Nitkellmu dwar it-torrijiet li telgħin fiċ-ċentru tal-gżira. Mhux ser nikteb dwar id-dehra tagħhom, dwar il-konġestjoni li dawn mistennijin li joħolqu, dwar it-tibdil fix-xenarju li ser iġibu magħhom, dwar iż-żjieda fit-traffiku jew il-ħtieġa jew nuqqas ta’ ħtieġa tagħhom b’riżq l-ekonomija. Dan l-argument inħallih f’idejn min tassew jifhem.
Madankollu m’hemmx dubju li l-bini ta’ dawn it-torrijiet tal-Imrieħel huwa riżultat ta’ ordni ministerjali diretta li kien ħareġ Michael Farrugia. Bidla kbira bħal din kellha tkun ir-riżultat ta’ ppjanar riċerkat. U l-ippjanar iseħħ appuntu għal din ir-raġuni: il-bini tal-ibliet u tal-irħula jifforma parti minn eko-sistema li jeffettwa t-tgawdija tagħna tal-ambjent, jeffettwa l-kwalità tal-arja, jeffettwa l-ħin li nkunu neħtieġu biex nivvjaġġaw minn post għal ieħor, jeffettwa l-użu tar-riżorsi tagħna, jeffettwa s-sostenibilità ta’ attività ekonomika, jeffettwa l-konsum tal-enerġija u tal-ilma, jeffettwa l-ġenerazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, eċċetra.
Ministru ċertament m’għandux il-ħila li – waħdu – jkejjel sitwazzjoni kumplessa bħal din u jserraħ deċiżjoni biss fuq għaxar kelmiet miktubin minnu f’ittra. Ministru m’għandux ikollu s-setgħa li jagħti l-permess għall-bini ta’ kamra f’għalqa. Iżda, mid-dehra, jidher li f’dan il-każ il-Ministru ppermetta l-bini ta’ torrijiet għoljin ħafna f’post li ma kien qatt intiż għal binijiet bħal dawn.
Fl-imgħoddi min jaf kemm kien hemm applikanti li kienu qalulhom li ma setgħux iwessgħu xi tieqa, ma setgħux itellgħu biċċa saqaf f’bitħa, ma setgħux jibnu ħajt baxx madwar għalqa jew li ma setgħux jużaw ġidhom biex jagħmlu tajjeb għal xi dejn minħabba xi ksur insinjifikanti tar-regoli tal-ippjanar f’post li kienu xtraw mingħand ħaddieħor.
Iżda, għal ġieħna, s-sidien tal-art li fuqha qed jinbnew dawn it-torrijiet sabu l-bibien kollha miftuħin beraħ għalihom.
Xi ġranet ilu, smajna li Michael Farrugia kien ħareġ l-ordni tiegħu ftit minuti wara żjara li għamillu Yorgen Fenech. Yorgen Fenech huwa negozjant ewlieni li jifforma parti mill-familja ta’ Tumas li qed tibni t-torrijiet tal-Imrieħel fi sħubija mal-familja Gasan, sħabhom fl-Electrogas.
Minn dak li ntqal fil-qorti, smajna li l-permess għall-bini tat-torrijiet tal-Imrieħel kien ħareġ bis-saħħa tal-vot ta’ Paul Apap Bologna, seħibhom l-ieħor fl-Electrogas, li kien inħatar fuq il-bord tal-awtorità tal-ippjanar minkejja l-fatt li, kif ammetta huwa stess, fl-ippjanar ma jifhimx għakka. Min taħsbu li ħatar lil Paul Apap Bologna fuq il-Bord? Ħadd aktar mill-Ministru Michael Farrugia.
Aħsbu ftit. Insew għal mument li l-partit li għandna fil-gvern isejjaħ lilu nnifsu bħala “Laburista” u li fl-imgħoddi, qabel bdew jistħu jissejjħu hekk, rieduha ta’ “soċjalisti”. Għal fuq il-bord li jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għall-ippjanar dawn ħatru bniedem li, kif ammetta huwa stess fil-qorti qisu mhux hu waqt l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien irċieva aktar minn €6 miljuni u li – imbierek Alla – ma setgħax jiftakar ta’ xiex kien tħallas tagħhom.
Jien 6 miljuni lanqas biss naf ngħoddhom. U hawn bosta eluf f’dan il-pajjiż li huma bħali. Għandna l-bordijiet tal-ippjanar sabiex persuni normali bħalna jkunu jistgħu jgħixu f’pajjiż li fih kollox ikun ippjanat u mfassal skond il-ħtiġijiet tal-biċċa ‘l kbira tal-poplu. Għandna l-bordijiet tal-ippjanar biex jiżguraw li n-nies ikollha postijiet diċenti fejn titfa’ rasha, fejn tkun tista’ tgawdi l-ambjent flimkien ma’ uliedha fis-sigurtà saħansitra anki f’xatt il-baħar u f’postijiet ta’ rikreazzjoni oħrajn.
Iżda jidher li hu xi ħadd bħal Paul Apap Bologna – l-istess bniedem li xorob 6 miljuni u li qalilna li ma jiftakarx għalxiex kien tħallas tagħhom – li ngħata s-saħħa li jiddeċiedi għalina dwar l-ippjanar. U, għal ġieħna, dan iddeċieda li lil sħabu Tumas u Gasan iberkilhom it-torrijiet li qed jibnu. U Michael Farrugia, bniedem elett mill-poplu, minflok ħadem għalina, ħadem b’riżq Tumas u Gasan.
Il-bini tat-torrijiet għandu jieqaf ħesrem. Għanda ssir inkjesta indipendenti biex jiġi determinat kif bini li b’liġi ma setgħax jinbena’, f’radda ta’ salib sar legali. U dan il-bini huwa l-akbar proġett mill-bini tal-isptar Mater Dei ‘l hawn.
Il-Pulizija għandha wkoll tinvestiga għaliex hawn għandna suspett raġjonevoli li seħħ delitt.
U Michael Farrugia għandu jittajjar minn postu fil-kabinett sakemm jinstab tarf ta’ din il-kawlata.
U wara li jittajjar, niddubita ferm kemm jitreġġa’ lura f’postu.