Fi stqarrija li ħareġ illum wara nofsinhar iċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Mezzi tax-Xandir ikkundanna l-insulti li sab ma’ wiċċu l-ġurnalista Taljan Nello Scavo hu u ħiereġ mill-bini tal-Qorti fil-belt Valletta aktar kmieni llum. Scavo illum xehed fil-kawża kriminali li għamel kontra Neville Gafà minħabba theddid li sar fil-konfront tiegħu fuq mezzi elettroniċi. Hu u ħiereġ mill-bini tal-Qorti, Nello Scavo u jien ġejna nsultati bi kliem baxx bit-Taljan minn folla ta’ nies li nġabret biex tagħti l-appoġġ tagħha lil Gafà.
Iċ-Ċentru nnota b’sodisfazzjoni li l-Maġistrat li ppresjediet il-Qorti llum irrikonoxxiet lill-grupp editorjali ta’ Avvenire u tal-Federazzjoni Nazzjonali tal-Istampa tal-Italja (FNSI) bħala parte civile fil-kawża kriminali. L-organizzazzjoni qalet li dan “ta rikonoxximent xieraq lit-theddid lejn il-libertà tal-istampa u kontra ġurnalista li jmur lil hinn mill-każ li qed jinstema’.”
“Infakkru wkoll li l-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia kien il-qofol ta’ snin twal ta’ theddid, attakki fuq ir-residenza tagħha, azzjonijiet legali vessatorji u forom oħra ta’ fastidju. It-theddid li jkun ġej minn naħa ta uffiċjali tal-gvern u ta’ rjus kbar iwassal biex jiġu demonizzati l-mezzi tax-xandir u l-iskrutinju indipendenti u, jekk ma jkunx hemm min jilqa’ għalih, jista’ jwassal għall-vjolenza fiżika u għall-impunità.”