Tassew ħaġa tal-mistħija meta jiġi l-Prim Ministru u jirreferi għall-inkjesti pubbliċi bħallikieku dawn huma xi “logħba” intiżi biex iħarbtu u jimminaw il-proċess ġudizzjarju. L-inkjesti jsiru bis-saħħa tal-Att dwar l-Inkjesti li kien għadda l-Parlament fl-1977. L-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hi waħda ta’ mingħajr preċedent għaliex qed isseħħ b’mod mill-aktar trasparenti f’kamra miftuħa għall-pubbliku. Madankollu l-inkjesti m’humiex invenzjoni ta’ xi ‘nazzjonalisti indannati’ li jridu jimminaw u jħarbtu l-proċessi ġudizzjarji tal-gvern ta’ Robert Abela.
Għall-kuntrarju, l-inkjesti huma meħtieġa mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (trattat li Malta kienet iffirmat fis-snin 60) u mistennija li jagħmlu parti mil-liġijiet tagħna.
L-Att dwar l-Inkjesti tfassal sabiex ikunu jistgħu jsiru investigazzjonijiet indipendenti dwar għemil mhux xieraq minn uffiċjali pubbliċi, nuqqasijiet f’dipartimenti tal-gvern jew nuqqasijiet fil-qadi tad-dmirijiet ta’ entità pubblika.
Din il-liġi, li l-Parlament kien għaddiha meta Daphne Caruana Galizia kellha biss 13 il-sena, tirregola l-komportament tal-gvern meta dan jiġi mistoqsi l-mistoqsija li ġejja: ‘l-istat naqas mill-obbligi tiegħu li jħares ħajjet Daphne Caruana Galizia?”
Għaldaqstant il-Prim Ministru arroganti li għandna għandu jgħidilna jekk huwiex kontra kull inkjesta li saret mill-1977 ‘l hawn u dwar jekk iqisx kull inkjesta li saret f’dawn l-aħħar 44 sena bħala għodda intiża “biex tħarbat il-ħidma tal-qrati”. Għandu jgħidilna wkoll huwiex kontra l-fatt li l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne qed tinżamm bil-bibien miftuħin għall-istampa li qed tirrapporta kull dettall li jwaħħax ta’ dak li qed jixhdu x-xhieda.
Għandu jgħidilna wkoll huwiex kontra li ssir inkjesta dwar l-għoti tal-kuntratt tal-Electrogas ġaladarba jeżistu allegazzjonijiet li tant huma kredibbli dwar dan il-kuntratt maħmuġ li tal-Labour stess saħansitra waslu biex keċċew lil Konrad Mizzi mill-Partit.
Kif qatt jistgħu jitħarbtu l-qrati meta l-gvern stess jitlob it-tnedija ta’ bord ta’ inkjesta indipendenti biex jgħarbel jekk ministru, li huma stess keċċew, naqas mid-dmirijiet u mir-responsabbilitajiet tiegħu? Wara kollox, huma qed igħidu li m’għamlu xejn ħażin. Iżda Robert Abela jaf ben tajjeb li dan m’huwiex il-każ.
Iżda issa, għaliex jaf li malli ċerti ċirkostanzi jiġi mgħoddijin minn għarbiel amministrattiv x’aktarx li jinħolqu problemi għall-partit tiegħu, għażel li jattakka l-qafas legali kollu tal-istat.
Robert Abela nisħajjlu bħal bomba li tqiegħdet fis-sisien tad-demokrazija tagħna.
Fil-qasam amministrattiv, l-inkjesti pubbliċi huma għodda ewlenija u importanti. Ser nagħti ftit eżempji.
Il-każ tal-whistleblower tal-Garda li seħħ erba’ snin ilu fir-Repubblika Irlandiża, minħabba liema każ spiċċa biex twarrab il-Ministru tal-Ġustizzja wara li żewġ uffiċjali tal-pulizija kifxu l-korruzzjoni fi ħdan aġenzija tal-infurzar tal-liġijiet.
Fl-Afrika t’Isfel, it-Truth and Reconciliation Commission immexxija mil-Lawreat Nobel Desmond Tutu nvestigat lill-apartheid wara li kien waqa’ r-reġim tal-bojod fl-1994.
