituzzjonijiet qed jaħdmu”. Hawn qed jirreferi għall-fatt li l-pulizija mexxew bil-qorti kontra Aldo Cutajar u martu. Jeħtieġ li nifhmu il-għala din l-azzjoni ttieħdet proprju issa. Jien ninsab infurmat li f’dan il-każ kienet saret investigazzjoni minn naħa tal-FIAU u tal-economic crimes unit tal-Pulizija taħt Ian Abdilla kienu kinsu kollox taħt it-tapit. Jien tlabt ċaħda jew konferma dwar dan mingħand il-Kummissarju Angelo Gafàiżda s’issa għadni bla risposta.

Iżda hawn m’aħniex nittrattaw biss dwar l-imġieba tal-Pulizija. Mario Cutajar inzerta li huwa l-kap tal-istituzzjoni li kienet reġgħet impjegat lil Aldo Cutajar minkejja li kien tkeċċa mill-impjieg mal-gvern. tistgħu tibqgħu ċerti li x’aktarx kien hu li kien iffirma r-rakkomandazzjoni lill-prim ministru biex ħuh Aldo Cutajar jerġa’ jiddaħħal mal-gvern u jista’ jkun ukoll li ħa d-deċiżjoni huwa stess. Għad insiru nafu x’kien ġara’ eżattament meta’ jixxandar ir-rekord personali ta’ Mario Cutajar.

Jekk l-istituzzjonijiet tassew qiegħdin jaħdmu, Mario Cutajar ċertament m’huwiex ser jippretendi li għandna noqgħodu fuq li jgħidilna. Jekk tassew l-istitzzjonijiet qed jaħdmu għandu jwarrab minn kap tas-servizz ċivili għallinqas sakemm jiġu ċarati l-fatti dwar l-imjieg mill-ġdid ta’ Aldo Cutajar mal-gvern.

Niftakru li meta f’Lulju 2016 Aldo Cutajar kien intbagħat Beijing, huwa kien tqabbeż fuq numru ta’ diplomatiċi mill-istituzzjoni li hi mmexxija minn ħuh Mario Cutajar.

Mario Cutajar kien minn ta’ quddiem biex jiddefendi s-sistema tal-impjieg tal-persons of trust li ppermettiet lil Aldo Cutajar li jinħatar bħala konslu ta’ Malta f’Shanghai, ħatra li x’aktarx seta’ użaha għal attivitajiet ta’ natura kriminali li qed jiġi mixli bihom.

Jekk il-livelli ta’ mġieba li għandna f’pajjiżna huma tali li jippermettu lil Mario Cutajar li jkompli jmexxi lis-servizz ċivili wara dak li seħħ illum, għadu magħna l-ħmar il-lejl li din il-ġimgħa xehed dwaru Edward Scicluna.

Għadna sall-lum immexxijin mill-kabinett tal-kċina ta’ Joseph Muscat u l-kriminali għadhom qed isaltnu b’impunità sħiħa.