Ir-reġistratur tal-qorti għadu kemm ippreżenta kawża kontra l-kummentatur Simon Mercieca u xlieh b’disprezz tal-qorti wara li għażel li jinjora ordni tal-qorti biex ma jixxandrux recordings li qed jinstemgħu fil-magħluq fil-kumpilazzjoni fil-kawża li l-pulizija qed tagħmel kontra Yorgen Fenech.

Ir-recordings kienu nstemgħu fil-magħluq għaliex jifformaw parti mill-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin u l-Maġistrat Rachel Montebello li qed tippresjiedi l-qorti fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech kienet ordnat li r-recordings m’għandhomx jixxandru permezz tal-mezzi tax-xandir.

Madankollu wħud minn dawn ir-recordings spiċċaw biex ixxandru minn persuni mhux magħrufa permezz tar-Reddit. Simon Mercieca mbagħad għadda biex xandar dawn ir-recordings fuq il-media soċjali tiegħu bħala parti mill-kampanja li qed jagħmel biex jeżonera lil Yorgen Fenech mill-akkużi li qed isiru kontrih ta’ kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan l-inċident seħħ kmieni f’Awwissu u l-Maġistrat Rachel Montebello iddikjarat li Simon Mercieca huwa ħati ta’ disprezz lejn l-awtorità tal-qorti wara li l-prosekuturi u l-avukat Jason Azzopardi, li qed jidher għall-familja tal-vittma, għamlu lment formali.

Ftit aktar minn 5 ġimgħat mill-ordni tal-Maġistrat Montebello, ir-reġistratur tal-qorti ppreżenta kawża kontra Simon Mercieca.

Il-kawża mistennija li tinstema mill-Maġistrat Marseanne Farrugia.