M’għandix l-iċken dubju li l-produtturi u l-atturi li qed jaħdmu l-film Jurassic World ma jixorbux mill-għajn tal-aħbarijiet tal-One TV. Qed ngħid dan għax jidher li ħarbiltilhom l-aħbar li Malta kellha l-aħjar tarka difensiva għal kontra l-imxijja tal-coronavirus. Li m’għandniex għalfejn noqgħodu nħabblu rasna tant li l-kap tal-gvern jista’ jaqbeż sa Marina di Ragusa biex jaqdef fuq ir-rota b’rasu mistrieħa. Li t-tarka difensiva tal-gvern hi b’saħħitha biżżejjed biex tħares l-ekonomija tagħna. Li, kemm il-darba jkollok biżżejjed boroż taċ-ċips fuq il-mejda, int tkun imħares mill-infezzjoni tal-imxijja. Li saħansitra anki tal-WHO stqarrew li Malta għandha l-aqwa tarka għal kontra l-imxijja. Li dawk il-qlafat ta’ Nazzjonalisti mill-klikka ta’ Simon Busuttil biss jistgħu jittieħdu mill-imxijja. Li nkunu nistgħu nikkontrollaw lill-imxijja aħjar jekk lis-suwed nerħulhom jegħrqu fil-baħar.
Min jaf x’fettlilhom tal-Jurassic World meta qatgħuha li ma jersqux lejn Malta? Dan kellu jkun ġbid ta’ film mill-kbar nett u l-gvern kif ukoll tal-kummissjoni dwar il-films għamlulhom l-ilma jiżfen biex iġibuhom hawn u fl-istess waqt lill-kumpanniji lokali tal-produzzjoni tal-films ġabuhom għarrkupptejhom hekk kif qatgħulhom kull għejjun ta’ dħul meta neħħewhom minn fuq il-lista tal-fornituri ta’ servizzi.
Il-ġbid ta’ dan il-film kellu jkun il-ġustifikazzjoni biex Julia Farrugia Portelli tkun tista’ tibqa’ timraħ fil-wiċċ tal-baħar politiku lokali. U, mingħajr ebda sforz żejjed, kienet hi stess li tefgħet il-kantun fuq is-swaba ta’ saqajha. Tiftakruha fl-ajruport b’kartellun f’idejha li fuqu kellu kliem ta’ ringrazzjament u ta’ merħba għall-passiġġieri li waslu Malta u li wħud minnhom kienu nfettati bl-imxijja li issa reġgħet tefgħet lill-pajjiż fi stat ta’ emerġenza mhux dikjarat?
Imma l-aqwa li marret tippoża għar-ritratt bil-mekkaniżmi ta’ papas ommha jberrnu f’moħħha. U mbagħad komplejna ngħaxxquha bil-parties tal-massa u bil-marċi tal-festa ad unur il-melħa ta’ prim ministru li għandna.
U issa saħansitra anki d-dinosawri m’humiex jażżardaw li jersqu lejn pajjiżna. Li kieku ma kienx għall-fatt li, frott l-injoranza grassa u l-prużunzjoni li għandhom, l-industrija tat-turiżmu qed ikomplu jgħaffġuha taħt is-saqajn, kważi jaqbdek id-daħk.
Id-dundjani għandhom seba’ mitt sena biex jasal il-Milied u d-dinosawri qed jiċċelebraw il-qerda tagħhom stess.
U mbagħad hemm aħna: viva l-lejber.