Il-kriżi fil-pajjiż li qed iġġib magħha l-imxijja tal-Covid-19 qed tkompli tikxef l-inkompetenza tal-gvern. Kull deċiżjoni ta’ ċerta portata li tittieħed f’Malta tiddependi fuq il-ħiliet, il-kuxjenza u l-integrità tal-Prim Ministru u, meta dawn il-kwalitajiet jiġu neqsin, imutu n-nies.

Jekk dan li għadni kemm ktibt ifakkar fl-istejjer li qed joħorġu mill-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, dan huwa għaliex in-nies qed jifhmu li n-nuqqasijiet tal-istat li wasslu għall-assassinju ta’ Daphne huma l-istess nuqqasijiet li qed iwasslu għall-imwiet tan-nies minħabba d-deċiżjonijiet ħżiena li qed jittieħdu fil-konfront tal-imxijja.

L-istatistika tal-persuni nfettati li qed tixxandar kuljum turi li mal-mogħdija taż-żmien, jekk int qed tgħix f’Malta, xi ħadd li jiġi minnek ser imut bl-imxijja. M’għandniex xi ngħidu, ser ikun hemm min igħidilkom li l-familjari tagħkom mietu minħabba l-kundizzjoni medika li kellhom jew minħabba x-xjuħija. Ser ikun hemm min jipprova jbellagħhielkom li mietu n-nies tort tagħhom jew tort tal-familjari tagħhom jew ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom jew tal-pubbliku: tort ta’ kulħadd ħlief ta’ dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jmexxu lill-pajjiż u li jħarsu s-saħħa taċ-ċittadini.

Id-deċiżjonijiet li kien jieħu Joseph Muscat kienu msejsa biss fuq l-interessi personali ta’ dawk li kienu qrib tiegħu u l-korruzzjoni ta’ żmienu ħalliet il-vittmi tagħha. Robert Abela jista’ jkun li hu jew jista’ jkun li m’huwiex korrott jew kundizzjonat mill-interessi korrotti ta’ dak ta’ qablu. Iżda fejn jidħlu d-deċiżjonijiet marbutin mal-ġlieda kontra l-imxijja Covid-19, dawn ċertament m’humiex bażati fuq pariri xjentifiċi jew imsejsin fuq kemm għandhom jiġu mħassra l-membri vulnerabbli tal-komunità tagħna. Id-deċiżjonijiet li qed jieħu huma msejsin fuq kif jaħseb li n-nies ser tirreaġixxi jew dwar kif dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jeffettwaw fejn ser imur il-vot tagħhom fl-elezzjoni.

Dan m’hu xejn ħlief falliment politiku. Il-problema hi aktar kumplessa milli naħsbu. Lil hinn mill-falliment politiku ta’ Robert Abela, għandna wkoll falliment istituzzjonali fil-konfront ta’ vulnerabilitajiet politiċi bħal dawn.

Chris Fearne, l-ministru tas-saħħa, għal darb’oħra qed jagħti priorità lil lealtajiet partiġġjani tiegħu a skapitu tal-kuxjenza ministerjali. Mhux l-ewwel darba li għażel li jagħmel dan. Dan l-aħħar stqarr li Konrad Mizzi u Keith Schembri kien messhom tkeċċew meta nkixfu bħala sidien ta’ kumpanniji fil-Panama u li dan id-diskors kien qalu lil Joseph Muscat. Iżda meta Joseph Muscat ma tax każu, din id-deċiżjoni Chris Fearne baqa’ taħtha. Chris Fearne kellu s-setgħa ministerjali bħala ministru tal-kabinett, deputat parlamentari u uffiċjal għoli fil-Partit Laburista li jkompli jagħfas biex tittieħed deċiżjoni li tkun fuq in-naħa tas-sewwa. Din is-setgħa naqas li jeżerċitaha għaliex ħass li l-obbligu morali li juri lin-nies li jinsab magħqud ma’ sħabu fil-partit kien akbar mill-obbligu morali li jinsisti li l-gvern li minnu jifforma parti jeqred il-korruzzjoni.

Dan sirna nafuh minn dak li huwa stess stqarr quddiem il-bord tal-inkjesta. Tgħid f’xi inkjesta oħra ser insiru nafu li Chris Fearne kien insista ma’ Robert Abela li l-gvern għandu jintensifika l-gwerra kontra l-imxijja iżda spiċċa biex aċċetta d-deċiżjonijiet ta’ Robert Abela minkejja li kien jaf li kienu ta’ ħsara u ta’ theddida għal ħajjet in-nies?

L-istess jista’ jingħad fil-konfront ta’ Charmaine Gauci issa u fil-konfront ta’ Alfred Camilleri meta kellu jieħu deċiżjoni dwar il-kuntratt tal-Electrogas. Li kieku ried, seta’ ma ċediex. Iżda ġara’ li dawwar wiċċu n-naħa l-oħra biex setgħet tgħaddi tal-“imgħallmin politiċi” ta’ fuqu.

