Wieħed seta’ jobsor x’kienet ser tkun l-ewwel reazzjoni tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ta’ Bernard Grech is-Sibt li għadda. “Rebħet il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil” qalulna. Kienet stqarrija ta’ ammissjoni  li ż-żiemel tagħhom kien tilef.

Lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil sejjħulha wkoll bħala waħda li “trid li ddaħħal l-immigranti f’Malta” – stqarrija li anki għalihom kienet waħda stramba.

Robert Abela ma xtaqniex naħsbu li kien wettaq xi żball f’diskorsu tal-bieraħ. Araw x’irrappurtat it-Times of Malta dwar id-diskors tiegħu:

“Lill-oppożizzjoni nħeġġiġha taħdem biex ikollna politika komuni dwar l-immigrazzjoni. Il-messaġġ ewlieni għandu jkun li ninsabu full up… ma nifilħux għal aktar pressjoni mill-immigrazzjoni”.

Lil Grech talbu biex ma jfixkilx il-ħidma tal-gvern dwar l-immigrazzjoni bħala membru tal-grupp tas-soċjetà ċivili.

“Ma jistax ikun li jkun hemm fazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew deputati tal-oppożizzjoni li jinstigaw xi investigazzjoni oħra minħabba li fatt li l-gvern qed jieħu pożizzjoni iebsa dwar il-migrazzjoni …… it-triqat tan-nofs ma jaħdmux.”

Semma’ l-istqarrija li għamel din il-ġimgħa fil-Kunsill Speċjali Ewropew fejn insista li għandu jkun hemm soluzzjoni ħolistika u mhux parzjali fejn għandhom x’jaqsmu kwistjonijiet marbutin mal-Mediterran.

“Il-Libja m’għandiex titqies bħala problema iżda bħala pajjiż li miegħu l-Unjoni Ewropea tista’ tibni relazzjoni diplomatika soda u għandha timxi fuq il-passi li mxiet fuqhom Malta f’dawn l-aħħar disa’ xhur.

“Dan mhux biss iwassal biex jinstab tarf għall-problema tal-migrazzjoni, iżda l-Libja tkun tista’ wkoll toffri opportunitajiet ta’ investiment għan-negozjanti tagħna.”

Tal-Labour qed jinnamraw mal-faxxiżmu.

Malta m’hix “full up”. Il-migrazzjoni hi sfida u l-akbar pressjoni m’hix ġejja mill-migranti nnifishom iżda mir-razziżmu lokali li Robert Abela qiegħed jilgħab bih bħan-nar.

Xi jfisser “full up”? Ifisser li għandna nippermettu li jgħerqu n-nies fil-baħar u ma nsalvawhomx mill-mewt? Jew tfisser li għandna nittrattawhom qieshom bhejjem wara li jkunu ġew salvati mill-mewt?  Mhux veru li aħna daqshekk full up.

Meta semma’ l-ilment kriminali li kien sar minn Repubblika mal-Pulizija (lil Repubblika ma semmihiex apposta biex iqarraq u jħawwad l-imħuħ li dan l-ilment kien sar “mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil” li, skont hu, reġgħet ħadet il-kontroll tal-PN), Robert Abela spjega x’ried ifisser bil-kliem “full up”.

Fisser li ma jridx li jinżamm lura milli jieħu “pożizzjoni iebsa dwar il-migrazzjoni”. U dan għaliex it-triqat tan-nofs “ma jwasslu għal imkien”.

X’inhi din il-“pożizzjoni iebsa” li Repubblika kienet għamlet ilment kriminali dwarha? X’kien seħħ qabel indaħlet Repubblika?

1. Il-gvern kien kera laneċ tas-sajd privati minflok għamel użu minn laneċ tal-armata u żamm lura milli juża riżorsi li setgħu salvaw il-ħajja ta’ bosta migranti. Kienet għal din ir-raġuni li Repubblika oġġezzjonat għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li setgħu jsarrfu f’imwiet u għall-użu tal-imwiet bħala deterrent.

2. Lill-immigranti li kienu ġew salvati mill-awtoritajiet Maltin, il-gvern kien reġa’ bgħathom lura lejn il-Libja. Għaldaqstant Repubblika oġġezzjonat għal dan l-aġir għaliex il-gvern kien qed jikser l-obbligi li kienet assumiet Malta taħt il-liġi internazzjonali u li permezz tagħhom kienet intrabtet li ma treġġax lura migranti lejn pajjiż perikoluż li minnu jkunu ħarbu u li ma tikkollaborax ma’ min hu responsabbli għall-vjolenza sistematika, stupru u skjavitù ta’ dawn l-imsejkna.

Għal Robert Abela, l-Libja hi biss “opportunità għan-negozju” għax, mid-dehra, n-negozju biss jinteressana. Iżda n-Nazzjonijiet Uniti kemm il-darba tkellmet dwar il-kruha tal-kampijiet ta’ konċentrament li hemm fil-Libja. F’Lulju li għadda, l-Papa Franġisku sejjħilhom ‘lager’. Jiġifieri Konzentrationslager, jew ħabsijiet tan-Nażisti. Min jaf Robert Abela għadx jitħajjar jieħu l-familja tiegħu f’waħda minn dawn u miegħu forsi wkoll jieħu xi delegazzjoni ta’ negozjanti?

3. Il-gvern kienn reġġa’ lura l-migranti mill-ibħra territorjali Maltin u qabbadhom it-triq li twassal għall-Italja. Repubblika oġġezzjonat u sostniet li dan l-aġir kien jammonta għal ksur tal-obbligi ta’ Malta taħt il-liġi internazzjonali.

