Robert Abela qalilna li t-tfal għandhom jattendu l-iskola. Qal dan bħallikieku dawk li qed irabbu t-tfal ma jriduhomx jattendu l-iskejjel. Ifakkarna – għaliex mid-dehra jeħtieġ li jkollna min ifakkarna – li jeħtieġ li t-tfal ma jkomplux ifallu l-iskola. U li jeħtieġ li nibbilanċjaw il-ħtieġa li t-tfal ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom mal-ħtieġa li nħarsulhom saħħithom, kif ukoll is-saħħa ta’ dawk li jiġi in kuntatt magħhom.

Robert Abela llum ried iserrħilna rasna u stqarr li l-protokolli għall-iskejjel qed jitfasslu mid-Dipartiment tas-Saħħa. Dan huwa ħażin għal diversi raġunijiet.

L-ewwel: x’inhi r-raġuni li dawn il-protokolli qed jitfasslu proprju issa? U f’Awwissu? It-tfal ilhom ma jattendu l-iskejjel minn Marzu. Possibbli li, minn dakinhar ‘l hawn, ħadd ma ħa ħsieb biex ifassal dawn il-protokolli? Ma taħsbux li hi farsa li l-iskejjel għadhom ma ngħatawx direttivi dwar kif għandhom iġibu ruħħom meta dawn mistennija li jerġgħu jiftħu? Hemm għexieren ta’ eluf li huma effettwati. L-għalliema ser ikunu mistennija li jħejju lezzjonijiet online? Il-ġenituri ser jintalbu jipprovdu għall-edukazzjoni ta’ wliedhom minn djarhom? Għandhom jinxtraw l-uniformijiet? Il-klassijiet ser ikun jeħtieġ li jiġu modifikati? Ser ikun jeħtieġ tibdiliet fejn għandhom x’jaqsmu l-prattika tal-isport, il-laboratorji, l-prattika tax-xogħol, l-eżamijiet, fil-prattika tal-arti u d-drama, eċċetra? Il-vannijiet li jgħabbu t-tfal ser ikollhom limitu fin-numru ta’ passiġġieri? Ser ikunu meħtieġa aktar vannijiet? Ser ikunu meħtieġa aktar testijiet mediċi fl-iskejjel?

It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet kien messhom ingħataw ġimgħat sħaħ ilu lil dawk li jmexxu l-iskejjel kif ukoll lill-ġenituri biex dawn setgħu jħejju ruħħom għall ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel. S’issa dawn għadhom ma ngħatawx tweġiba waħda u Robert Abela bħal speċi skandalizza ruħu għall-fatt li n-nies qed turi t-tħassib tagħha.

Dawn il-protokolli mhux l-awtoritajiet tas-saħħa biss jeħtieġ li jfassluhom. It-tfassil tat-tibdiliet u l-implimentazzjoni tagħhom jinvolvu piżijiet amministrattivi kbar ħafna li l-gvern ma jistax jaqbad u jimponihom lejliet il-ftuħ tal-iskejjel. U mhux billi Owen Bonnici jipprova jbellagħha lir-rappreżentanti tal-istudenti minn fuq il-Facebook li kollox jinsab miexi ħarir. Minn daqqa t’għajn lejn dan ir-ritratt, wieħed malajr jintebaħ li Owen Bonnici ma jafx x’qed jagħmel. L-istudenti li marru jżuruh iddaħħlu f’kamra li hi żgħira wisq biex tesa’ 15 il-ruħ. Li kieku kienu f’ristorant, ir-ristorant kien jiġi mġiegħel jagħlaq. U dan mhux biss għaliex kienu aktar minn 10. Għaliex dawn jinsabu mrassin ma’ xulxin u ħadd minnhom ma ndenja ruħu jilbes maskra. Jekk il-protokolli li qed jitfasslu għall-iskejjel b’xi mod jixbħu dawk li tfasslu għal din il-laqgħa, għadna ma bdejniex inxommu d-diżastru li ser ikollna fil-qasam tal-edukazzjoni.

Barra minn dan, dak li kiteb Owen Bonnici ma fih sugu ta’ xejn. Dan stqarr li huwa wieġeb il-mistoqsijiet kollha tal-istudenti iżda t-tweġibiet tiegħu ma jidhru miktubin imkien. L-istudenti tal-MCAST mistennija jibdew l-eżamijiet għad-dħul fl-Università fid-29 ta’ Awwissu u sal-lum għadhom ma jafux f’liema swali ser isiru dawn l-eżamijiet. Għadhom ma jafux jekk dawn is-swali humiex ser ikunu bl-arja kundizzjonata u x’arranġamenti saru biex jiġu rispettati d-distanzi soċjali. S’issa l-ilmenti u l-protesti tagħhom ma ngħatawx widen. Ma jagħmilx sens l-argument ta’ Robert Abela fis-sens li bosta minn dawk li huma nfettati bl-imxijja Covid m’għandhomx il-ħtieġa li jittieħdu l-isptar. Dawn l-istudenti tal-MCAST bir-raġun jinsabu nkwetati għan-nanniet tagħhom u għal qraba vulnerabbli li jkun jeħtieġ li jerġgħu jiżolaw ruħħom minħabba l-politika żbaljata tal-gvern u jippreferu li joqgħodu fuq il-pariri tal-esperti mediċi milli fuq il-pariri tal-prim ministru. Dawn l-esperti lkoll kelma waħda li r-riskju tal-infezzjoni f’Malta hu ogħla minn dak tal-ġirien Ewropej tagħna. U dan qabel il-ftuħ tal-iskejjel.