Fir-Renju Unit, l-inkjesta Chilcot tnediet fl-2009 u din ħadmat għal xhur sħaħ “sabiex jiġu identifikati t-tagħlimiet li kellhom jittieħdu mill-gwerra fl-Iraq”. Hemm ukoll l-inkjesta dwar it-Torri Grenfell, li għadha ma kkonkludietx ix-xogħol tagħha, dwar in-nirien li ħakmu blokk ta’ appartamenti f’Londra fl-2017 u biex “jiġi żgurat li traġedja bħal din ma terġax isseħħ”.
F’Hong Kong kienet saret inkjesta pubblika biex tiġi investigata ħabta bejn żewġ vapuri fl-2012 f’Lamma Island, liema nkjesta xandret il-konklużjonijiet li kienu nżammu sigrieti u li saru minn investigazzjoni nterna dwar dan l-inċident.
L-ebda waħda minn dawn l-inkjesti “ma ħarbtet jew imminat ix-xogħol tal-qrati”. Iżda dawn l-inkjesti wasslu biex saret ġustizzja u biex ħarġet il-verità. Mingħajr verità ma jistax ikun hemm ġustizzja. U ma tistax toħroġ il-verità meta kollox isir fil-magħluq.
Nieħdu l-isparatura li seħħet is-sena li għaddiet li qatlet lil Lassana Cisse Souleymane. L-armata niediet “investigazzjoni interna”. Ix-xhieda suppost nstemgħu fil-magħluq u l-provi suppost inġabru fil-magħluq ukoll. Iżda l-verità hi li ma nafux instemgħux xhieda jew le u jekk inġabrux provi jew le. Jista’ jkun il-każ li nstemgħu xhieda u nġabru provi. Iżda ma nistgħu qatt inkunu ċerti.
L-unika ħaġa li xxandret kienet il-konklużjoni li tal-armata ma kienu għamlu xejn ħażin u li għalhekk ma kienx hemm tagħlimiet x’jittieħdu mill-inċident li seħħ meta żewġ suldati sparaw fuq raġel iswed u qatluh għal xejn b’xejn.
Lil kieku konna f’pajjiż tassew demokratiku, kienet issir inkjesta pubblika dwar dan l-inċident jekk xejn sabiex ikun magħruf setax sar aktar mill-istat biex tiġi mħarsa ħajjet is-Sur Souleymane. L-inkjesti ma jsirux biex jitħarbtu l-proċeduri legali li jsiru kontra dawk li jinsabu mixlija li qatluh. Dawn huma preżunti li huma innoċenti sakemm jgħaddu mill-proċess legali kollu. Iżda anki jekk kemm il-darba dawn jeħlu, l-proċess kriminali m’hu ser igħallimna xejn dwar kif inkunu nistgħu nevitaw xenarju simili fil-ġejjieni.
Inkjesta indipendenti dwar l-operazzjoni ta’ “salvataġġ” li seħħet fl-Għid li għadda fil-baħar għandha tmur lil hinn minn kwistjonijiet ta’ responsabbiltà kriminali u għandha tgħarbel il-kwistjoni dwar jekk l-uffiċċju ta’ Robert Abela u t-tmexxija tal-armata għamlux dak li kellhom jagħmlu biex isalvaw ħajjet in-nies.
Ser ikollna l-ħtieġa ta’ inkjesta pubblika indipendenti sabiex tiġi mgħarbla l-imġieba tal-gvern fil-konfront tal-imxijja Covid-19. In-nies qed imutu u l-ekonomija tinsab fix-xifer. Possibbli li m’hemm ebda tagħlima x’tittieħed minn din l-esperjenza sabiex inkunu f’pożizzjoni aħjar li nilqgħu għaliha jekk imxijja bħal din terġa’ tiskatta fil-ġejjieni? Robert Abela għandu jkun raġel biżżejjed u jammetti li hu wkoll għandu l-ħila li jiżbalja.
Jeħtieġ li lill-Prim Ministru ngħidulu li ma nistgħux nippermettulu li jabbuża mis-setgħat eżekuttivi tiegħu u jagħlaq kull triq istituzzjonali li tista’ twassal biex toħroġ il-verità. Ir-responsabbiltà jeħtieġ li tintrefa’ minn min għandu jerfagħha.
Dan huwa attakk fuq id-demokrazija tagħna, jew fuq dak li fadal minnha.
Minflok is-saltna tad-dritt issa għandna s-saltna ta’ Robert.