Inkjesta li saret mill-eks kollega politiku ta’ Robert Abela, Joe Mifsud ikkonkludiet li l-gvern ma kien għamel xejn ħażin. Madankollu din l-inkjesta ma kienet xejn ħlief waħda finta u dan Robert Abela jafu ben tajjeb. Dan jaf ben tajjeb għaliex wara li ntemmet l-inkjesta u l-gvern ingħata l-assoluzzjoni, Robert Abela ma kompliex bl-aġir tiegħu.

Irrikorra minflok għar-raba’ “soluzzjoni” li, mid-dehra, Robert Abela jidhirlu li hi “t-triq tan-nofs li ma taħdimx”: il-gvern għabba lill-immigranti li ġew salvati fuq laneċ bejn sema’ u ilma u dawn ma ngħatawx id-dritt li jkunu mgħarrfa dwar id-dritt tagħhom għall-ażil u dan minkejja l-fatt li, bħall-immigranti li jkunu treġġgħu lura lejn il-Libja, tal-UNHCR taw lill-immigranti li nżammu llegalment l-opportunità li japplikaw għall-ażil. Dan ukoll jammonta għal ksur tal-obbligi ta’ Malta taħt il-liġi internazzjonali u jekk dan l-għemil jerġa’ jirrepeti ruħu jkun jeħtieġ li terġa’ tittieħed azzjoni ta’ reżistenza.

Jien ma nitkellimx f’isem Bernard Grech. Il-politika tiegħu ifassalha hu. Sal-lum il-politika tal-partit tiegħu tbandlet bejn l-appoġġ għall-politika “full up” tal-gvern u bejn l-ambivalenza u l-ambigwità.

Sur Prim Ministru, din hi appuntu r-raġuni għall-eżistenza ta’ Repubblika. Għax m’għandiex għalfejn noqgħodu nkejjlu b’riga politika dwar kemm huma popolari l-pożizzjonijiet li nieħdu fejn għandhom x’jaqsmu d-drittijiet ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Dan hu l-vantaġġ li ma tkunx partit politiku. Is-soċjetà ċivili ma tiddejjaq xejn tkun f’minoranza. Iżda tiddejjaq jekk ma tkunx fuq in-naħa tas-sewwa.

Ma kienitx pożizzjoni popolari dik li kienet ħadet Repubblika dwar is-salvataġġ tal-immigranti. L-avukati tagħna kienu ġew intimidati, uffiċjali ta’ Repubblika kienu ġew mgħajjra u kien hemm ukoll min beżqilhom fit-triq u heddidhom permezz ta’ telefonati. Konna aħna li konna “taħt il-pressjoni tal-migrazzjoni”.

Iżda dak li għaddejna minnu ma kienx għal xejn. Id-delitti kriminali li twettqu fil-Għid li għadda ma reġgħux irrepetew ruħħom. Din kienet ir-raġuni għala l-bieraħ Robert Abela stqarr li “tas-soċjetà ċivili m’għandhomx jinstigaw l-investigazzjonijiet”. Għaliex l-investigazzjoni li kienet “instigat” Repubblika wasslet biex il-gvern ma kompliex jieħu “pożizzjoni iebsa” għaliex kien jaf li, kieku kien ikun hemm maġistrat ieħor, kien jispiċċa b’xi kundanna.

L-investigazzjonijiet qatt ma jkunu “instigati”. L-instigazzjoni tkun għal xi ġlieda jew għall-vjolenza. Dan kien appuntu li għamel Robert Abela meta f’konferenza stampa f’April dwar Repubblika instiga t-theddid u l-vjolenza. 

Repubblika għamlet biss dak li kull ċittadin ieħor għandu dritt li jagħmel meta ppreżentat talba biex issir investigazzjoni mill-Pulizija. Ma kien hemm ebda “instigazzjoni” iżda servizz pubbliku. U jgħid x’jgħid Robert Abela, mhux bi ħsiebna nieqfu dan kollu għaliex ma jaraniex ħelwin.

M’għandniex xi ngħidu, l-faxxisti xejn ma ħadu pjaċir. Il-ġimgħa li għaddiet uħud minnhom inġabru l-Belt Valletta biex igħajjru lil Nello Scavo u lili u dan talli Nello Scavo kellu l-“wiċċ” li jixhed fil-kawża li l-pulizija bdiet kontra Neville Gafà talli dan tal-aħħar kien heddu. Robert Abela kien qabbad lil Neville Gafà biex jirranġa t-treġġija lura illegali tal-immigranti lejn il-Libja. Għal ġieħna, jridha ta’ eroj dan!

Repubblika ma kien jimpurtaha xejn x’pożizzjoni ħa l-PN dwar is-salvazzjoni ta’ ħajjet dawk li kienu fil-periklu tal-għarqa u dwar it-trattament uman tagħhom bid-dinjità li tixirqilhom b’rispett lejn l-obbligi internazzjonali ta’ Malta. Il-pożizzjoni għadha l-istess sal-lum. Il-PN jista’ jfassal il-politika tiegħu dwar il-migrazzjoni. Jekk naqblu magħhom, se ngħidu li naqblu. Jekk ma naqblux, ser ngħidu li ma naqblux. Hekk għamilna fl-imgħoddu u hekk bi ħsiebna nagħmlu fil-ġejjieni.

Il-“fazzjoni ta’ Simon Busuttil” teżisti biss fl-immaġinazzjoni ta’ Robert Abela. Jekk ser jibda’ jemmen il-ħmerijiet li jogħġbu jlissen – ‘jekk qalha l-One TV, allura hekk hu’ – huwa aktar ċuċ milli jidher li hu.