Skont id-Daily Mail “minn nhar il-Ħadd ‘l hawn, ir-rata tal-infezzjonijiet fi Franza kienet ta’ 26 għal kull 100,000 ruħ, fil-Polonja 23 u fl-Isvizzera 25. Il-bieraħ f’Malta kellna 58.6 każ għal kull 100,000 ruħ u fl-Olanda 32.5. U r-rati ta’ infezzjoni komplew jiżdiedu tul l-aħħar ġimgħa kif irriżulta minn informazzjoni miġbura mill-European Centre for Disease Prevention and Control“.

Iżda f’Malta hawn min irid ibellagħha li m’għandniex għalfejn noqgħodu nitħassbu. Għal min isegwi l-One TV, dawk li jesprimu t-tħassib tagħhom huma giddibin. Dan ir-rapport jittratta dwar ir-rata tal-infezzjonijiet mill-2019 ‘l hawn u jipprova jipperswadina li r-rati ta’ Malta huma aktar baxxi minn dawk ta’ pajjiżi oħra. Bosta huma dawk li jsegwu biss il-One TV. Dawn qed jingħataw pariri mediċi żbaljati u qegħdin igħidulhom li m’għandniex għalfejn noqgħodu attenti. Saħansitra hemm min qed ixerridha li dawk li qed jażżardaw li jmeru l-pożizzjoni tal-gvern li m’hemm ebda kriżi dwar l-imxijja Covid, qed jagħmlu dan għaliex huma nies ħżiena li moħħhom biss biex ixerrdu l-velenu b’ilsienhom. Jiġifieri dawk li jinsabu mħassba dwar ir-rati għoljin tal-infezzjoni – rati li kienu wasslu biex qafluna fi djarna għal xahrejn sħaħ – skont il-gvern qed ixerrdu l-velenu u qed iġibu ruħħom b’mod sedizzjuż.

Huwa ċar li dan kollu m’huwiex riżultat tal-politika edukattiva tal-gvern. Dawk il-ħdax il-żagħżugħ Sqalli li din il-ġimgħa ddaħħlu fi kworantina wara ttieħdu mill-imxijja ma kienux ġew f’Malta biex jattendu l-iskola. Ġew hawn biex jiddevertu. U waqt li l-industrija tad-divertiment impalat il-liri, dawn komplew ixerrdu l-infezzjoni fostna. Aħbar bħal din ma messiex ġiet milqugħa bl-indifferenza à la Robert Abela li qalilna li bl-imxijja ma jmutux nies. Iżda din l-aħbar messha ntlaqgħet bħala d-diżastru li hi u li saħansitra waslet għand La Repubblica li mbagħad għaddiet biex tiddeskrivi lil Malta bħala “pajjiż problema”. Speċi ta’, jekk m’intix ser tmur Malta biex taħsel il-flus tal-mafja, ser tmur hemm biex imbagħad iġġib l-imxijja lura miegħek.

Agħtu daqqa t’għajn lejn dan ir-ritratt li nġibed dalgħodu. Nistaqsi: b’liema protokoll jinsab marbut is-sid ta’ dan il-vapur? Tgħid il-protokoll jixbaħ dak li qed jitfassal għall-iskejjel tagħna? Dawk li tgħabbew fuq il-vapur qed jintalbu li jilbsu l-maskri u li jżommu ‘l bogħod minn xulxin b’mill-inqas 2 metri? Dawn il-protokolli qed jiġu njorati?

Wisq nibża’ li qed nerġgħu nittieħdu mill-marda nazzjonali endemika: dik tar-regħba u tal-impunità. Ħalli għalina biex infasslu l-liġijiet, dment li dawn imbagħad jitħallew fuq il-karta u ma jiġux infurzati sabiex xi wħud ikunu jistgħu jimlew bwiethom. U d-dgħajjfin u l-vulnerabbli jistgħu jmorru jixxejru. U tista’ wkoll tmur tixxejjer l-edukazzjoni ta’ wliedna. Wara kollox, li kieku ma kienx għall-fatt li kien hemm min kellu lublieba biex jerġa’ jiftaħ in-night-clubs bħallikieku l-imxijja m’hix ser tkompli tolqotna, f’Settembru li ġej l-iskejjel tagħna ser nerġgħu niftħuhom mingħajr ħafna xkiel.

Robert Abela għandu raġun fuq ħaġa waħda. L-edukazzjoni ta’ wliedna ser tieħu daqqa kbira.

U l-gvern jeħtieġ li jagħti rendikont għal dan id-diżastru.