Eżatt hekk qegħda tagħmel Charmaine Gauci. Il-ħaddiema ta’ taħtha qed igħidu li lill-gvern qed tagħtih pariri li jistgħu jsarrfu biex jonqos drastikament in-numru ta’ persuni nfettati u b’hekk jitnaqqsu l-imwiet. Iżda Robert Abela qed jinjoraha u hi m’hix titniffes.

Għandna supretendent dwar is-saħħa u ministru tas-saħħa appuntu għaliex mhux mistenni li l-Prim Ministru għandu jkun jaf x’ikun jeħtieġ li jsir f’każ ta’ emerġenza medika. Iżda meta l-esperti jagħżlu li jbaxxu rashom għal dak li jiddeċiedi prim ministru nkompetenti, jkun ifisser li dawn ma jiswew għal xejn.

Kif stqarrew xi kummentaturi, Robert Abela ma jispira ebda fiduċja u m’għandux il-ħila li jisma’ dak li jista’ jgħidlu min jifhem ferm aktar minnu. Saħansitra l-ippjanar ekonomiku tiegħu huwa mimli nuqqasijiet u li ma jfittixx is-sostenibilità. Abela rrifjuta li jagħlaq il-ħwienet tax-xorb u r-ristoranti anki għal periodu qasir ta’ żmien u dan minkejja l-fatt li, bis-saħħa tan-numru kbir ta’ infezzjonijiet li għandna, dawn il-ħwienet u ristoranti xorta waħda jinsabu vojta għax in-nies qed tibża’ tmur fihom. Jekk dawn ikunu mġiegħla jagħlqu għal żmien qasir, tistgħu tibqgħu ċerti li r-rati ta’ dawk infettati jonqos drastikament.

Mhux biżżejjed li l-ħwienet tax-xorb jiġu ordnati jagħlqu fil-11 ta’ bil-lejl. Fiċ-ċirkostanzi dawn xorta waħda qed jagħlqu f’dan il-ħin. Dan jgħodd ukoll għall-ilbies tal-maskri: bosta min-nies diġà qed jilbsuhom minn jeddhom.

Iżda bil-għan li ma jirfisx kallijiet, Robert Abela lanqas biss għandu l-ħila li juri “tħassib” fil-konfront tan-numri dejjem jiżdiedu ta’ infezzjonijiet. Kien il-President George Vella li wera’ t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni li għandna bħalissa. Robert Abela baqa’ jgħid li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll u dawk li qed imeruh qed igħajjarhom bis-sabutaġġi, bil-biża’ mill-babaw u – l-akbar insult – “nazzjonalisti” li qed “jippolitiċizzaw” lill-imxijja.

It-tmexxija tas-saħħa pubblika hi kwistjoni politika. L-istess bħal fil-qasam tal-edukazzjoni u tas-sigurtà nazzjonali, s-saħħa hi funzjoni ewlenija tal-governanza moderna. Jekk, minħabba l-biża’ li niġu mgħajjra beżżiegħa jew “nazzjonalisti”, titneħħilena l-opportunità li nikkritikaw lill-gvern dwar in-nuqqasijiet tiegħu fil-qasam tas-saħħa pubblika, ma nkunux nistgħu inżommu lill-gvern kontabbli għal għemilu.

Jien m’jinix espert u ma nistax ngħid lill-gvern x’għandu jew x’m’għandux jagħmel biex jikkontrolla lill-imxijja. Bħal Robert Abela, ma nifhimx fis-saħħa. Madankollu għandi l-ħila li nħaddem moħħi u tgħallimt xi ħaġa mill-priedki interminabbli ta’ Chris Fearne u ta’ Charmaine Gauci minn fuq it-televiżjoni ta’ Marzu u April li għadda.

Minn dakinhar ‘l hawn, stajna tgħallimna aktar dwar l-imxijja. Iżda l-prinċipju li n-numru ta’ dawk infettati jeħtieġ li jitnaqqas ma nbidilx għalkemm l-għodda li jwasslu għal dan it-tnaqqis setgħu nbidlu.

Id-deċiżjoni li jingħalaq l-ajruport f’April li għadda setgħet kienet waħda li tagħmel sens għaliex setgħet ikkontrollat in-numru ta’ persuni infettati li jidħlu fil-pajjiż. Iżda issa jidher li l-imxijja qed tagħlibna xorta waħda u għaldaqstant ftit jagħmel sens li jerġa’ jingħalaq l-ajruport.

L-imxijja jeħtieġ li tiġi kontrollata llum qabel għada għaliex l-Isptar Mater Dei ser jiġi f’pożizzjoni li ma jkunx jista’ jiflaħ li jilqa’ aktar pazjenti.

Minkejja l-assikurazzjonijiet tal-gvern, jibqa’ s-suspett li l-kontroll tal-imxijja ħarbilna minn taħt idejna.

Hawn xi ħadd li għandu l-istonku li jgħid dan kollu f’wiċċ Robert Abela u li jekk, bħalma jħobb jagħmel is-soltu, dan jinjora lil kulħadd, jgħid dan lill-poplu kollu?